Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 MILL-ARKIVJI TAGĦNA

“Kont Bħal Fekruna fil-Qoxra Tagħha—Dari Dejjem Kienet Miegħi”

“Kont Bħal Fekruna fil-Qoxra Tagħha—Dari Dejjem Kienet Miegħi”

MATUL kampanja taʼ ppritkar li saret b’ħeffa liema bħalha u li damet disat ijiem matul Awwissu/Settembru tal-1929, iktar minn 10,000 predikatur infirxu tul l-Istati Uniti. Ħallew 250,000 ktieb u ktejjeb f’idejn in-nies. Fost dawk il-predikaturi tas-Saltna kien hemm xi elf colporteur, jew, pijunier. Kemm kien żdied l-għadd tagħhom! Il-Bulletin * qal li “kważi ma kienx jitwemmen” il-fatt li n-numru tal-pijunieri kien it-triplu fl-1929 taʼ dak li kien fl-1927.

Lejn l-aħħar tal-1929 kien hemm kriżi finanzjarja. Fid-29 t’Ottubru, 1929—magħrufa bħala Black Tuesday—il-kollass tal-prezzijiet fil-Borża Amerikana qajjem paniku kbir li tefaʼ s-sistema ekonomika globali fid-Dipressjoni l-Kbira. Eluf taʼ banek fallew. L-irziezet ma baqgħux jaħdmu. Fabbriki enormi għalqu. Miljuni taʼ nies tilfu l-impjieg. Fl-1933, fl-Istati Uniti, sa elf dar kull jum kienu jittieħdu minħabba d-dejn.

Il-predikaturi full-time kif setgħu jkampaw maʼ kriżi bħal din? Mod wieħed kien billi jkollhom karavan bħala d-dar tagħhom. Il-karavani, li ma tridx tħallsilhom kera jew taxxa, għamluha possibbli għal ħafna pijunieri biex ikomplu l-ministeru tagħhom mingħajr ma jonfqu ħafna flus żejda. * U matul il-konvenzjoni, karavan kien iservi bħala kamra f’lukanda bla ħlas. Fl-1934, il-Bulletin kien fih pjanijiet dettaljati għal dar żgħira imma komda b’affarijiet prattiċi bħalma huma sistema tal-ilma, spiritiera, sodda li tingħalaq, u insulazzjoni kontra l-kesħa.

Madwar id-dinja, predikaturi kreattivi bdew jibnu l-karavan tagħhom. “Noè ma kellu ebda esperjenza f’li jibni arka,” jiftakar Victor Blackwell, “u jien ma kelli ebda esperjenza jew għarfien f’li nibni karavan.” Imma xorta rnexxielhom!

Karavan qed jitgħabba fuq dgħajsa biex jittieħed in-naħa l-oħra taʼ xmara matul l-istaġun tal-monsun fl-Indja

Avery u Lovenia Bristow kellhom karavan. Avery qal, “Kont bħal fekruna fil-qoxra tagħha—dari dejjem kienet miegħi.” Il-koppja Bristow qdew bħala pijunieri maʼ Harvey u Anne Conrow, li l-karavan tagħhom kellu ħitan mgħottijin b’karti tal-qatran. Biċċiet mill-karti kienu jaqgħu kull darba li mexxew il-karavan tagħhom. Avery ftakar: “Ħadd qatt ma kien ra karavan bħal tagħhom, u ħadd qatt ma ra wieħed bħalu s’issa!” Imma Avery qal li l-koppja Conrow u ż-żewġ ulied subien tagħhom kienu “l-iktar familja ferħana li qatt rajt.” Harvey Conrow kiteb, “Qatt ma naqasna xejn, u tassew ħassejna ruħna fis-sigurtà fis-servizz lil Ġeħova u taħt il-ħarsien kollu mħabba tiegħu.” L-erbaʼ membri tal-familja Conrow iktar tard attendew l-Iskola taʼ Gilegħad u ġew inkarigati biex jaqdu fil-Perù bħala missjunarji.

Il-familja Battaino wkoll qdew bħala pijunieri flimkien. Wara li Giusto u Vincenza saru jafu li kienu se jsiru ġenituri, biddlu t-trakk tagħhom (1929 Model A Ford) f’dar li kienet “bħal lukanda mill-isbaħ” meta mqabbla mat-tined li fihom kienu jgħixu qabel. Flimkien mat-tifla żgħira tagħhom,  baqgħu fl-inkarigu li tant kien jogħġobhom, jiġifieri, li jippritkaw lit-Taljani li jgħixu fl-Istati Uniti.

Ħafna nies taw widen għall-aħbar tajba, imma nies fqar li ma kellhomx impjieg rari setgħu jagħtu xi flus għal-letteratura Biblika. Minflok, offrew affarijiet oħra għal-letteratura. Żewġ pijunieri għamlu lista taʼ 64 oġġett differenti li ngħataw minn uħud interessati. Il-lista kienet mimlija b’affarijiet li ssibhom ġo ħanut tal-kampanja.”

Fred Anderson iltaqaʼ maʼ bidwi li ried set taʼ kotba minn tagħna u offra li minflokhom jagħtih nuċċali li qabel kien t’ommu. Fir-razzett li żar wara, kien hemm raġel li wera interess fil-letteratura tagħna imma li qal, “M’għandix nuċċali biex naqra.” Però, meta libes in-nuċċali tal-ġar tiegħu setaʼ jaqra l-kotba sew u bi pjaċir ta kontribuzzjoni għall-kotba u n-nuċċali.

Herbert Abbott kien iġorr gallinar tiġieġ miegħu fil-karozza. Wara li kien jakkwista tliet tiġiġiet jew erbgħa permezz tat-tpartit, kien jiħodhom sas-suq, ibigħhom, u bil-flus jimla t-tank bil-petrol. “Ġieli sibna ruħna kważi mingħajr sold? Iva,” kiteb hu, “imma ma ħallejniex dan il-fatt iwaqqafna. Sakemm kellna xi petrol fit-tank konna nibqgħu għaddejjin bix-xogħol, filwaqt li npoġġu l-fidi u l-fiduċja tagħna f’Ġeħova.”

In-nies taʼ Ġeħova rnexxielhom jibqgħu għaddejjin bix-xogħol matul dawk iż-żminijiet għax fdaw fih u għax kellhom determinazzjoni soda. Darba, matul maltempata, Maxwell u Emmy Lewis ħarbu mill-karavan tagħhom eżatt fil-ħin qabel ma waqgħet siġra u qasmet il-karavan min-nofs. Maxwell kiteb: “Dawn l-affarijiet ma kinux ostakli imma sempliċement intoppi, u lanqas kien jgħaddilna minn moħħna li nieqfu. Kien għad fadal ħafna xogħol xi jsir, u konna beħsiebna nagħmluh.” Maxwell u Emmy ma ħallew xejn iwaqqafhom u, bl-għajnuna t’aħwa għeżież, reġgħu bnew il-karavan tagħhom.

Fi żminijietna, li wkoll huma taʼ sfida, l-istess spirtu mhux egoist jikkaratterizza lil miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova żelużi. Wara kollox, bħal dawk il-pijunieri bikrin, aħna determinati li nkomplu bl-ippritkar sakemm Ġeħova jgħid li x-xogħol lest.

^ Par. 3 Issa msejjaħ Il-Ministeru tas-Saltna.

^ Par. 5 F’dawk iż-żminijiet, il-biċċa l-kbira mill-pijunieri ma kienx ikollhom impjieg. Kienu jirċievu l-letteratura Biblika bi prezzijiet imraħħsin u kienu jużaw il-kontribuzzjonijiet għal-letteratura li ħallew man-nies biex iħallsu l-ispejjeż żgħar li kellhom.