Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Kien Premjanti li Striħajna fuq Ġeħova

Kien Premjanti li Striħajna fuq Ġeħova

Kultant ma tkunx taf x’se ġġib magħha l-ħajja—inċertezzi u diffikultajiet ebsin biex tkampa magħhom. Imma Ġeħova jbierek lil dawk li jistrieħu fuqu, u mhux fuq il-fehma tagħhom stess. Jien u marti dan esperjenzajnieh matul il-ħajja twila u premjanti li għexna. Ħa nirrakkonta ftit mill-istorja tagħna.

OMMI u missieri ltaqgħu fl-1919 f’konvenzjoni tal-Istudenti Internazzjonali tal-Bibbja f’Cedar Point, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika. Huma żżewġu iktar tard f’dik l-istess sena. Jien twilidt fl-1922, u ħija Paul twieled sentejn wara. Marti Grace twieldet fl-1930. Il-ġenituri tagħha, Roy u Ruth Howell, trabbew bħala Studenti tal-Bibbja, u n-nanniet tagħha wkoll kienu Studenti tal-Bibbja u ħbieb taʼ Ħuna Charles Taze Russell.

Iltqajt maʼ Grace fl-1947, u żżewwiġna fis-16 taʼ Lulju, 1949. Qabel ma żżewwiġna, kellna diskussjonijiet bil-miftuħ dwar il-futur tagħna. Konna determinati li nieħdu sehem fil-ministeru full-time u ma nerfgħux ir-responsabbiltà tat-trobbija tat-tfal. Fl-1 t’Ottubru, 1950, bdejna naqdu flimkien bħala pijunieri. Imbagħad fl-1952 ġejna mistidnin fix-xogħol tas-circuit.

IX-XOGĦOL TAL-IVVJAĠĠAR U T-TAĦRIĠ TAʼ GILEGĦAD

It-tnejn li aħna ħassejna li kellna bżonn ħafna għajnuna biex inwettqu dan l-inkarigu ġdid. Filwaqt li tgħallimt minn aħwa tal-esperjenza, fittixt ukoll l-għajnuna għal Grace. Avviċinajt lil Marvin Holien, ħabib antik tal-familja li kien tal-esperjenza bħala indokratur li jivvjaġġa, u staqsejtu: “Grace għadha żgħira u m’għandhiex esperjenza. Taf lil xi ħadd li jistaʼ jaħdem magħha sabiex titħarreġ ftit?” “Iva,” wieġeb hu. “Edna Winkle hija pijuniera tal-esperjenza li tistaʼ tgħinha ħafna.” Iktar tard, Grace qalet hekk dwar Edna: “Kienet iġġegħelni nħossni komda fuq il-bibien, kienet taf kif għandha twieġeb meta tqum xi oġġezzjoni, u għallmitni nagħti widen lill-inkwilin sabiex inkun nistaʼ nwieġeb bl-aħjar mod. Kienet proprju dak li kelli bżonn!”

Mix-xellug: Nathan Knorr, Malcolm Allen, Fred Rusk, Lyle Reusch, Andrew Wagner

Jien u Grace qdejna f’żewġ circuits fl-istat taʼ Iowa, inkluż partijiet mill-istati taʼ Minnesota u South Dakota. Imbagħad intbgħatna fi New York Circuit 1, li kien jinkludi l-inħawi taʼ Brooklyn u Queens. Qatt ma se ninsew kemm ħassejna li konna bla esperjenza f’dan l-inkarigu. Is-circuit kien jinkludi l-Kongregazzjoni taʼ Brooklyn  Heights, li kienet tiltaqaʼ fis-Sala tas-Saltna f’Betel u kellha ħafna membri tal-familja Betel li kienu tal-esperjenza. Wara li tajt l-ewwel taħdita tas-servizz tiegħi f’din il-kongregazzjoni, Ħuna Nathan Knorr resaq fuqi u qalli dan il-kliem: “Malcolm, int tajtna xi pariri fuqiex naħdmu, u dawn kienu xierqa. Tinsiex, jekk ma tgħinniex billi tagħtina pariri b’qalb tajba, ftit li xejn tkun t’għajnuna għall-organizzazzjoni. Qed tagħmel xogħlok sew—kompli sejjer hekk.” Wara l-laqgħa, għedt lil Grace b’dan. Imbagħad tlajna fuq fil-kamra tagħna f’Betel u nfexxejna nibku tant kemm konna stressati.

“Jekk ma tgħinniex billi tagħtina pariri b’qalb tajba, ftit li xejn tkun t’għajnuna għall-organizzazzjoni. Qed tagħmel xogħlok sew—kompli sejjer hekk”

Wara ftit xhur, irċivejna stedina biex nattendu l-24 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad, u l-istudenti kellhom jiggradwaw fi Frar tal-1955. Qabel ma morna l-iskola ġejna informati li t-taħriġ tagħna ma kienx neċessarjament biex iħejjina nsiru missjunarji. Minflok, kellu jservi biex jarmana ħalli nsiru iktar effettivi fix-xogħol tal-ivvjaġġar. L-iskola kienet esperjenza meraviljuża iżda li ġġiegħlek issir iktar umli.

Fern u George Couch miegħi u maʼ Grace f’Gilegħad, fl-1954

Meta temmejna l-iskola, ġejna inkarigati biex naqdu fix-xogħol tad-distrett. Id-distrett tagħna kien jinkludi l-istati taʼ Indiana, Michigan, u Ohio. Imbagħad, b’sorpriża għalina, f’Diċembru tal-1955 irċivejna ittra mingħand Ħuna Knorr li fiha qal: “Toqogħdux lura milli tesprimu ruħkom, u kunu onesti miegħi. Jekk tgħiduli li intom lesti li tiġu Betel u tibqgħu hawnhekk . . . jew jekk tħossu li tistgħu taċċettaw inkarigu f’pajjiż ieħor wara li tkunu għamiltu xi żmien f’Betel, għiduli. Jekk tippreferu x-xogħol tad-distrett u tas-circuit, nixtieq inkun naf.” Aħna weġibna li konna nkunu kuntenti bi kwalunkwe inkarigu li ningħataw. Minnufih intqalilna biex immorru naqdu f’Betel!

SNIN EĊĊITANTI F’BETEL

Matul is-snin eċċitanti li qattajt fis-servizz f’Betel ġejt inkarigat biex nagħti taħditiet u ngħallem f’ħafna postijiet fl-Istati Uniti. Stajt inħarreġ u ngħin lil bosta żgħażagħ irġiel li iktar tard ngħataw responsabbiltajiet ikbar fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Maż-żmien, ħdimt bħala segretarju taʼ Ħuna Knorr fl-uffiċċju fejn kien jiġi organizzat ix-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja.

Naħdem fid-Dipartiment tas-Servizz, fl-1956

Is-snin li qattajt fid-Dipartiment tas-Servizz kienu tassew pjaċevoli. Hemmhekk stajt naħdem maʼ T. J. (Bud) Sullivan. Hu kien għamel snin sħaħ jaqdi bħala l-indokratur taʼ dan id-dipartiment. Imma kien hemm oħrajn li wkoll tgħallimt ħafna minnhom. Fred Rusk, li kien ġie inkarigat  biex iħarriġni, kien wieħed minnhom. B’għożża, niftakar nistaqsih, “Fred, għala tagħmilli dawk il-bidliet kollha f’xi wħud mill-ittri li nikteb?” Hu daħaqha, u qalli, “Malcolm, meta tgħid xi ħaġa bil-fomm, tistaʼ tkompli tispjega b’iktar kliem, iżda meta tikteb xi ħaġa, speċjalment meta toħroġ minn hawnhekk, trid tkun ċara u eżatta kemm jistaʼ jkun.” Imbagħad b’qalb tajba qalli, “Agħmel il-qalb—sejjer tajjeb, u maż-żmien, titjieb.”

Matul is-snin li qdiet f’Betel, Grace irċiviet għadd taʼ inkarigi taʼ xogħol, inkluż it-tindif tal-kmamar. Kienet tħobb tagħmlu dan ix-xogħol. Sal-ġurnata tal-lum, meta kultant niltaqgħu maʼ xi wħud mill-aħwa li kienu żgħażagħ irġiel f’Betel matul dawk is-snin, dawn jgħidu lil Grace bi tbissima, “Int għallimtni kif nifrex sodda, u ħa ngħidlek: ommi ħadet pjaċir b’dak li għallimtni.” Grace kienet tieħu pjaċir ukoll taħdem fid-dipartimenti tar-Rivisti, tal-Korrispondenza, u tal-Produzzjoni tal-Kasetts. Is-servizz tagħha f’dawn l-inkarigi differenti għenha tapprezza li kwalunkwe xogħol li nagħmlu jew kwalunkwe post fejn naqdu fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova huwa privileġġ u barka. Sal-lum il-ġurnata, hi tħossha bl-istess mod.

AĠĠUSTAMENTI LI GĦAMILNA

F’nofs is-snin 70, bdejna nirrealizzaw li l-ġenituri tagħna, li kienu mdaħħlin fiż-żmien, kellhom bżonn iktar attenzjoni. Maż-żmien, kellna nieħdu deċiżjoni diffiċli. Ma ridniex nitilqu minn Betel u nħallu warajna lill-qaddejja sħabna taʼ Ġeħova li konna sirna nħobbuhom b’għożża kbira. Iżda xorta ħassejt li kienet ir-responsabbiltà tagħna li nieħdu ħsieb il-ġenituri tagħna. Għalhekk, eventwalment tlaqna minn Betel, iżda bit-tama li meta s-sitwazzjoni tagħna tinbidel, forsi mmorru lura.

Sabiex immantnu lilna nfusna, bdejt inbigħ il-poloz tal-assikurazzjoni. Qatt ma ninsa x’kien qalli maniġer partikulari meta kont għadni qed nitħarreġ: “Dan in-negozju jiddependi miż-żjajjar lin-nies filgħaxijiet. Huwa b’hekk li tkun tistaʼ tara lin-nies wiċċ imb wiċċ. Xejn m’hu iktar importanti milli toħroġ kull filgħaxija żżur lin-nies.” Wiġibtu, “Jien ċert li int qed titkellem mill-esperjenza, u nirrispettah dan. Imma jien għandi wkoll responsabbiltajiet taʼ natura spiritwali li qatt ma ttraskurajthom, u m’iniex beħsiebni nibda nittraskurahom issa. Inkun nistaʼ nagħmel xi żjajjar filgħaxijiet, iżda nhar taʼ Tlieta u nhar taʼ Ħamis filgħaxija, irrid nattendi laqgħat importanti ħafna.” Ġeħova tassew berikni talli ma tliftx il-laqgħat biex nagħmel xogħol sekulari.

Meta mietet ommi konna maġenb is-sodda tagħha f’dar tal-anzjani f’Lulju tal-1987. In-ners resqet lejn Grace u qaltilha: “Sinjura Allen, mur id-dar u strieħ ftit. Kulħadd jaf li kont hawnhekk il-ħin kollu maġenb il-kunjata tiegħek. Serraħ moħħok li għamilt kulma stajt.”

 F’Diċembru tal-1987, applikajna biex nerġgħu naqdu f’Betel, il-post li konna nħobbu. Iżda ftit jiem wara, lil Grace sabulha kanċer fil-musrana l-kbira, jew, il-ħoxna. Wara li għamlet operazzjoni u rkuprat minnha, qalulha li ma kienx għad fadal traċċa tal-kanċer. Iżda sadanittant irċivejna ittra minn Betel li fiha ngħatajna l-parir biex inkomplu bil-ministeru tagħna mal-kongregazzjoni lokali. Konna determinati li nkomplu nħabirku għal Ġeħova.

Maż-żmien, sibt xogħol f’Texas. Iddeċidejna li l-klima iktar sħuna t’hemmhekk tkun tajba għalina, u hekk kien. Hawnhekk f’Texas, ilna xi 25 sena mdawrin minn aħwa li tant iħobbuna u li saru ħbieb tal-qalb.

LEZZJONIJIET LI TGĦALLIMNA

Matul is-snin, Grace batiet minn kanċer tal-musrana l-kbira, tat-tirojde, u dan l-aħħar tas-sider. Madankollu, hi qatt ma gergret dwar ħajjitha u dejjem ikkooperat miegħi u rrispettatni bħala l-kap tal-familja. In-nies spiss jistaqsuha, “X’inhu s-sigriet tas-suċċess tagħkom bħala koppja u tal-ferħ li t-tnejn turu?” Hi tagħti erbaʼ raġunijiet: “Aħna ħbieb tal-qalb. Nikkomunikaw regolarment kuljum. Inħobbu nqattgħu ħin flimkien kuljum. U qatt ma mmorru norqdu fl-aħħar tal-ġurnata filwaqt li nkunu għadna rrabjati għal xulxin.” M’għandniex xi ngħidu, xi kultant nirfsu l-kallu taʼ xulxin, iżda mbagħad naħfru u ninsew—u din l-attitudni tirnexxi verament.

“Dejjem strieħ fuq Ġeħova u aċċetta dak li jippermetti”

Matul il-provi kollha li ffaċċjajna, tgħallimna diversi lezzjonijiet utli:

  1. Dejjem strieħ fuq Ġeħova u aċċetta dak li jippermetti. Tistrieħx fuq fehmtek stess.—Prov. 3:5, 6; Ġer. 17:7.

  2. Strieħ fuq il-Kelma taʼ Ġeħova għad-direzzjoni, tkun xi tkun il-kwistjoni. L-ubbidjenza lejn Ġeħova u l-liġijiet tiegħu hi vitali. M’hemmx triq tan-nofs—jew tobdi jew ma tobdix.—Rum. 6:16; Ebr. 4:12.

  3. Hemm ħaġa waħda fil-ħajja li hi l-iktar importanti—li tagħmel isem tajjeb maʼ Ġeħova. Poġġi l-interessi tiegħu l-ewwel, u mhux il-ġid materjali.—Prov. 28:20; Ekk. 7:1; Mt. 6:33, 34.

  4. Itlob li tkun produttiv u attiv kemm jistaʼ jkun fis-servizz taʼ Ġeħova. Iffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel, u mhux fuq dak li ma tistax tagħmel.—Mt. 22:37; 2 Tim. 4:2.

  5. Kun af li m’hemm ebda organizzazzjoni oħra li għandha l-barka u l-approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Ġw. 6:68.

Kemm jien u kemm Grace qdejna lil Ġeħova għal iktar minn 75 sena, u bħala koppja miżżewġa qdejnieh għal kważi 65 sena. Tassew qattajna żmien sabiħ naqdu lil Ġeħova flimkien matul dawn is-snin kollha. Nittamaw u nitolbu li ħutna kollha jistgħu jesperjenzaw bl-istess mod kemm il-ħajja tkun premjanti meta tistrieħ fuq Ġeħova.