Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kif Nistgħu Nibqgħu ‘Nistennew b’Attitudni Xierqa’?

Kif Nistgħu Nibqgħu ‘Nistennew b’Attitudni Xierqa’?

“Jien se nistenna b’attitudni xierqa.”—MIK. 7:7.

1. Għala forsi nsiru bla paċenzja?

META s-Saltna Messjanika twaqqfet fl-1914, is-sistema taʼ Satana daħlet fl-aħħar jiem tagħha. Matul il-gwerra fis-sema, Ġesù waddab lix-Xitan u d-demonji ’l isfel lejn l-art. (Aqra Rivelazzjoni 12:7-9.) Satana jaf li “żmien qasir” biss baqagħlu. (Riv. 12:12) Madanakollu, dan iż-“żmien qasir” ilu għaddej għaxriet taʼ snin, u xi wħud għandhom mnejn jaħsbu li l-aħħar jiem ilhom għaddejjin għal ħafna żmien. Hekk kif nistennew biex Ġeħova jaġixxi, sirna aħna personalment bla paċenzja?

2. Dan l-artiklu x’se jikkunsidra?

2 In-nuqqas taʼ paċenzja jistaʼ jkun perikoluż, għax jistaʼ jqanqalna naġixxu bla ma naħsbuha. Kif nistgħu nibqgħu nistennew b’attitudni xierqa? Dan l-artiklu se jgħinna nagħmlu dan billi jwieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin: (1) X’nistgħu nitgħallmu dwar il-paċenzja mill-eżempju li ħallielna l-profeta Mikea? (2) Liema ġrajjiet se juru li qorob it-tmiem? (3) Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-paċenzja taʼ Ġeħova?

X’NISTGĦU NITGĦALLMU MILL-EŻEMPJU TAʼ MIKEA?

3. Fi żmien Mikea, x’kienet is-sitwazzjoni tal-Iżraelin?

3 Aqra Mikea 7:2-6. Mikea, il-profeta taʼ Ġeħova, ra lill-Iżraelin isiru inqas u inqas leali lejn Ġeħova, u matul il-ħakma tas-Sultan Aħaż marru l-baħar spiritwalment. Mikea jxebbah lill-Iżraelin żleali maʼ “għollieqa” u “ċint tax-xewk.” Sewwasew bħalma għollieqa jew ċint tax-xewk iweġġaʼ lil kull min imiss miegħu, hekk ukoll dawn l-Iżraelin korrotti weġġgħu lil kull min kien jiġi f’kuntatt magħhom. Tant kien hemm korruzzjoni li anke l-membri tal-familja ma baqgħux iħobbu lil xulxin. Peress li kien jaf li hu nnifsu ma setaʼ jagħmel xejn biex ibiddel is-sitwazzjoni, Mikea fetaħ qalbu maʼ Ġeħova. Imbagħad  bil-paċenzja stenna biex Alla jaġixxi. Mikea kien fiduċjuż li Ġeħova kien se jikkoreġi s-sitwazzjoni fil-ħin u fil-waqt Tiegħu.

4. Liema sfidi niffaċċjaw?

4 Bħal Mikea, aħna wkoll ikollna ngħixu fost nies egoisti. Ħafna huma “ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali.” (2 Tim. 3:2, 3) Meta l-kollegi tagħna, sħabna tal-iskola, u l-ġirien tagħna juru attitudni egoistika, dan jistaʼ jagħmlilna ħajjitna stressanti ħafna. Imma, xi wħud mill-qaddejja t’Alla jħabbtu wiċċhom maʼ sfida saħansitra akbar. Ġesù qal li s-segwaċi tiegħu kienu se jiffaċċjaw oppożizzjoni minn tal-familja, u uża kliem simili għal dak imniżżel f’Mikea 7:6 biex jiddeskrivi l-impatt li kien se jkollu l-messaġġ tiegħu. Ġesù qal: “Jien ġejt biex nifred, raġel minn missieru, u bint minn ommha, u mara żagħżugħa mill-kunjata tagħha. Tabilħaqq, bniedem ikollu n-nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu.” (Mt. 10:35, 36) Kemm hu diffiċli biex nissaportu t-twaqqigħ għaċ-ċajt u l-oppożizzjoni mill-membri tal-familja li m’għandhomx l-istess twemmin tagħna! Jekk niffaċċjaw prova bħal din, ejja ma nċedux għall-pressjoni mill-familja. Minflok, jalla nibqgħu leali u nistennew bil-paċenzja biex Ġeħova jirranġa l-affarijiet. Jekk il-ħin kollu nitolbu għall-għajnuna tiegħu, hu se jagħtina s-saħħa u l-għerf meħtiġin sabiex nissaportu.

5, 6. Ġeħova kif ippremja lil Mikea, imma Mikea x’ma rax b’għajnejh stess?

5 Ġeħova ppremja lil Mikea għall-paċenzja li wera. Mikea ra b’għajnejh stess it-tmiem tas-Sultan Aħaż u l-ħakma mill-agħar tiegħu. Ra lil bin Aħaż, is-sultan tajjeb Ħeżekija, jiret it-tron u jġedded il-qima pura. U ra t-twettiq tal-messaġġ taʼ ġudizzju kontra s-Samarija, li Ġeħova lissen permezz taʼ Mikea, meta l-Assirjani invadew is-saltna taʼ Iżrael fit-Tramuntana.—Mik. 1:6.

6 Però, Mikea ma rax b’għajnejh stess it-twettiq taʼ dak kollu li Ġeħova nebbħu jipprofetizza dwaru. Pereżempju, Mikea kiteb: “Fl-aħħar parti tal-jiem il-muntanja tad-dar taʼ Ġeħova ssir stabbilita fis-sod ’il fuq mill-quċċata tal-muntanji, u titgħolla ’l fuq mill-għoljiet; u lejha jiġru l-popli. U ħafna ġnus imorru jgħidu: ‘Ejjew, ħa nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Ġeħova.’” (Mik. 4:1, 2) Mikea kien ilu mejjet meta twettqet din il-profezija. Xorta waħda kien determinat li jibqaʼ leali lejn Ġeħova saħansitra sal-mewt, jagħmlu x’jagħmlu n-nies taʼ madwaru. Rigward dan, Mikea kiteb: “Il-popli kollha, min-naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu; imma aħna, min-naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.” (Mik. 4:5) Mikea setaʼ jistenna bil-paċenzja matul żminijiet diffiċli għax kellu fiduċja sħiħa li Ġeħova kien se jwettaq il-wegħdi kollha Tiegħu. Il-profeta leali kien jafda lil Ġeħova b’għajnejh magħluqa.

7, 8. (a) Għala għandna kull raġun li nafdaw f’Ġeħova? (b) X’se jgħin biex iż-żmien jgħaddi iktar malajr?

7 Għandna fiduċja simili f’Ġeħova? Għandna raġuni tajba biex nafdaw fih. It-twettiq tal-profezija taʼ Mikea rajnieh b’għajnejna stess. Matul “l-aħħar parti tal-jiem,” miljuni minn kull ġens, tribù, u lsien ġrew lejn “il-muntanja tad-dar taʼ Ġeħova.” Minkejja l-fatt li jiġu minn ġnus rivali, dawn l-aduraturi jaħdmu “sjufhom f’sikek tal-moħriet,” u jirrifjutaw li ‘jitħarrġu iktar għall-gwerra.’ (Mik. 4:3) Xi privileġġ għandna li niġu magħdudin fost in-nies paċifiċi taʼ Ġeħova!

8 Ovvjament, ilkoll nixtiequ li Ġeħova ma jdumx ma jġib din is-sistema  mill-agħar fi tmiemha. Imma jekk irridu nistennew bil-paċenzja, għandna nħarsu lejn l-affarijiet mill-ħarsa taʼ Ġeħova. Hu stabbilixxa jum li fih se jiġġudika lill-bnedmin permezz taʼ “bniedem li ħatar,” Ġesù Kristu. (Atti 17:31) Imma qabel dan il-jum, Alla qed jagħti lil bnedmin taʼ kull xorta l-opportunità li jiksbu “għarfien eżatt dwar il-verità,” jaġixxu fi qbil maʼ dan l-għarfien, u jiġu salvati. Hemm il-ħajjiet prezzjużi fin-nofs! (Aqra l-1 Timotju 2:3, 4.) Jekk aħna medhijin f’li ngħinu lil ħaddieħor jikseb għarfien eżatt dwar Alla, iż-żmien li fadal qabel ma jasal il-ġudizzju t’Alla se jgħaddi iktar malajr. Dalwaqt—saħansitra f’daqqa waħda—iż-żmien se jkun għadda! Meta dan iseħħ, kemm se nkunu ferħanin li bqajna beżlin fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna!

LIEMA ĠRAJJIET SE JURU LI QOROB IT-TMIEM?

9-11. L-1 Tessalonikin 5:3 twettaq? Spjega.

9 Aqra l-1 Tessalonikin 5:1-3. Fil-futur qarib, il-ġnus se jgħidu “Paċi u sigurtà!” Jekk ma rridux ninqabdu fuq sieq waħda minn din l-istqarrija, jeħtieġ li “nibqgħu mqajmin u f’sensina.” (1 Tess. 5:6) Sabiex niġu megħjunin nibqgħu mqajmin spiritwalment, ejja nirrivedu fil-qosor ġrajjiet li wittew it-triq għal din l-istqarrija importanti.

10 Wara kull waħda miż-żewġ gwerer dinjin, il-ġnus tassew xtaqu l-paċi. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija ġiet ifformata l-Lega tan-Nazzjonijiet bit-tama li din iġġib il-paċi. Maż-żmien, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-Ġnus Magħquda saret tama popolari għall-paċi fuq l-art. Il-gvernijiet u l-mexxejja reliġjużi ttamaw f’dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet. Pereżempju, il-Ġnus Magħquda ddikjarat li s-sena 1986 kienet Sena Internazzjonali taʼ Paċi. Dik is-sena, mexxejja minn ħafna ġnus u reliġjonijiet ingħaqdu mal-kap tal-Knisja Kattolika f’Assisi, l-Italja, biex joffru talb għall-paċi.

11 Iżda, la din l-istqarrija taʼ paċi u sigurtà u lanqas oħrajn bħalha ma kienu t-twettiq tal-profezija miktuba fl-1 Tessalonikin  5:3. Għala le? Għax il-“qerda f’daqqa” mbassra għadha ma seħħitx.

12. X’nafu dwar l-istqarrija taʼ “Paċi u sigurtà”?

12 Min se jagħmel din l-istqarrija sinifikanti taʼ “Paċi u sigurtà” fil-futur? Liema rwol se jkollhom il-mexxejja tal-Kristjaneżmu u taʼ reliġjonijiet oħra? Il-mexxejja taʼ diversi gvernijiet kif se jkunu involuti f’din l-istqarrija? L-Iskrittura ma tgħidilniex. Imma dak li nafu hu li tingħad kif tingħad din l-istqarrija u tinstemaʼ kemm tinstemaʼ konvinċenti, mhux se tkun “paċi u sigurtà” taʼ veru. Din is-sistema qadima se tibqaʼ kontrollata minn Satana. Hi mħassra minn rasha sa saqajha u hekk se tibqaʼ. Kemm ikun taʼ niket li kieku xi ħadd minna kellu jemmen il-propaganda satanika u ma jibqax iżomm in-newtralità Kristjana tiegħu!

13. L-anġli għala qed iżommu lura l-irjieħ qerrieda?

13 Aqra Rivelazzjoni 7:1-4. Waqt li nistennew it-twettiq tal-1 Tessalonikin 5:3, anġli setgħanin qed iżommu lura l-irjieħ qerrieda tat-tribulazzjoni l-kbira. X’qed jistennew? Ġrajja prinċipali hi deskritta mill-appostlu Ġwanni—l-aħħar immarkar bis-siġill tal-‘ilsiera midlukin t’Alla tagħna.’ * La jsir dan l-immarkar finali, l-anġli se jitilqu l-irjieħ qerrieda. Imbagħad x’se jiġri?

14. X’jindika li qorob it-tmiem taʼ Babilonja l-Kbira?

14 Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji tar-reliġjon falza, se tinqered eżatt kif ħaqqha. “Popli u folol u ġnus u ilsna” mhux se jkunu kapaċi jgħinuha. Diġà naraw evidenza li tmiemha qorob. (Riv. 16:12; 17:15-18; 18:7, 8, 21) Infatti, fil-mezzi tax-xandir diġà qed naraw nuqqas t’appoġġ għax, kulma jmur, ir-reliġjon u l-mexxejja reliġjużi qed jiġu kritikati iktar. Minkejja dan, il-mexxejja taʼ Babilonja l-Kbira ma jħossuhomx f’periklu. Kemm sejrin żmerċ! Wara l-istqarrija taʼ “Paċi u sigurtà!” il-gvernijiet ħabta u sabta se jattakkaw lir-reliġjon falza u jeqirduha għalkollox. Babilonja l-Kbira se tinqered darba għal dejjem! Żgur li hu taʼ min jistenna għal ġrajjiet sinifikanti bħal dawn.—Riv. 18:8, 10.

KIF NISTGĦU NURU LI NAPPREZZAW IL-PAĊENZJA T’ALLA?

15. Ġeħova għala stenna bil-paċenzja?

15 Minkejja li n-nies ġabu ħafna tmaqdir fuq ismu, Ġeħova stenna bil-paċenzja għaż-żmien it-tajjeb biex jaġixxi. Ġeħova ma jixtieqx li jinqered xi ħadd taʼ qalb onesta. (2 Pt. 3:9, 10) Inħossuna aħna bl-istess mod? Qabel ma jasal jum Ġeħova, nistgħu nuru li napprezzaw il-paċenzja tiegħu bil-modi li ġejjin.

16, 17. (a) Għala għandna nkunu rridu ngħinu lil dawk li saru inattivi? (b) Għala hu urġenti li wħud inattivi jirritornaw lejn Ġeħova?

16 Għin lil dawk li saru inattivi. Ġesù qal li jkun hemm ferħ fis-sema meta nagħġa mitlufa waħda tinstab. (Mt. 18:14; Lq. 15:3-7) M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova jimpurtah profondament minn dawk kollha li wrew imħabba għal ismu, anke jekk bħalissa mhumiex qed jaqduh. Meta ngħinu lil uħud bħal dawn jirritornaw lejn il-kongregazzjoni, inkunu qed inżidu mal-ferħ taʼ Ġeħova u l-anġli.

17 Tinsab int fost dawk li bħalissa mhux qed jaqdu lil Alla? Forsi xi ħadd fil-kongregazzjoni rifislek il-kallu, u għalhekk ma bqajtx tissieħeb mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Issa li forsi għadda xi żmien, staqsi lilek innifsek: ‘Ħajti hi iktar sinifikanti issa, u nħossni iktar ferħan? Kien Ġeħova li weġġagħni,  jew kien bniedem imperfett? Alla Ġeħova qatt għamel xi ħaġa biex jagħmilli l-ħsara?’ Fir-realtà, Ġeħova dejjem għamlilna l-ġid. Anke jekk mhux qed ngħixu fi qbil mad-dedikazzjoni tagħna lilu, hu jħallina ngawdu l-affarijiet tajbin li jipprovdi. (Ġak. 1:16, 17) Jum Ġeħova ma jdumx ma jasal. Issa hu ż-żmien biex tirritorna lejn id-dirgħajn kollhom imħabba taʼ Missierna tas-sema u lejn il-kongregazzjoni—l-uniku post taʼ protezzjoni f’dawn l-aħħar jiem.—Dt. 33:27; Ebr. 10:24, 25.

Il-poplu taʼ Ġeħova jagħmel kull sforz biex jgħin lil uħud inattivi jirritornaw lejn Ġeħova (Ara paragrafi 16, 17)

18. Għala għandna nappoġġaw lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija?

18 Appoġġa b’lealtà lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija. Bħala Ragħaj taʼ mħabba, Ġeħova jiggwidana u jipproteġina. Hu ħatar lil Ibnu bħala r-Ragħaj Ewlieni tal-merħla. (1 Pt. 5:4) Anzjani f’iktar minn 100,000 kongregazzjoni jieħdu l-ħin biex jirgħu lil kull waħda min-nagħaġ t’Alla. (Atti 20:28) Meta nappoġġaw b’lealtà lil dawk maħturin biex jieħdu t-tmexxija, nuru li napprezzaw kulma jagħmlu għalina Ġeħova u Ġesù.

19. Kif nistgħu nifformaw difiża impenetrabbli?

19 Ersqu qrib xulxin. Dan xi jfisser? Meta armata mħarrġa sew tiġi attakkata minn xi għadu, is-suldati jersqu eqreb lejn xulxin ħalli ma jkunx hemm spazju vojt bejniethom. B’hekk, jifformaw difiża impenetrabbli. Satana qed jiħodha qatta bla ħabel kontra l-poplu t’Alla. Issa mhux il-waqt li noqogħdu niġġieldu bejnietna. Issa l-waqt li nersqu qrib xulxin, inħallu n-nuqqasijiet taʼ xulxin għaddejjin, u nuru l-fiduċja fit-tmexxija taʼ Ġeħova.

Issa hu l-waqt li nifformaw difiża impenetrabbli kontra Satana u d-demonji (Ara paragrafu 19)

20. X’għandna nagħmlu issa?

20 Jalla lkoll kemm aħna nibqgħu mqajmin spiritwalment u nistennew b’attitudni xierqa! Ejja bil-paċenzja nistennew l-istqarrija taʼ “Paċi u sigurtà!” u l-aħħar immarkar bis-siġill tal-magħżulin. Wara dan, l-erbaʼ anġli se jitilqu l-irjieħ qerrieda, u Babilonja l-Kbira se tinqered. Waqt li nistennew biex iseħħu dawn il-ġrajjiet sinifikanti, ejja naċċettaw il-gwida taʼ dawk maħturin biex jieħdu t-tmexxija fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ifformaw difiża impenetrabbli kontra x-Xitan u d-demonji biex ma jkollhomx fejn ideffsu denbhom! Issa hu l-waqt li nagħtu kas it-tħeġġiġ tas-salmista: “Kunu kuraġġużi, u qawwu qalbkom, intom ilkoll li qed tistennew lil Ġeħova.”—Salm 31:24.

^ Par. 13 Għal diskussjoni dwar id-differenza bejn l-ewwel u l-aħħar immarkar bis-siġill tal-midlukin, ara l-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Jannar, 2007, paġni 30-31.