MADWAR 10 snin ilu, Gregorio u Marilou, koppja miżżewġa li għandhom ’il fuq minn 30 sena, kienu qed jaqdu bħala pijunieri f’Manila u fl-istess ħin kienu qed jaħdmu full-time. Dan kien taʼ sfida, imma rnexxielhom. Imbagħad Marilou laħqet meniġer fil-bank fejn kienet taħdem. Hi tgħid: “Bl-impjiegi tajbin tagħna stajna ngawdu stil taʼ ħajja komda ħafna.” Fil-fatt, l-affarijiet tant kienu sejrin tajjeb finanzjarjament li l-koppja ddeċidew li jibnu d-dar tal-ħolm tagħhom f’post mill-isbaħ xi 19-il kilometru lejn il-Lvant taʼ Manila. Għamlu ftehim bil-miktub maʼ kuntrattur biex jibnihielhom u rranġaw biex iħallsu għall-proġett bin-nifs fi żmien 10 snin.

“ĦASSEJT LI KONT QED NISRAQ LIL ĠEĦOVA”

Marilou tirrakkonta: “L-impjieg ġdid tant kien jiħodli ħin u enerġija li ż-żelu li kelli għall-attivitajiet spiritwali beda jmajna. Ħassejt li kont qed nisraq lil Ġeħova.” Tispjega: “Ma kontx għadni nistaʼ nagħti lil Ġeħova l-ħin li kont iddedikajt għas-servizz tiegħu.” Peress li ma kinux kuntenti b’din is-sitwazzjoni, ġurnata minnhom, Gregorio u Marilou poġġew  bilqiegħda biex jitkellmu dwar il-mod kif kienu qed jużaw ħajjithom. Gregorio jgħid: “Ridna nagħmlu bidla imma ma konniex nafu eżatt x’kellna nagħmlu. Iddiskutejna kif stajna nużaw ħajjitna iktar bis-sħiħ biex naqdu lil Ġeħova, speċjalment ladarba m’għandniex tfal. Tlabna lil Ġeħova biex jiggwidana.”

F’dak iż-żmien, semgħu diversi taħditiet dwar li wieħed jaqdi fejn hemm iktar bżonn taʼ pubblikaturi tas-Saltna. “Ħassejna li dawn it-taħditiet kienu t-tweġiba taʼ Ġeħova għat-talb tagħna,” jgħid Gregorio. Il-koppja talbu għal iktar fidi ħalli jkollhom il-kuraġġ jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Ostaklu kbir li kellhom kien il-bini tad-dar li kien għadu għaddej. Diġà kienu ħallsu ammont li jkopri tliet snin. X’kienu se jaqbdu jagħmlu? Marilou tgħid: “Li kieku temmejna l-kuntratt, konna nitilfu dak kollu li konna ħallasna sa dak iż-żmien—ammont konsiderevoli. Imma aħna ħarisna lejn dan bħala għażla bejn li npoġġu r-rieda taʼ Ġeħova fl-ewwel post u bejn ix-xewqat tagħna stess.” Huma żammew f’moħħhom kliem l-appostlu Pawlu dwar li ‘nqisu kollox bħala telf’ u waqqfu l-proġett tal-bini tad-dar, telqu l-impjiegi, biegħu l-biċċa l-kbira mill-affarijiet tagħhom, u marru joqogħdu f’raħal iżolat fuq il-gżira taʼ Palawan, xi 480 kilometru lejn in-Nofsinhar taʼ Manila.—Flp. 3:8

TGĦALLMU S-SIGRIET”

Qabel ma telqu minn fejn kienu joqogħdu, Gregorio u Marilou pprovaw iħejju ruħhom għal ħajja sempliċi imma ma indunawx kemm kienu se jkunu neqsin mill-affarijiet bażiċi—sakemm waslu fid-destinazzjoni tagħhom. Marilou tgħid: “Kien xokk għalina. La kien hemm dawl elettriku u lanqas kumditajiet bażiċi. Minflok ma nitfgħu r-ross fil-borma u nsajruh, kellna nqattgħu l-injam u nsajru fuq in-nar. Immissjajt li mmur indur il-ħwienet f’xi ċentru kummerċjali, niekol barra, u affarijiet oħra li ssib fi bliet kbar.” Xorta waħda, il-koppja baqgħu jfakkru lilhom infushom għala kienu marru joqogħdu xi mkien ieħor, u ma damux ma draw. Marilou tgħid: “Issa l-għaxqa tiegħi hi li nara s-sbuħija tan-natura, inkluż l-istilel jiddu bil-lejl. Imma l-isbaħ ħaġa hi l-ferħ li nħoss meta nara l-uċuħ ferħanin tan-nies hekk kif nippritkawlhom. Billi naqdu hawnhekk, ‘tgħallimna s-sigriet’ taʼ kif inkunu kuntenti b’dak li għandna.”—Flp. 4:12.

“Xejn ma jitqabbel mal-ferħ li jiġi meta tara l-progress spiritwali. Issa iktar minn qatt qabel inħossu li ħajjitna għandha skop.”—Gregorio u Marilou

Gregorio jirrakkonta: “Meta wasalna hawnhekk, kien hawn erbaʼ Xhieda biss. Kemm ferħu meta bdejt nagħti taħdita pubblika kull ġimgħa u bdejt indoqq il-kitarra waqt li nkantaw l-għanjiet tas-Saltna!” Fi żmien sena, il-koppja raw b’għajnejhom stess kif dan il-grupp ċkejken kiber u sar kongregazzjoni taʼ 24 pubblikatur li sejra tajjeb ħafna.  Gregorio jgħid: “L-imħabba li wrietna din il-kongregazzjoni tassew messitilna qalbna.” Illum, hekk kif iħarsu lura lejn is-sitt snin li fihom qdew f’dak ir-reġjun iżolat, huma jgħidu: “Xejn ma jitqabbel mal-ferħ li jiġi meta tara l-progress spiritwali. Issa iktar minn qatt qabel inħossu li ħajjitna għandha skop.”

“DOQT U RAJT LI ĠEĦOVA HU TAJJEB”

Fil-Filippini, kważi 3,000 ħu u oħt marru joqogħdu fi nħawi fejn hemm bżonn kbir taʼ pubblikaturi tas-Saltna. Xi 500 minnhom huma aħwa nisa mhux miżżewġin. Ejja nieħdu lil Karen bħala eżempju.

Karen

Karen, li issa għandha madwar 25 sena, trabbiet f’Baggao, Cagayan. Waqt li kienet għadha żagħżugħa, spiss ħasbet dwar li tkabbar il-ministeru tagħha. Hi tirrakkonta: “Peress li naf li ż-żmien li fadal tqassar u li kull xorta taʼ nies għandhom bżonn jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna, ridt naqdi fejn hemm iktar bżonn taʼ pubblikaturi.” Għalkemm xi wħud mill-membri tal-familja tagħha ħeġġewha tieħu edukazzjoni iktar għolja minflok ma tmur tgħix f’xi post remot biex tipprietka, Karen talbet lil Ġeħova biex jiggwidaha. Ukoll, tkellmet maʼ dawk li jaqdu fi nħawi iżolati. Meta kellha 18-il sena, marret tgħix f’post iżolat xi 65 kilometru ’l bogħod minn raħal twelidha.

Il-kongregazzjoni żgħira fejn marret tgħin Karen tieħu ħsieb inħawi muntanjużi mal-Kosta tal-Paċifiku. Karen tiftakar: “Domna nimxu tlett ijiem biex minn Baggao naslu fil-kongregazzjoni l-ġdida—tlajna u nżilna muntanji u qsamna xmajjar iktar minn 30 darba.” Iżżid tgħid: “Biex immur għand xi studenti tal-Bibbja, ikolli nimxi sitt sigħat sħaħ, norqod għand l-istudenta, u l-għada nimxi sitt sigħat oħra biex immur lura d-dar.” Huwa taʼ min jagħmlu dan l-isforz kollu? “Kultant ikolli ħafna qtugħ taʼ laħam f’saqajja, imma,” bi tbissima kbira, Karen iżżid tgħid, “Ikkonduċejt sa 18-il studju tal-Bibbja. ‘Doqt u rajt li Ġeħova hu tajjeb’!”—Salm 34:8.

“TGĦALLIMT NISTRIEĦ FUQ ĠEĦOVA”

Sukhi

X’qanqal lil Sukhi, oħt mhix miżżewġa li kellha ftit ’il fuq minn 40 sena u li kienet tgħix fl-Istati Uniti, biex tmur tgħix fil-Filippini? Fl-2011 attendiet assemblea tas-circuit li fiha ġiet intervistata koppja miżżewġa. Dawn irrakkontaw dwar kif biegħu l-maġġuranza tal-affarijiet li kellhom ħalli jmorru jgħixu fil-Messiku biex jgħinu fix-xogħol tal-ippritkar hemmhekk. Sukhi tgħid: “Din l-intervista qanqlitni nibda naħseb dwar miri li ma kontx ħsibt dwarhom qabel.” Meta Sukhi, li hi taʼ dixxendenza Indjana, saret taf li kien hemm bżonn taʼ ħafna għajnuna biex in-nies Punġabi li jgħixu fil-Filippini tingħatalhom xhieda, iddeċidiet li tmur tgħin. Sabet ostakli?

“Sukhi tgħid: “Sibtha iktar bi tqila milli stennejt biex niddeċiedi x’se nżomm u x’se nbigħ. Ukoll, wara li għext ħajja komda għal 13-il sena fl-appartament tiegħi stess, mort noqgħod mal-familja b’mod temporanju u b’inqas kumdità. Ma kienx faċli, imma  kien mod tajjeb kif inħejji ruħi biex ngħix ħajja sempliċi.” Xi sfidi ffaċċjat wara li marret toqgħod il-Filippini? “L-akbar sfidi li ffaċċjajt kienu l-biżaʼ kbir li għandi mill-insetti u d-dud u l-fatt li nimmissja l-familja. Tgħallimt nistrieħ fuq Ġeħova iktar minn qatt qabel!” Kien taʼ min jagħmlu dan l-isforz? Sukhi titbissem u tgħid: “Ġeħova jgħidilna, ‘Għadduni minn prova u taraw jekk nitfax barka fuqkom.’ Issa nirrealizza kemm hu minnu dan il-kliem meta inkwilina tistaqsini, ‘Meta se terġaʼ tiġi? Għandi ħafna iktar mistoqsijiet.’ Il-fatt li nistaʼ ngħin lil nies li huma bil-għatx spiritwalment jagħtini ħafna ferħ u sodisfazzjon!” (Mal. 3:10) Sukhi żżid tgħid: “Fir-realtà, l-iktar ħaġa diffiċli kienet li nieħu d-deċiżjoni li mmur ngħix xi mkien ieħor. Wara li għamilt dan, kien tal-għaġeb il-mod kif Ġeħova ħa ħsieb il-kumplament.”

“GĦELIBT IL-BIŻAʼ LI KELLI”

Sime, ħu miżżewweġ li issa għandu qrib l-40 sena, telaq mill-Filippini biex jaħdem f’impjieg li jrendi ħafna flus fil-Lvant Nofsani. Waqt li kien hemm, l-inkuraġġiment li rċieva minn indokratur tas-circuit u minn taħdita mogħtija minn membru tal-Ġemgħa li Tiggverna qanqal lil Sime jpoġġi lil Ġeħova fl-ewwel post f’ħajtu. “Imma s-sempliċi ħsieb li nitlaq l-impjieg tiegħi ġegħelni nħossni ansjuż ħafna,” jgħid Sime. Minkejja dan, telaq l-impjieg tiegħu u reġaʼ mar jgħix il-Filippini. Illum il-ġurnata, Sime u martu, Haidee, jaqdu f’Davao del Sur, fin-naħa tan-Nofsinhar tal-pajjiż, fejn hemm bżonn taʼ pubblikaturi tas-Saltna biex ikopru t-territorju vast. Sime jgħid: “Meta nħares lura, inħossni grat ħafna li għelibt il-biżaʼ li kelli li nitlef l-impjieg u li, minflok, poġġejt lil Ġeħova l-ewwel f’ħajti. M’hemm xejn iktar sodisfaċenti fil-ħajja milli tagħti l-aqwa minn dak li għandek lil Ġeħova!”

Sime u Haidee

“JAGĦTINA SODISFAZZJON KBIR!”

Meta Ramilo u Juliet, koppja pijunieri li għandhom ftit ’il fuq minn 30 sena, saru jafu li kongregazzjoni li tinsab xi 30 kilometru ’l bogħod minn fejn joqogħdu, kellha bżonn l-għajnuna, offrew minn rajhom li jmorru jgħinuha. Għalhekk, kull ġimgħa, xemx jew xita, Ramilo u Juliet jagħmlu diversi vjaġġi bil-mutur tagħhom biex jattendu l-laqgħat u jieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar. Għalkemm jistaʼ jkun taʼ sfida li tivvjaġġa f’toroq imħarbtin u fuq pontijiet imdendlin bil-ħbula, huma ferħanin li kabbru l-ministeru tagħhom. Ramilo jgħid: “Jien u marti flimkien nikkonduċu 11-il studju tal-Bibbja! Veru li ridna nagħmlu xi sagrifiċċji biex naqdu fejn il-bżonn hu akbar, imma dan jagħtina sodisfazzjon kbir!”—1 Kor. 15:58.

Juliet u Ramilo

Tixtieq issir taf iktar dwar li taqdi fejn hemm iktar bżonn taʼ pubblikaturi tas-Saltna f’pajjiżek stess jew barra minn pajjiżek? Jekk iva, tkellem mal-indokratur tas-circuit tiegħek, u aqra l-artiklu “Tistaʼ Int ‘Tgħaddi l-Maċedonja’?” fil-ħarġa tal-Ministeru tas-Saltna t’Awwissu 2011.