Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Aġixxi fi Qbil mat-Talba Kollha Mħabba ta’ Ġesù

Aġixxi fi Qbil mat-Talba Kollha Mħabba ta’ Ġesù

“Missier, . . . igglorifika lil ibnek, biex ibnek jigglorifika lilek.” —ĠW. 17:1.

1, 2. Spjega x’għamel Ġesù għall-appostli leali tiegħu wara li ċċelebraw il-Qbiż fis-sena 33 E.K.

HU TARD filgħaxija fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K. Ġesù u l-ħbieb tal-qalb tiegħu għadhom kif iċċelebraw il-Qbiż, li jfakkarhom f’kif Alla ħeles lil missirijiethom mill-jasar fl-Eġittu. Imma d-dixxipli leali tiegħu se jinħelsu b’mod akbar ferm. L-għada, il-Mexxej perfett tagħhom kien se jinqatel mill-għedewwa tiegħu. Imma dan l-att taʼ mibegħda se jinbidel f’barka. Id-demm imxerred taʼ Ġesù kien se jagħmilha possibbli għall-bnedmin kollha biex jinħelsu mid-dnub u l-mewt.—Ebr. 9:12-14.

2 Sabiex ikun ċert li ma ninsewx dan il-provvediment kollu mħabba, Ġesù beda osservanza ġdida li ssir darba fis-sena u li ħadet post il-Qbiż. Għamel dan billi qasam ħobża bla ħmira, u hekk kif taha lil kull wieħed mill-11-il appostlu leali, qalilhom: “Dan il-ħobż jirrappreżenta ġismi li se jingħata għalikom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Għamel l-istess ħaġa b’kies mimli inbid aħmar u qalilhom: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi li se jixxerred għalikom.”—Lq. 22:19, 20.

3. (a) Liema bidla kbira kien hemm wara l-mewt taʼ Ġesù? (b) Liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw dwar it-talba taʼ Ġesù li hi miktuba fi Ġwanni kapitlu 17?

3 Il-patt tal-Liġi bejn Alla u l-ġens t’Iżrael dalwaqt kien se jintemm. Minfloku kien se jkun hemm patt ġdid bejn Ġeħova u s-segwaċi midlukin taʼ Ġesù. Ġesù kien ikkonċernat ħafna dwar il-benesseri taʼ dan il-ġens spiritwali ġdid. L-Iżraelin ma kinux magħqudin fil-qima tagħhom lil Alla, u dan każbar l-isem t’Alla. (Ġw. 7:45-49; Atti 23:6-9) B’kuntrast, ix-xewqa taʼ Ġesù kienet li s-segwaċi tiegħu jibqgħu magħqudin ħalli jaħdmu flimkien  f’armonija sabiex jigglorifikaw l-isem t’Alla. Allura, x’jagħmel Ġesù? Joffri l-isbaħ talba li ebda bniedem qatt se jkollu l-privileġġ li jaqraha. (Ġw. 17:1-26; ara l-1 stampa.) Aħna nistgħu nħarsu lura u nistaqsu, “Alla wieġeb it-talba taʼ Ġesù?” Ukoll, għandna neżaminaw lilna nfusna u nistaqsu, “Qed naġixxi jien fi qbil magħha?”

IL-PRIJORITAJIET TAʼ ĠESÙ

4, 5. (a) X’nitgħallmu mill-introduzzjoni tat-talba taʼ Ġesù? (b) Ġeħova kif wieġeb ir-rikjesta persunali taʼ Ġesù dwar il-futur tiegħu?

4 Ġesù jdum jitkellem sa tard billejl, u jaqsam mad-dixxipli tiegħu għarfien prezzjuż mingħand Alla. Imbagħad jerfaʼ għajnejh lejn is-sema u jitlob: “Missier, waslet is-siegħa; igglorifika lil ibnek, biex ibnek jigglorifika lilek, skond l-awtorità li tajtu fuq il-bnedmin kollha, biex jagħti l-ħajja taʼ dejjem lill-għadd sħiħ taʼ dawk li tajtu. . . . Jien igglorifikajtek fuq l-art, billi temmejt ix-xogħol li tajtni nagħmel. Mela issa, Missier, igglorifikani maġenbek bil-glorja li kelli ħdejk qabel ma kienet teżisti d-dinja.”—Ġw. 17:1-5.

5 Innota l-prijoritajiet taʼ Ġesù fl-introduzzjoni tat-talba tiegħu. It-tħassib primarju tiegħu hu li Missieru tas-sema jiġi glorifikat, u dan hu fi qbil mal-ewwel rikjesta fit-talba mudell taʼ Ġesù: “Missier, ħa jitqaddes ismek.” (Lq. 11:2) It-tieni tħassib taʼ Ġesù hu dwar il-bżonnijiet tad-dixxipli tiegħu, li ‘jagħtihom il-ħajja taʼ dejjem.’ Wara dan, Ġesù jagħmel rikjesta persunali billi jgħid: “Missier, igglorifikani maġenbek bil-glorja li kelli ħdejk qabel ma kienet teżisti d-dinja.” Ġeħova jippremja lill-Iben leali tiegħu saħansitra b’iktar minn dak li talab billi jagħti lil Ġesù “isem iktar eċċellenti minn” dak tal-anġli kollha.—Ebr. 1:4.

‘NIEĦDU GĦARFIEN DWAR L-UNIKU ALLA VERU’

6. Biex l-appostli jiksbu l-ħajja taʼ dejjem, x’kellhom jagħmlu, u kif nafu li rnexxielhom?

6 Ġesù jitlob ukoll dwar dak li għandna nagħmlu bħala midinbin biex nikkwalifikaw għall-għotja mhix mistħoqqa tal-ħajja taʼ dejjem. (Aqra Ġwanni 17:3.) Hu jgħid li għandna nibqgħu ‘nieħdu għarfien’ dwar Alla u Kristu. Mod kif nagħmlu dan hu billi nagħmlu kulma nistgħu biex nitgħallmu iktar dwar Ġeħova u Ibnu. Mod importanti ieħor kif nieħdu għarfien dwar Alla hu billi f’ħajjitna nużaw dak li tgħallimna. L-appostli diġà kienu għamlu dawn iż-żewġ affarijiet, għax Ġesù kompla jitlob: “Il-kliem li tajtni jien tajthulhom, u huma laqgħuh.” (Ġw. 17:8) Imma biex jiksbu l-ħajja taʼ dejjem kellhom jibqgħu jimmeditaw fuq kliem Alla u japplikaw dan il-kliem fil-ħajja tagħhom taʼ kuljum. Irnexxielhom l-appostli leali jagħmlu dan sa tmiem il-ħajja tagħhom fuq l-art? Dażgur! Aħna nafu dan għax kull wieħed minnhom għandu ismu miktub għal dejjem fuq it-12-il ġebla tal-pedament taʼ Ġerusalemm il-Ġdida.—Riv. 21:14.

7. Xi jfisser li ‘nieħdu għarfien’ dwar Alla, u dan għala hu tant importanti?

7 Jekk irridu ngħixu għal dejjem, irridu nkomplu ‘nieħdu għarfien’ dwar Alla. Dan xi jfisser? Il-kelma Griega użata hawnhekk tistaʼ tiġi tradotta wkoll bħala li “għandek tibqaʼ tkun taf” jew “għandek tkompli tkun taf.” Għalhekk, li ‘nieħdu għarfien’ dwar Alla jfisser li għandna nibqgħu nitgħallmu iktar u iktar dwaru. Imma dan ifisser ħafna iktar milli sempliċement inkunu nafu  l-kwalitajiet u l-iskop tiegħu. Irridu nħobbuh minn qiegħ qalbna u jkollna ħbiberija mill-qrib miegħu, u rridu nuru mħabba għal ħutna. Il-Bibbja tispjega: “Min ma jħobbx ma sarx jaf lil Alla.” (1 Ġw. 4:8) B’hekk, li tkun taf lil Alla jinvolvi li tkun ubbidjenti lejh. (Aqra l-1 Ġwanni 2:3-5.) Xi privileġġ kbir li tkun magħdud bħala wieħed li jaf lil Ġeħova! Imma bħal fil-każ taʼ Ġuda l-Iskarjota, din ir-relazzjoni prezzjuża tistaʼ tintilef. Ejja nħabirku biex inżommuha b’saħħitha. Imbagħad eventwalment se nikkwalifikaw għall-għotja mhix mistħoqqa taʼ ħajja taʼ dejjem.—Mt. 24:13.

“MINĦABBA ISMEK STESS”

8, 9. X’kien it-tħassib ewlieni taʼ Ġesù matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, u liema tradizzjoni reliġjuża żgur li ċaħad?

8 Wara li jaqra t-talba taʼ Ġesù li hi miktuba fi Ġwanni kapitlu 17, min jistaʼ jiddubita mill-imħabba profonda li Ġesù għandu mhux biss għall-appostli tiegħu li kienu preżenti imma wkoll għad-dixxipli futuri tiegħu? (Ġw. 17:20) Fl-istess ħin, irridu nifhmu li s-salvazzjoni tagħna mhix it-tħassib primarju taʼ Ġesù. L-iskop ewlieni mill-bidu sal-aħħar tal-ministeru tiegħu fuq l-art kien li jaħdem għat-taqdis u l-glorja taʼ isem Missieru. Pereżempju, meta ħabbar l-inkarigu tiegħu fis-sinagoga taʼ Nazaret, Ġesù qara mir-romblu taʼ Isaija: “L-ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar aħbar tajba lill-foqra.” Bla dubju, Ġesù lissen b’mod ċar l-isem t’Alla meta qara dan l-inkarigu.—Lq. 4:16-21.

9 Skont it-tradizzjoni Lhudija, ħafna qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, il-mexxejja reliġjużi skuraġġew lin-nies milli jużaw l-isem t’Alla. Nistgħu nkunu ċerti li Ġesù b’mod sod ċaħad tradizzjoni mhix Skritturali bħal din. Hu qal lill-opponenti tiegħu: “Jien ġejt f’isem Missieri, imma intom ma tilqgħunix; kieku ġie ħaddieħor f’ismu stess, kontu tilqgħuh.” (Ġw. 5:43) Imbagħad, ftit ġranet qabel ma miet, Ġesù esprima t-tħassib ewlieni tiegħu f’ħajtu meta talab:  “Missier, igglorifika lil ismek.” (Ġw. 12:28) Għalhekk, m’għandniex niskantaw meta Ġesù jitkellem dwar dan it-tħassib dwar isem Missieru iktar minn darba matul it-talba li issa qed neżaminaw.

10, 11. (a) X’kien involut meta Ġesù għamel isem Missieru magħruf? (b) Id-dixxipli taʼ Ġesù għandhom jaħdmu biex iwettqu liema għan?

10 Ġesù talab: “Urejt ismek lill-bnedmin li tajtni mid-dinja. Kienu tiegħek u int tajthomli, u huma osservaw kelmtek. Ukoll, jien m’għadnix fid-dinja, imma huma qegħdin fid-dinja u jien ġej għandek. Missier Qaddis, ħarishom minħabba ismek stess li tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna.”—Ġw. 17:6, 11.

11 Meta Ġesù għamel isem Missieru magħruf lid-dixxipli tiegħu, dan kien jinvolvi ħafna iktar milli sempliċement juża l-isem Ġeħova. Ġesù għenhom ukoll biex ikunu jafu dak li jirrappreżenta l-isem t’Alla, jiġifieri, il-kwalitajiet meraviljużi t’Alla u l-mod kif jittrattana. (Eżo. 34:5-7) Ġesù issa hu Sultan fis-sema u jkompli jgħin lid-dixxipli tiegħu jagħmlu isem Ġeħova magħruf madwar l-art. B’liema għan? Bl-għan li iktar dixxipli jinġabru qabel ma jasal it-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar. Imbagħad x’isem meraviljuż se jagħmel għalih Ġeħova hekk kif jaġixxi biex jeħles lix-xhieda leali tiegħu!—Eżek. 36:23.

“BIEX HEKK ID-DINJA TEMMEN”

12. Liema tliet affarijiet huma neċessarji għalina biex nirnexxu fix-xogħol tagħna li jsalva l-ħajjiet?

12 Waqt li kien fuq l-art, Ġesù ħadem iebes biex jgħin lid-dixxipli tiegħu jegħlbu d-dgħufijiet tagħhom. Dan kien essenzjali għalihom jekk riedu jwettqu x-xogħol li Ġesù kien beda. Ġesù jitlob: “Bħalma int bgħattni fid-dinja, jien ukoll bgħatthom fid-dinja.” Sabiex jirnexxu f’dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet, Ġesù jenfasizza tliet bżonnijiet vitali. L-ewwel, jitlob biex id-dixxipli tiegħu ma jkunux parti mid-dinja taʼ Satana. It-tieni, jitlob biex id-dixxipli tiegħu jobdu l-Kelma t’Alla u jitqaddsu. It-tielet, Ġesù darba wara l-oħra jitlob bi ħrara biex id-dixxipli tiegħu jkunu magħqudin fl-istess rabta taʼ mħabba li teżisti bejnu u bejn Missieru. Dan jitlob li nagħmlu eżami persunali. Kull wieħed u waħda minna għandu jistaqsi, ‘Qed naġixxi jien fi qbil mat-tliet rikjesti taʼ Ġesù?’ Billi joqgħod attent għal dawn l-affarijiet, Ġesù jesprimi l-fiduċja tiegħu li “hekk id-dinja temmen li int bgħattni.”—Aqra Ġwanni 17:15-21.

Il-Kristjani tal-ewwel seklu ħadmu fi qbil mal-ispirtu qaddis biex iżommu l-unità (Ara paragrafu 13)

13. It-talba taʼ Ġesù kif twieġbet fl-ewwel seklu E.K.?

13 Nistgħu naraw li t-talba taʼ Ġesù twieġbet jekk nistudjaw il-ktieb Bibliku li jiġi wara l-erbaʼ Evanġelji, l-Atti tal-Appostli. Aħseb dwar kemm setaʼ kien hemm firdiet fost il-Kristjani tal-bidu, li kienu magħmulin minn Lhud u Ġentili, nies għonja u foqra, ilsiera u sidien tal-ilsiera. Iżda, dawn kollha tant saru magħqudin li setgħu jitqabblu maʼ partijiet differenti taʼ ġisem uman b’Ġesù bħala l-kap tagħhom. (Efes. 4:15, 16) X’miraklu hu dan fost id-dinja mifruda taʼ Satana! Ġeħova għandu jieħu l-krettu kollu għal dan, għax hu għamlu possibbli bil-ħidma tal-ispirtu qaddis tiegħu li hu setgħan.—1 Kor. 3:5-7.

In-nies taʼ Ġeħova madwar id-dinja kollha huma magħqudin (Ara paragrafu 14)

14. It-talba taʼ Ġesù kif twieġbet fi żminijiet moderni?

14 B’sogħba, din l-unità mirakoluża ma baqgħetx teżisti wara l-mewt tal-appostli. Minflok, kif ġie mbassar, kien hemm apostasija kbira, u din irriżultat fis-setet maqsumin tal-Kristjaneżmu. (Atti 20:29, 30) Imma fis-sena 1919,  Ġesù ħeles lis-segwaċi midlukin tiegħu milli jkunu lsiera tar-reliġjon falza u ġabarhom flimkien f’“rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kol. 3:14) Ix-xogħol tal-ippritkar tagħhom x’effett kellu fuq il-bqija tad-dinja? Iktar minn sebaʼ miljun “nagħaġ oħrajn” “minn kull ġens u tribù u poplu u lsien” issieħbu mal-midlukin t’Alla u saru merħla waħda magħquda. (Ġw. 10:16; Riv. 7:9) Xi tweġiba spettakolari għat-talba taʼ Ġesù biex “b’hekk id-dinja jkollha l-għarfien li int [Ġeħova] bgħattni u li ħabbejthom bħalma ħabbejt lili”!—Ġw. 17:23.

KONKLUŻJONI LI TMISS IL-QALB

15. Ġesù liema rikjesta speċjali għamel għan-nom tad-dixxipli midlukin tiegħu?

15 Iktar kmieni fil-lejla tal-14 taʼ Nisan, Ġesù gglorifika, jew onora, lill-appostli tiegħu billi għamel patt magħhom biex jaħkmu miegħu fis-Saltna tiegħu. (Lq. 22:28-30; Ġw. 17:22) Għalhekk, dwar dawk kollha li kienu se jsiru s-segwaċi midlukin tiegħu, Ġesù issa jitlob hekk: “Missier, nixtieq li dawk li tajtni jkunu wkoll miegħi fejn inkun jien, sabiex jaraw il-glorja tiegħi li tajtni int, għax ħabbejtni qabel it-tisjis tad-dinja.” (Ġw. 17:24) Dan jikkaġuna hena, mhux għira, min-naħa tan-nagħaġ oħrajn taʼ Ġesù u hu prova oħra tal-unità li teżisti fost il-Kristjani veri kollha fuq l-art illum.

16, 17. (a) Ġesù liema determinazzjoni esprima fil-konklużjoni tat-talba tiegħu? (b) X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

16 Billi huma influwenzati mill-mexxejja reliġjużi tagħhom, il-maġġoranza tan-nies fid-dinja jagħżlu li jinjoraw l-evidenza ċara li Ġeħova għandu poplu magħqud li jafuh verament. L-istess ħaġa kienet minnha fi żmien Ġesù. Għalhekk, hu jikkonkludi b’dan il-kliem li jmiss il-qalb: “Missier ġust, tabilħaqq, id-dinja ma saritx taf min int; imma jien sirt nafek, u dawn saru jafu li int bgħattni. U għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu, sabiex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jien inkun f’unjoni magħhom.”—Ġw. 17:25, 26.

17 Min jistaʼ jiċħad li Ġesù aġixxa f’armonija mat-talba tiegħu? Bħala Kap tal-kongregazzjoni, hu jkompli jgħinna ngħarrfu l-isem u l-iskop taʼ Missieru. Jalla nibqgħu nissottomettu ruħna lejn l-istat taʼ kap tiegħu billi b’mod żeluż nobdu l-kmand tiegħu biex nippritkaw u nagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20; Atti 10:42) Ejja wkoll naħdmu iebes biex nibqgħu magħqudin bħala l-poplu t’Alla. Billi nagħmlu dawn l-affarijiet, aħna se nkunu qed naġixxu fi qbil mat-talba taʼ Ġesù, u dan se jirriżulta fi glorja għall-isem taʼ Ġeħova u fl-hena dejjiemi tagħna.