Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

“Oqogħdu Attenti u Tittraskurawx it-Talb”

“Oqogħdu Attenti u Tittraskurawx it-Talb”

“Kunu moħħkom f’loku, u oqogħdu attenti u tittraskurawx it-talb.”—1 PT. 4:7.

1, 2. (a) Għala hu vitali li ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb’? (b) Liema mistoqsijiet rigward it-talb għandna nsaqsu lilna nfusna?

“L-IKTAR ħin diffiċli biex tibqaʼ mqajjem matul il-lejl huwa eżatt qabel ma tibda tielgħa x-xemx,” jgħid ħaddiem li kien jaħdem billejl. Oħrajn li jkollhom jibqgħu mqajmin il-lejl kollu probabbilment se jaqblu miegħu. Nistgħu nqabblu dan maż-żmien li qed ngħixu fih. Qegħdin fl-aħħar nett tad-dinja taʼ Satana. Huwa bħall-ħin l-iktar mudlam taʼ billejl, u għalhekk il-Kristjani llum iridu jissieltu biex jibqgħu mqajmin. (Rum. 13:12) Li torqod spiritwalment ikun taʼ periklu kbir. Huwa neċessarju li ‘nkunu moħħna f’loku’ u li nkomplu ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb.’—1 Pt. 4:7.

2 Minħabba li qegħdin daqshekk fil-qrib taʼ tmiem id-dinja taʼ Satana, ikun għaqli li nsaqsu lilna nfusna: ‘Kemm nagħti attenzjoni għat-talb tiegħi? Nuża kull xorta, jew tip, taʼ talb, u nitlob b’mod kontinwu? Nitlob spiss għal ħaddieħor, jew it-talb tiegħi normalment jiffoka biss fuq dak li għandi bżonn u dak li nixtieq? U kemm hu importanti t-talb għas-salvazzjoni tiegħi?’

IBQAʼ ITLOB KULL TIP TAʼ TALB

3. X’inhuma xi tipi taʼ talb?

3 Fl-ittra tiegħu lill-Efesin, l-appostlu Pawlu rrefera għal “kull xorta taʼ talb.” (Efes. 6:18) Meta nitolbu lil Ġeħova, aħna spiss nitolbuh biex jagħtina dak li għandna bżonn u jgħinna nsolvu l-problemi tagħna. “Semmiegħ it-talb” bi mħabba jagħtina widen meta nistaqsuh għall-għajnuna. (Salm 65:2) Madankollu, għandna wkoll nipprovaw niffokaw fuq tipi oħrajn taʼ talb. Dawn jinkludu tifħir, radd il-ħajr, u suppliki.

4. Għala għandna nfaħħru lil Ġeħova spiss fit-talb tagħna?

 4 Hemm ħafna raġunijiet għala t-talb tagħna lil Ġeħova għandu jinkludi kliem taʼ tifħir. Pereżempju, aħna nitqanqlu biex infaħħruh meta naħsbu dwar “l-għemejjel setgħanin tiegħu” u “l-abbundanza tal-kobor tiegħu.” (Aqra Salm 150:1-6.) Biss biss, is-sitt versi taʼ Salm 150 isemmu t-tifħir għal Ġeħova 13-il darba! Bi mħabba profonda għal Alla, kittieb ieħor tas-Salmi kanta: “Sebaʼ darbiet kuljum faħħartek minħabba d-deċiżjonijiet ġudizzjarji ġusti tiegħek.” (Salm 119:164) Bla dubju taʼ xejn, Ġeħova jixraqlu li jiġi mfaħħar. Għaldaqstant, m’għandniex aħna nfaħħruh fit-talb tagħna “sebaʼ darbiet kuljum,” jiġifieri, spiss?

5. Il-fatt li nkunu grati fit-talb, kif inhu taʼ protezzjoni?

5 Ir-radd il-ħajr huwa tip importanti ieħor taʼ talb. Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani tal-belt taʼ Filippi: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” (Flp. 4:6) Minħabba li qed ngħixu fl-aħħar jiem tad-dinja taʼ Satana u aħna mdawrin b’nies li huma “ingrati,” huwa importanti għalina li nirringrazzjaw lil Ġeħova minn qalbna għall-barkiet kollha tiegħu ħalli ma nsirux bħan-nies tad-dinja. (2 Tim. 3:1, 2) Id-dinja hija ddominata minn attitudni taʼ ingratitudni. Jekk ma noqogħdux attenti nistgħu nibdew nimitaw din l-attitudni. Imma jekk inkunu grati meta nitolbu se nkunu ferħanin u mhux se ‘ngergru u nilmentaw dwar xortina.’ (Ġuda 16) Iktar minn hekk, meta l-kapijiet tal-familja jinkludu r-radd il-ħajr fit-talb mal-maħbubin tagħhom, ikunu qed jinkuraġġixxu lin-nisa u t-tfal tagħhom biex ikunu grati.

6, 7. (a) X’inhuma s-suppliki? (b) Dwar xiex nistgħu nitolbu bil-ħerqa lil Ġeħova?

6 Is-suppliki huma talb sinċier b’sentimenti profondi, jew talb bil-ħerqa. Dwar xiex nistgħu nitolbu bil-ħerqa lil Ġeħova? Bla dubju, nistgħu nagħmlu dan meta nkunu qed niġu ppersegwitati jew jekk qed niffaċċjaw marda qerrieda. Fi żminijiet bħal dawn, nistgħu nifhmu għala t-talb tagħna għall-għajnuna t’Alla jsir b’suppliki. Iżda f’dawn iż-żminijiet biss nistgħu nitolbu bil-ħerqa lil Ġeħova?

7 Ikkunsidra t-talba mudell taʼ Ġesù, u nnota x’qal dwar isem Alla, is-Saltna Tiegħu, u r-rieda Tiegħu. (Aqra Mattew 6:9, 10.) Id-dinja hi miżgħuda bil-ħażen, u l-gvernijiet ma jistgħux jagħtu lin-nies saħansitra l-iktar affarijiet bażiċi li jkollhom bżonn. Għaldaqstant, żgur li għandna nitolbu bil-ħerqa biex isem Missierna tas-sema jitqaddes u biex saltnatu tneħħi l-ħakma taʼ Satana mill-art. Dan hu wkoll iż-żmien biex nitolbu lil Ġeħova ħalli r-rieda tiegħu sseħħ fuq l-art bħalma qed isseħħ fis-sema. Allura għandna noqogħdu attenti u nużaw kull tip taʼ talb.

“ITOLBU KONTINWAMENT”

8, 9. Għala għandna noqogħdu attenti li ma niġġudikawx lil Pietru u l-appostli l-oħrajn talli raqdu fil-ġnien tal-Ġetsemani?

8 Għalkemm l-appostlu Pietru ħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘joqogħdu attenti u ma jittraskurawx it-talb,’ hu nnifsu naqas milli jagħmel dan għall-inqas f’okkażjoni minnhom. Hu kien wieħed mid-dixxipli li raqdu waqt li Ġesù kien qed jitlob fil-ġnien tal-Ġetsemani. Avolja Ġesù qalilhom biex ‘jibqgħu għassa u jitolbu kontinwament,’ huma xorta m’għamlux hekk.—Aqra Mattew 26:40-45.

9 Minflok ma niġġudikaw bl-aħrax lil Pietru u l-appostli l-oħrajn talli raqdu, għandna niftakru li kienu għajjenin ferm minħabba kulma għamlu dakinhar. Huma kienu ħejjew għall-Festa tal-Qbiż u ċċelebrawha dak il-lejl stess. Imbagħad  Ġesù tahom istruzzjonijiet għall-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej ħalli d-dixxipli tiegħu jkunu jafu kif għandhom josservaw it-Tifkira taʼ mewtu. (1 Kor. 11:23-25) “Wara li kantaw għanjiet taʼ tifħir, ħarġu lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ,” u b’hekk imxew xi ftit fit-toroq dojoq taʼ Ġerusalemm. (Mt. 26:30, 36) Sa dak il-ħin, jistaʼ jkun li kien ilu li daqq nofsillejl. Li kieku konna fil-ġnien tal-Ġetsemani dak il-lejl, aħna wkoll forsi konna norqdu. Minflok ma kkritika lill-appostli għajjenin, bi mħabba Ġesù għarraf li “l-ispirtu hu ħerqan imma l-laħam dgħajjef.”

Għalkemm Pietru tfixkel, hu tgħallem ‘joqgħod attent u ma jittraskurax it-talb’ (Ara paragrafi 10, 11)

10, 11. (a) X’lezzjoni tgħallem Pietru mill-esperjenza li kellu fil-ġnien tal-Ġetsemani? (b) L-esperjenza taʼ Pietru kif teffettwak?

10 L-esperjenza fil-ġnien tal-Ġetsemani ma kinitx għalxejn għal Pietru. Tgħallem lezzjoni qarsa talli ma qagħadx attent. Iktar kmieni, Ġesù qal: “Ilkoll kemm intom titfixklu minħabba dak li se ngħaddi minnu dan il-lejl.” Għal dan, Pietru qal: “Għalkemm l-oħrajn kollha jitfixklu minħabba dak li se tgħaddi minnu, jien m’iniex se nitfixkel!” Ġesù wieġeb billi qal li Pietru kien se jiċħdu tliet darbiet. Imma Pietru ma riedx jemmnu u qal: “Anki jekk ikolli mmut miegħek, żgur ma niċħdekx.” (Mt. 26:31-35) Minkejja dan, Pietru tfixkel eżatt bħalma kien bassar Ġesù. Meta rrealizza x’kien għamel, Pietru tant ħassu ddispjaċut li “beka biki taʼ mrar.”—Lq. 22:60-62.

11 Pietru żgur li tgħallem lezzjoni minn din l-esperjenza u għeleb it-tendenza taʼ li jafda wisq fih innifsu. F’dan il-każ, it-talb għen lil Pietru. Fil-fatt, hu taʼ min jinnota li l-parir biex ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb’ ġej minn Pietru. Qed nagħtu kas dan il-parir ispirat? Iktar minn hekk, qed ‘nitolbu kontinwament,’ u b’hekk inkunu qed nuru li nistrieħu fuq Ġeħova? (Salm 85:8) Jalla nżommu f’moħħna wkoll it-twissija tal-appostlu Pawlu: “Min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.”—1 Kor. 10:12.

IT-TALB TAʼ NEĦEMIJA TWIEĠEB

12. Neħemija għala hu t’eżempju għalina?

12 Ikkunsidra lil Neħemija, li qeda bħala kuppier tas-sultan Persjan Artaserse madwar is-sena 450 Q.E.K. Neħemija huwa eżempju mill-aħjar taʼ xi ħadd li talab b’qalbu kollha. Għal ġranet sħaħ, ‘sam u talab quddiem Alla’ dwar is-sitwazzjoni diffiċli tal-Lhud f’Ġerusalemm. (Neħ. 1:4) Meta Artaserse saqsih għala kellu wiċċu mdejjaq, ‘minnufih Neħemija talab lill-Alla tas-smewwiet.’ (Neħ. 2:2-4) B’liema riżultat? Ġeħova  wieġeb it-talb tiegħu u dderieġa l-affarijiet b’tali mod li l-poplu Tiegħu setaʼ jibbenefika. (Neħ. 2:5, 6) Din l-esperjenza żgur li saħħet il-fidi taʼ Neħemija.

13, 14. X’għandna nagħmlu biex ikollna fidi soda u ma nħallux lil Satana jiskuraġġina?

13 Meta nitolbu kontinwament, bħalma għamel Neħemija, dan jgħinna nżommu l-fidi soda. Satana m’għandu l-ebda ħniena u kemm-il darba jattakkana meta nkunu dgħajfa. Pereżempju, jekk għandna marda serja jew qed niġġieldu kontra d-dipressjoni, nistgħu nibdew inħossu li l-ħin li nqattgħu fis-servizz t’Alla kull xahar huwa taʼ valur żgħir ħafna għal Alla. Xi wħud minna għandhom mnejn jibdew jaħsbu fi ħsibijiet taʼ dwejjaq, forsi minħabba esperjenzi tal-passat fil-ħajja tagħhom. Satana jridna nemmnu li ma niswew għalxejn. L-attakki tiegħu spiss isiru bl-għan li jilgħab mas-sentimenti tagħna, u b’hekk idgħajfilna l-fidi. Però, billi ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb,’ aħna nistgħu nżommu l-fidi tagħna soda. Iva, ‘it-tarka kbira tal-fidi se tgħinna nitfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-Ħażin.’—Efes. 6:16.

Meta ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb,’ niġu megħjunin nibqgħu leali lejn Ġeħova matul il-provi (Ara paragrafi 13, 14)

14 Jekk ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb,’ ma ninqabdux fuq sieq waħda waqt xi prova u b’hekk inkunu żleali lejn Ġeħova. Meta nħabbtu wiċċna mal-provi, jalla niftakru fl-eżempju taʼ Neħemija u immedjatament induru lejn Alla bit-talb. Huwa biss bl-għajnuna taʼ Ġeħova li nistgħu nirreżistu t-tentazzjonijiet u nissaportu l-provi tal-fidi tagħna.

ITLOB GĦAL ĦADDIEĦOR

15. Liema mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna dwar li nitolbu għal ħaddieħor?

15 Ġesù talab bil-ħerqa biex il-fidi tal-appostlu Pietru ma tonqosx. (Lq. 22:32)  Epafra, Kristjan leali li kien jgħix fl-ewwel seklu, imita l-eżempju taʼ Ġesù. Epafra għamel sforz biex jitlob għal ħutu f’Kolossi. Pawlu kitbilhom, “Hu dejjem jistinka għalikom fit-talb tiegħu, sabiex fl-aħħarnett tkunu sħaħ u jkollkom konvinzjoni soda fir-rieda kollha t’Alla.” (Kol. 4:12) Nagħmlu tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Nistinka fit-talb għal ħuti taʼ madwar id-dinja? Kemm-il darba t-talb tiegħi jinkludi lil sħabi fit-twemmin li sofrew xi diżastru naturali? Meta kien l-aħħar li għamilt sforz biex nitlob għal dawk li jerfgħu responsabbiltajiet kbar fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Reċentement, tlabt jien għal individwi fil-kongregazzjoni li qed jiffaċċjaw xi diffikultajiet?’

16. Tagħmel differenza jekk nitolbux għal ħutna jew le? Spjega.

16 It-talb tagħna lil Alla Ġeħova għan-nom t’oħrajn jistaʼ jgħinhom tassew. (Aqra t-2 Korintin 1:11.) Ġeħova mhuwiex obbligat li jagħmel xi ħaġa minħabba li bosta qaddejja jkunu qed jitolbu għal xi ħaġa ripetutament. Iżda, hu jkun kuntent meta jara l-interess ġenwin f’xulxin hekk kif iwieġeb it-talb tagħhom. Allura, għandna nieħdu bis-serjetà l-privileġġ u r-responsabbiltà li nitolbu għal ħaddieħor. Għandna nimitaw lil Epafra u nuru mħabba għal ħutna l-Kristjani billi nagħmlu sforz biex nitolbu għalihom. Meta nagħmlu hekk, il-ferħ tagħna jiżdied, għax “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

‘IS-SALVAZZJONI TAGĦNA HI FIL-QRIB’

17, 18. Kif ikun t’għajnuna li ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb’?

17 Eżatt qabel ma qal li “l-lejl daħal sewwa u l-jum qorob,” Pawlu kiteb: “Tafu f’liema żmien stabbilit qegħdin, li diġà waslet is-siegħa biex tistenbħu mill-irqad, għax issa s-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta sirna nemmnu.” (Rum. 13:11, 12) Id-dinja l-ġdida mwiegħda t’Alla hi fil-qrib, u s-salvazzjoni tagħna hi eqreb milli għandna mnejn naħsbu. M’għandniex norqdu spiritwalment, u qatt m’għandna nħallu d-distrazzjonijiet tad-dinja jisirqulna l-ħin tagħna milli nitolbu lil Ġeħova waħedna. Minflok, ejja ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb.’ Meta nagħmlu hekk, dan se jgħinna nieħdu sehem f’“atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” hekk kif nistennew jum Ġeħova. (2 Pt. 3:11, 12) B’hekk, il-mod taʼ ħajja li ngħixu juri li aħna qed nibqgħu mqajmin spiritwalment u li verament nemmnu li t-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar hu fil-qrib. Għalhekk, jalla ‘nitolbu bla waqfien.’ (1 Tess. 5:17) Jalla wkoll nimitaw lil Ġesù billi nfittxu post imwarrab biex nitolbu fil-privat. Se nersqu eqreb lejn Ġeħova jekk inwarrbu ħin biżżejjed biex nitolbu lilu. (Ġak. 4:7, 8) Din tkun barka meraviljuża!

18 L-Iskrittura tgħid: “Meta kien bniedem, Kristu talab bil-ħerqa u wkoll offra petizzjonijiet lil Dak li setaʼ jsalvah mill-mewt, b’għajat qawwi u dmugħ, u t-talb tiegħu ntlaqaʼ minħabba li kellu l-biżaʼ t’Alla.” (Ebr. 5:7) Ġesù talab bil-ħerqa u offra petizzjonijiet u żamm il-lealtà lejn Alla sa l-aħħar nett taʼ ħajtu fuq l-art. B’riżultat taʼ dan, Ġeħova salva mill-mewt ’l Ibnu l-maħbub u ppremjah b’ħajja immortali fis-sema. Ikunu xi jkunu t-tentazzjonijiet u l-provi li forsi jkollna fil-futur, aħna wkoll nistgħu nkunu leali lejn Missierna tas-sema. Jekk ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb,’ jistaʼ jkollna l-għotja taʼ li ngħixu għal dejjem.”