Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Tista’ Tirsisti Iktar Biex Twissi lil Oħrajn?

Tista’ Tirsisti Iktar Biex Twissi lil Oħrajn?

Fil-bidu tas-seklu 20, in-nies gawdew film bla kliem intitolat A Trip Down Market Street. Il-film wera l-ħajja f’San Francisco, l-Istati Uniti tal-Amerika, kif kienet dak iż-żmien. Il-produtturi tal-films poġġew kamera li titħaddem bl-idejn fuq il-parti taʼ quddiem taʼ vettura (cable car) miexja u ffokawha fuq it-toroq iffollati li kellha quddiemha. Il-film wera żwiemel jiġbdu l-vaguni, karozzi taʼ dak iż-żmien, kif ukoll nies jixtru u subien ibigħu l-gazzetti.

Dan il-film jagħmlilna swied taʼ qalb kbir jekk narawh illum għax probabbilment inġibed f’April tal-1906, eżatt qabel it-terremot u n-nar qattelin li seħħew fit-18 t’April u li qatlu eluf taʼ nies u kważi qerdu dik il-parti mill-belt. Xi wħud min-nies li jidhru fil-film x’aktarx li mietu ftit jiem biss wara. Scott Miles, dixxendent taʼ wieħed mill-produtturi tal-film, jgħid: “Jien nara n-nies hemmhekk, u huma ma jafux x’inhu ġej għalihom. U int ma tistaʼ tagħmel xejn ħlief tħoss għalihom.”

Ħabta u sabta, it-terremot u n-nar li rriżulta fl-1906 qerdu parti kbira mill-qalba taʼ San Francisco

Meta nqabblu dak li ġara lura dak iż-żmien maʼ żmienna, dan iġegħelna naħsbu bis-serjetà. Aħna wkoll ma nistgħux ma nħossux għall-proxxmu tagħna. Huma għandhom ħafna x’jagħmlu fil-ħajja taʼ kuljum tagħhom u m’għandhomx idea tad-diżastru li se jiġi dalwaqt, jiġifieri, il-qerda taʼ din id-dinja mill-agħar u tal-mod taʼ ħajja tagħhom. Madankollu, dan id-diżastru hu differenti minn terremot, li jistaʼ jseħħ mingħajr twissija. Aħna għandna żmien qasir biex inwissu lill-proxxmu tagħna dwar il-jum taʼ ħaqq taʼ Ġeħova. Int x’aktarx li tuża xi ħin kull ġimgħa biex tipprietka minn bieb għal bieb, imma tistaʼ tirsisti iktar biex twissi lil oħrajn?

ĠESÙ KIEN DEJJEM LEST BIEX JIPPRIETKA

L-eżempju taʼ Ġesù jimpressjonana għax hu kien dejjem lest biex jipprietka. Hu pprietka lil kull min iltaqaʼ miegħu, kemm jekk kien kollettur tat-taxxi li kien ikun għaddej min ħdejh u kemm jekk kienet mara li ltaqaʼ magħha ħdejn bir matul il-waqfa taʼ nofsinhar. (Lq. 19:1-5; Ġw. 4:5-10, 21-24) Anki meta warrab xi ħin biex jistrieħ, Ġesù minn qalbu warrab il-pjanijiet tiegħu sabiex jgħallem lil oħrajn. Il-mogħdrija għall-proxxmu ġegħlitu joffri iktar minn xhieda minima. (Mk. 6:30-34) Is-sens taʼ urġenza taʼ Ġesù kif qed jiġi imitat illum?

JAĦTFU KULL OPPORTUNITÀ

Melika tgħix f’bini t’appartamenti b’sigurtà għolja. Ħafna mill-ġirien tagħha huma studenti barranin li jużaw mowbajls li n-numru tagħhom ma jinstab imniżżel imkien u li isimhom ma jinstabx  fid-direttorju tal-bini. Hi tapprezza l-opportunità speċjali li għandha biex tibda diskussjonijiet spiritwali mal-ġirien fil-kurituri u fil-lift. Hi tgħid, “B’xi mod, dan nikkunsidrah it-territorju tiegħi.” Melika ġġorr magħha letteratura b’diversi lingwi, u ħafna jaċċettaw fuljetti u rivisti. Hi tiġbed ukoll l-attenzjoni tagħhom lejn il-Websajt tagħna, jw.org. Hi bdiet diversi studji tal-Bibbja.

Sonia wkoll toqgħod attenta biex tagħti xhieda lil kull min tistaʼ. Hi impjegata fi klinika taʼ tabib, u għamlitha l-mira tagħha li tagħti xhieda bir-reqqa lil kull wieħed u waħda mill-ħaddiema sħabha. L-ewwel, ħadet il-ħin biex issir taf il-ħtiġijiet taʼ kull persuna u dak li jinteressaha. Imbagħad kienet tuża l-brejk taʼ nofsinhar biex tfittixhom individwalment għal konversazzjoni spiritwali. Minħabba f’hekk, Sonia setgħet tibda żewġ studji tal-Bibbja. Qed tippjana wkoll li tuża ftit mill-brejks tagħha biex tmur fl-entratura taċ-ċentru mediku ħalli tkellem lil dawk li jkunu qed jistennew għall-appuntament tagħhom.

AĦTAF L-OPPORTUNITAJIET LI JIĠUK

Wieħed li baqaʼ ħaj wara t-terremot tal-1906 sejjaħlu “l-iktar diżastru terribbli li qatt laqat lil stat jew belt.” Madankollu, dalwaqt id-diżastri kollha se jkunu insinifikanti meta mqabblin mal-jum taʼ vendetta li ġej fuq “dawk [kollha] li ma jafux lil Alla.” (2 Tess. 1:8) Ġeħova jixtieq ferm li n-nies ibiddlu moħħhom u qalbhom u jwieġbu għall-messaġġ taʼ twissija li qed jingħata mix-Xhieda tiegħu.—2 Pt. 3:9; Riv. 14:6, 7.

Tistaʼ int tieħu vantaġġ minn kull opportunità biex tagħti xhieda fil-ħajja tiegħek taʼ kuljum?

Int għandek il-privileġġ li tiftaħ għajnejn in-nies għaż-żminijiet kritiċi tagħna u tgħinhom jitbiegħdu mill-interessi egoistiċi sabiex ifittxu lil Ġeħova. (Sof. 2:2, 3) Tistaʼ int tieħu vantaġġ minn kull opportunità biex tagħti xhieda lil sħabek fuq ix-xogħol, lill-ġirien tiegħek, u lil dawk li tiltaqaʼ magħhom fil-ħajja tiegħek taʼ kuljum? Se tirsisti iktar biex twissi lil oħrajn?