Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja

Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja

“Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.”—1 PT. 2:21.

1, 2. (a) Xi jkun ir-riżultat meta ragħaj jieħu ħsieb lin-nagħaġ? (b) Ħafna nies fi żmien Ġesù għala kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj?

IN-NAGĦAĠ imorru tajjeb meta ragħaj jieħu ħsiebhom. Ktieb dwar it-trobbija tan-nagħaġ jgħid li jekk ragħaj sempliċement jitlaq lin-nagħaġ tiegħu fl-għalqa biex jieklu imma ma jagħtix kas il-bżonnijiet l-oħrajn tagħhom, fi ftit snin, in-nagħaġ jiddgħajfu u jimirdu. Imma meta ragħaj jieħu ħsieb sew kull waħda min-nagħaġ tiegħu, il-merħla kollha tkun b’saħħitha u f’saħħitha.

2 L-istess hu veru fil-kongregazzjoni. Is-saħħa spiritwali tal-kongregazzjoni kollha kemm hi se tiġi effettwata meta r-rgħajja tal-merħla t’Alla jieħdu ħsieb in-nagħaġ kollha li huma fdati f’idejhom u jagħtuhom attenzjoni. Forsi tiftakar meta Ġesù tħassar lill-folol “għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mt. 9:36) Għala kienu f’kundizzjoni tal-biki bħal din? Għax dawk li kellhom ir-responsabbiltà li jgħallmu l-Liġi t’Alla lin-nies kienu ħorox, ipokriti, u kienu jitolbu wisq min-nies. Minflok ma għenu u ħadu ħsieb il-membri tal-merħla tagħhom, il-mexxejja spiritwali taʼ Iżrael poġġewlhom “tagħbijiet tqal” fuq spallejhom.—Mt. 23:4.

3. L-anzjani tal-kongregazzjoni taʼ xiex għandhom ikunu konxji hekk kif iwettqu l-irwol tagħhom bħala rgħajja spiritwali?

3 B’hekk, fi żmienna, ir-rgħajja Kristjani—l-anzjani maħturin—għandhom responsabbiltà serja. In-nagħaġ fil-merħla li jieħdu ħsiebhom l-anzjani huma taʼ Ġeħova u taʼ Ġesù, li identifika lilu nnifsu bħala “r-ragħaj mill-aħjar.” (Ġw. 10:11) In-nagħaġ ‘inxtraw bi prezz’ li Ġesù ħallas bid-“demm prezzjuż” tiegħu stess. (1 Kor. 6:20; 1 Pt. 1:18, 19) Tant iħobbhom in-nagħaġ li minn jeddu ssagrifika ħajtu għalihom. L-anzjani għandhom jiftakru dejjem li huma sottorgħajja u li l-indokratur tagħhom hu Ġesù Kristu, “ir-ragħaj il-kbir tan-nagħaġ.”—Ebr. 13:20.

4. Dan l-artiklu x’se jikkunsidra?

 4 Allura, ir-rgħajja Kristjani kif huma mistennijin li jittrattaw lin-nagħaġ? Il-membri tal-kongregazzjoni jiġu mħeġġin biex ikunu “ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu” fosthom. Mill-banda l-oħra, l-anzjani Kristjani huma mħeġġin biex ma ‘jiddominawx fuq dawk li huma l-wirt t’Alla.’ (Ebr. 13:17; aqra l-1 Pietru 5:2, 3.) Imma, l-anzjani maħturin kif jistgħu jieħdu t-tmexxija mingħajr ma jiddominaw fuq il-merħla? Fi kliem ieħor, l-anzjani kif jistgħu jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tan-nagħaġ mingħajr ma jabbużaw mill-awtorità mogħtija lill-indokraturi minn Alla?

“IĠORRHOM F’ĦOBBU”

5. L-iskrittura f’Isaija 40:11 x’turina dwar Ġeħova?

5 Dwar Ġeħova, il-profeta Isaija qal: “Bħal ragħaj se jirgħa l-merħla tiegħu. Bi driegħu se jiġbor flimkien il-ħrief; u jġorrhom f’ħobbu. Lil dawk li jreddgħu jmexxihom b’attenzjoni.” (Is. 40:11) Din l-iskrittura turina li Ġeħova jimpurtah mill-ħtiġijiet tal-membri tal-kongregazzjoni li huma dgħajfin u taʼ dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni. Bħalma ragħaj ikun konxju tal-ħtiġijiet partikulari taʼ kull nagħġa fil-merħla tiegħu u jkun lest biex jgħinha, hekk ukoll Ġeħova hu konxju tal-ħtiġijiet taʼ dawk fil-kongregazzjoni u minn qalbu jipprovdi l-għajnuna meħtieġa. Sewwasew bħalma ragħaj iġorr ħaruf tat-twelid f’ħobbu meta jkun hemm bżonn, Ġeħova—“il-Missier taʼ kull ħniena tenera”—se jieħu ħsiebna fi żminijiet diffiċli. Hu se jfarraġna meta nkunu għaddejjin minn xi prova kbira jew meta jkollna bżonn speċjali.—2 Kor. 1:3, 4.

6. Bħala ragħaj spiritwali, anzjan kif jistaʼ jsegwi l-eżempju taʼ Ġeħova?

6 X’lezzjoni meraviljuża jistaʼ jitgħallem ragħaj spiritwali minn Missierna tas-sema! Bħal Ġeħova, hu jrid joqgħod attent għall-ħtiġijiet tan-nagħaġ. Billi jkun jaf liema sfidi qed jiffaċċjaw u liema ħtiġijiet speċifiċi jeħtieġu attenzjoni minnufih, anzjan se jkun jistaʼ joffri l-inkuraġġiment u l-appoġġ meħtieġ. (Prov. 27:23) Jidher ċar li anzjan irid ikollu komunikazzjoni tajba maʼ sħabu fit-twemmin. Waqt li jirrispetta d-dritt tal-privatezza tagħhom, jinteressa ruħu f’dak li jara u jismaʼ fil-kongregazzjoni u bi mħabba jagħmel lilu nnifsu disponibbli biex ‘jgħin lid-dgħajfin.’—Atti 20:35; 1 Tess. 4:11.

7. (a) In-nagħaġ t’Alla kif kienu qed jiġu trattati fi żmien Eżekjel u Ġeremija? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-fatt li Ġeħova kkundanna lir-rgħajja spiritwali żleali?

7 Ikkunsidra l-attitudni tar-rgħajja li kienu kundannati minn Alla. Fi żmien Eżekjel u Ġeremija, Ġeħova ċaħad lil dawk li suppost kellhom jieħdu ħsieb in-nagħaġ tiegħu imma ma kinux qed jagħmlu dan. Meta ma kien hemm ħadd jgħasses lin-nagħaġ, il-merħla nħatfet bħala priża u tferrxet. Minflok ma jitimgħu lin-nagħaġ, dawk ir-rgħajja kienu qed jieħdu vantaġġ minnhom u kienu qed “jitimgħu lilhom infushom.” (Eżek. 34:7-10; Ġer. 23:1) Il-kundanna minn Alla taʼ dawn ir-rgħajja tistaʼ tiġi applikata b’mod xieraq għall-mexxejja tal-Kristjaneżmu. Imma tenfasizza wkoll kemm hu importanti li l-anzjani Kristjani jagħtu lill-merħla taʼ Ġeħova attenzjoni xierqa bi mħabba.

“ĦALLEJTILKOM MUDELL”

8. Ġesù kif ħalla mudell eċċellenti meta kkoreġa attitudnijiet ħżiena?

8 Minħabba li huma imperfetti, xi wħud min-nagħaġ t’Alla ma tantx jifhmu malajr x’jistenna minnhom Ġeħova. Għandhom mnejn jieħdu deċiżjonijiet  li ma jkunux ibbażati fuq prinċipji Bibliċi, jew il-mod kif jaġixxu jistaʼ juri li għadhom mhumiex Kristjani maturi. L-anzjani kif għandhom jirreaġixxu? Għandhom jimitaw il-paċenzja li Ġesù wera mad-dixxipli tiegħu meta kienu moħħhom f’min minnhom kien se jkun l-akbar fis-Saltna. Minflok ma tilef il-paċenzja magħhom, Ġesù kompla jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jagħtihom pariri bi mħabba dwar kif għandhom juru l-umiltà. (Lq. 9:46-48; 22:24-27) Billi ħaslilhom saqajhom, Ġesù tahom lezzjoni dwar l-umiltà, kwalità li għandha bżonn tintwera mill-indokraturi Kristjani.—Aqra Ġwanni 13:12-15; 1 Pt. 2:21.

9. Ġesù liema attitudni tal-appostli kellu bżonn jikkoreġi?

9 Il-mod kif Ġesù kien iħares lejn l-irwol taʼ ragħaj spiritwali kien differenti mill-ħarsa li darba kellhom Ġakbu u Ġwanni. Dawn talbu lil Ġesù għal pożizzjoni importanti fis-Saltna. Imma Ġesù kkoreġa l-attitudni tagħhom billi qalilhom: “Intom tafu li l-ħakkiema tal-ġnus jiddominawhom u l-kbarat għandhom awtorità fuqhom. Dan m’għandux ikun fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-qaddej tagħkom.” (Mt. 20:25, 26) L-appostli kellhom bżonn jirreżistu t-tendenza li jkunu jridu ‘jiddominaw’ lil sħabhom, jew jgħidulhom x’għandhom jagħmlu.’

10. Ġesù lill-anzjani kif iridhom jittrattaw lill-merħla, u Pawlu liema eżempju ħalla f’dan ir-rigward?

10 Ġesù jistenna li l-anzjani Kristjani jittrattaw lill-merħla kif ittrattaha hu. Iridu jkunu lesti li jaġixxu bħala qaddejja għal sħabhom, mhux bħala sidien fuqhom. L-appostlu Pawlu kellu din l-attitudni umli, għax qal lill-anzjani tal-kongregazzjoni taʼ Efesu: “Intom tafu tajjeb kif sa mill-ewwel jum li rfist fid-distrett taʼ l-Asja kont magħkom il-ħin kollu, nitjassar għall-Mulej bl-akbar umiltà.” L-appostlu xtaq li dawn l-anzjani jgħinu lil oħrajn bil-ħeġġa u bl-umiltà. Hu qalilhom: “F’kollox urejtkom kif, billi titħabtu b’dan il-mod, għandkom tgħinu lid-dgħajfin.” (Atti 20:18, 19, 35) Pawlu qal lill-Korintin li hu ma kienx is-sid tal-fidi tagħhom. Minflok, hu kien qaddej umli t’Alla, preċiż bħalhom, u ried jgħinhom jaqdu lil Alla bil-ferħ. (2 Kor. 1:24) Pawlu ħalla lill-anzjani llum eżempju mill-aħjar taʼ umiltà u xogħol iebes.

‘ŻOMM SOD MAL-KELMA LI TISTAʼ TAFDAHA’

11, 12. Anzjan kif jistaʼ jgħin lil sieħbu fit-twemmin biex jieħu xi deċiżjoni?

11 Anzjan tal-kongregazzjoni jrid “iżomm sod mal-kelma li tistaʼ tafdaha” “fil-mod kif jgħallem.” (Titu 1:9) Imma dan jagħmlu “bi spirtu taʼ ħlewwa.” (Gal. 6:1) Minflok ma jisforza lil ħutu fil-kongregazzjoni biex jaġixxu b’ċertu mod, ragħaj spiritwali tajjeb jipprova jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet huma stess ibbażati fuq l-imħabba tagħhom lejn Ġeħova u l-Kelma tiegħu. Pereżempju, anzjan jistaʼ jenfasizza l-prinċipji Skritturali li ħu għandu jikkunsidra meta jkun ħa jieħu xi deċiżjoni importanti. Hu jistaʼ jirrivedi miegħu dak li ġie pubblikat dwar is-suġġett. Jistaʼ wkoll iħeġġeġ lill-individwu biex jikkunsidra kif l-għażliet differenti jistgħu jeffettwaw ir-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova. L-anzjan jistaʼ mbagħad ifakkru f’kemm hu importanti li jitlob lil Alla għall-gwida qabel ma jieħu xi deċiżjoni. (Prov. 3:5, 6) Wara li jiddiskuti dawn il-kwistjonijiet maʼ sieħbu fit-twemmin, anzjan iħallih jieħu d-deċiżjoni hu stess.—Rum. 14:1-4.

12 L-unika awtorità li għandhom l-indokraturi Kristjani tiġi mill-Iskrittura. Għalhekk, hu vitali li jużaw il-Bibbja bis-sengħa u jżommu maʼ dak li tgħid. Meta  jagħmlu dan, l-anzjani jiġu megħjunin biex jevitaw kwalunkwe abbuż taʼ poter possibbli. Fuq kollox, huma biss sottorgħajja, u kull membru tal-kongregazzjoni se jagħti kont lil Ġeħova u lil Ġesù għad-deċiżjonijiet li jieħu.—Gal. 6:5, 7, 8.

“EŻEMPJI GĦALL-MERĦLA”

L-anzjani jgħinu lill-familji tagħhom biex jippreparaw għall-ministeru (Ara paragrafu 13)

13, 14. Anzjan b’liema modi jrid ikun taʼ eżempju tajjeb għall-merħla?

13 Wara li wissa lill-anzjani fil-kongregazzjoni biex ‘ma jiddominawx’ fuq ħuthom, l-appostlu Pietru ħeġġiġhom biex ‘isiru eżempji għall-merħla.’ (1 Pt. 5:3) Anzjan kif jistaʼ jkun eżempju għall-merħla? Ikkunsidra tnejn mill-kwalifiki li jrid jilħaq raġel li “qed jirsisti għal kariga taʼ indokratur.” Għandu bżonn ikun “moħħu f’loku” u jrid “jippresiedi fuq dawk taʼ daru bl-aħjar mod.” Jekk anzjan ikollu familja, irid jippresiedi fuqha b’mod eżemplari, “għax jekk raġel ma jafx jippresiedi fuq dawk taʼ daru stess, kif se jieħu ħsieb il-kongregazzjoni t’Alla?” (1 Tim. 3:1, 2, 4, 5) Biex jikkwalifika għall-kariga taʼ indokratur, raġel irid ikun moħħu f’loku fis-sens li jifhem b’mod ċar il-prinċipji divini u jkun jaf kif japplikahom f’ħajtu stess. Għandu jkollu rasu fuq għonqu u ma jgħaġġilx biex jiġġudika. Il-fatt li jaraw dawn il-kwalitajiet fl-anzjani jnissel fiduċja fost il-membri tal-kongregazzjoni.

14 Mod ieħor kif l-indokraturi jħallu eżempju mill-aħjar għall-Kristjani sħabhom hu billi jkunu minn taʼ quddiem fis-servizz tal-għalqa. Rigward dan, Ġesù ħallielhom l-aqwa eżempju lill-indokraturi. Parti importanti mill-attività taʼ Ġesù fuq l-art kienet l-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna. Lid-dixxipli tiegħu wriehom kif kellu jsir dan ix-xogħol. (Mk. 1:38; Lq. 8:1) Fi żmienna, kemm hu inkuraġġanti għall-pubblikaturi li jippritkaw spalla maʼ spalla mal-anzjani, li jaraw b’għajnejhom stess iż-żelu tal-anzjani f’dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet, u li jitgħallmu mill-metodi taʼ tagħlim tagħhom! Id-determinazzjoni żeluża tal-indokraturi biex jiddedikaw il-ħin u l-isforz għall-ippritkar tal-aħbar tajba, minkejja l-iskeda mimlija tagħhom, tinkuraġġixxi lill-kongregazzjoni kollha biex turi żelu simili. L-anzjani jistgħu wkoll jħallu eżempju tajjeb għal ħuthom billi jippreparaw għal-laqgħat tal-kongregazzjoni u jipparteċipaw fihom, u jieħdu sehem f’attivitajiet oħrajn, bħalma huma t-tindif u l-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna.—Efes. 5:15, 16; aqra Ebrej 13:7.

L-indokraturi jħallu eżempju tajjeb fis-servizz tal-għalqa (Ara paragrafu 14)

“WIEŻEN LID-DGĦAJFIN”

15. X’inhuma xi raġunijiet għala l-anzjani jagħmlu żjajjar pastorali?

15 Ragħaj tajjeb ikun ħafif biex jgħin lil nagħġa li tkun imweġġgħa jew li timrad. B’mod simili, l-anzjani għandhom bżonn ikunu pronti biex jagħtu attenzjoni lil kull min fil-kongregazzjoni jkun qed isofri jew jeħtieġ assistenza spiritwali. Dawk li huma avanzati fl-età u l-morda għandhom mnejn ikollhom  bżonn l-għajnuna fil-ħtiġijiet taʼ kuljum tagħhom, imma huma speċjalment ikollhom bżonn għajnuna u inkuraġġiment spiritwali. (1 Tess. 5:14) Iż-żgħażagħ fil-kongregazzjoni forsi qed jiffaċċjaw xi sfidi, bħal pereżempju li jirreżistu ‘x-xewqat li jistaʼ jkollhom fiż-żgħożija.’ (2 Tim. 2:22) B’hekk, iż-żjajjar pastorali jinvolvu li minn żmien għal żmien l-anzjani jżuru lill-membri tal-kongregazzjoni biex jifhmu s-sitwazzjonijiet li qed jiffaċċjaw u jinkuraġġuhom b’pariri Skritturali xierqa. Meta l-anzjani jkunu ħfief biex lil ħuthom jagħtuhom l-għajnuna li jeħtieġu, ħafna problemi jistgħu jiġu solvuti qabel ma jsiru serji.

16. Meta membru tal-kongregazzjoni jkollu xi problema serja, l-anzjani liema assistenza jistgħu jagħtuh?

16 X’jiġri jekk ħu fil-kongregazzjoni jkollu xi problema serja u r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova tkun fil-periklu? “Hemm xi ħadd marid fostkom?” staqsa Ġakbu, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja. “Ħa jsejjaħ għandu lill-anzjani tal-kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova. U t-talb tal-fidi jfejjaq lill-marid, u Ġeħova jqajmu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.” (Ġak. 5:14, 15) Anki jekk dak li jkun marid spiritwalment ma ‘jsejjaħx lill-anzjani,’ malli dawn isiru konxji tas-sitwazzjoni tiegħu, għandhom jgħinuh mill-ewwel. Meta jitolbu mal-aħwa u jitolbu għalihom u jappoġġawhom fi żminijiet diffiċli, l-anzjani juru li huma rifreskanti spiritwalment u inkuraġġanti għal dawk li jkunu taħt il-ħarsien tagħhom.—Aqra Isaija 32:1, 2.

17. Meta l-anzjani jimitaw lir-“ragħaj il-kbir,” x’jistaʼ jirriżulta?

17 F’kulma jagħmlu fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, ir-rgħajja Kristjani jistinkaw biex jimitaw lir-“ragħaj il-kbir,” Ġesù Kristu. Bl-assistenza spiritwali taʼ rġiel responsabbli bħal dawn, il-merħla tkompli tissaħħaħ u taqdi fedelment lil Alla. Għal dan kollu, aħna grati u niġu mqanqlin biex infaħħru lir-Ragħaj suprem tagħna, Ġeħova.