“IR-RIŻULTAT taʼ elezzjoni ġie kontestat, u għalhekk faqqgħet il-vjolenza, tant li eluf taʼ Xhieda taʼ Ġeħova kellhom jaħarbu minn darhom,” jirrakkonta François, anzjan f’pajjiż li qed jiżviluppa. “L-ikel u l-mediċini skarsaw, u dak li baqaʼ kien għali ferm. Il-banek għalqu, u magni minn fejn tiġbed il-flus żvojtaw jew ma kinux jaħdmu.”

L-aħwa mill-uffiċċju tal-fergħa malajr bdew jibagħtu l-flus u l-provvisti taʼ emerġenza lil dawk ix-Xhieda li kellhom jaħarbu minn darhom u li kienu nġabru fi Swali tas-Saltna madwar il-pajjiż. Gruppi rivali għalqu t-toroq, imma peress li ż-żewġ naħat kienu jafu li x-Xhieda jżommu newtralità stretta, vetturi tal-fergħa ġeneralment kienu jitħallew jgħaddu.

“Aħna u sejrin lejn Sala tas-Saltna, xi wħud bdew jisparaw lejn il-vann tagħna,” jgħid François. “Madankollu, il-balal ma laqtuniex. Imbagħad rajna suldat ġej jiġri lejna b’arma f’idu, u allura tfajna l-vann fuq ir-rivers, dorna lura, u tgħidx kemm soqna biex morna lura lejn il-fergħa. Tgħidx kemm irringrazzjajna lil Ġeħova li konna għadna ħajjin. L-għada, il-130 ħu u oħt li kienu f’dik is-Sala tas-Saltna waslu f’post taʼ sigurtà. Xi wħud minnhom ġew l-uffiċċju tal-fergħa, u aħna ħadna ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali u materjali tagħhom sakemm għaddiet il-kriżi.”

“Iktar tard, l-aħwa mill-pajjiż kollu bagħtu ħafna ittri lill-uffiċċju tal-fergħa li fihom esprimew gratitudni profonda,” jgħid François. “Il-fatt li esperjenzaw kif għenuhom ħuthom f’postijiet oħrajn żied il-fiduċja tagħhom f’Ġeħova.”

Meta ħutna fil-bżonn jiffaċċjaw diżastri naturali jew diżastri magħmulin mill-bniedem, ma ngħidulhomx “isħnu u ixbgħu.” (Ġak. 2:15, 16) Minflok, nagħmlu kulma nistgħu biex nipprovdu għall-ħtiġijiet fiżiċi tagħhom. B’mod simili, wara li rċivew twissija taʼ ġuħ li kien ġej fl-ewwel seklu, “id-dixxipli ddeċidew li jibagħtu l-għajnuna, kull wieħed skond ma kien jistaʼ, lill-aħwa li kienu joqogħdu l-Lhudija.”—Atti 11:28-30.

Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, aħna nkunu ħerqanin biex ngħinu materjalment lil individwi li jkunu fil-bżonn. Madankollu, in-nies għandhom ukoll bżonn spiritwali. (Mt. 5:3) Biex jgħinhom jirrealizzaw li għandhom bżonn spiritwali u jgħinhom jissodisfaw dan il-bżonn, Ġesù inkariga lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Aħna individwalment niddedikaw ħafna mill-ħin, mill-enerġija, u mir-riżorsi tagħna biex inwettqu dan l-inkarigu. Bħala organizzazzjoni, aħna nużaw xi donazzjonijiet biex nipprovdu għajnuna materjali, imma d-donazzjonijiet jintużaw prinċipalment biex nippromwovu l-interessi tas-Saltna u biex inxerrdu l-aħbar tajba. B’hekk, nuru mħabbitna lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna.—Mt. 22:37-39.

Dawk li jappoġġaw ix-xogħol globali tax-Xhieda taʼ Ġeħova jistgħu jserrħu moħħhom li d-donazzjonijiet tagħhom jintużaw b’mod xieraq u effettiv. Tistaʼ int tgħin lil ħutek li huma fil-bżonn? Tixtieq tappoġġa x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli? Jekk iva, “iżżommx lura milli tagħmel il-ġid lil min hu dovut, meta f’idejk ikollok il-qawwa li tagħmlu.”—Prov. 3:27.