Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Il-Ħolqien Jirrivela lill-Alla l-Ħaj

Il-Ħolqien Jirrivela lill-Alla l-Ħaj

“Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-glorja . . . għax int ħlaqt l-affarijiet kollha.”—RIV. 4:11.

1. Xi rridu nagħmlu biex naċċertaw ruħna li l-fidi tagħna tibqaʼ b’saħħitha?

ĦAFNA jgħidu li jemmnu biss bl-affarijiet li jistgħu jaraw b’għajnejhom stess. Kif nistgħu ngħinu lil individwi bħal dawn jibnu l-fidi f’Ġeħova? Wara kollox, il-Bibbja tgħid li “ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien.” (Ġw. 1:18) Kif nistgħu naċċertaw ruħna li l-fidi tagħna stess fl-“Alla li ma jidhirx,” Ġeħova, tibqaʼ b’saħħitha? (Kol. 1:15) L-ewwel pass hu li nidentifikaw tagħlim li jaħbi l-verità dwar Ġeħova. Imbagħad irridu nużaw il-Bibbja bis-sengħa biex inwaqqgħu kwalunkwe raġunament li jqum “kontra l-għarfien dwar Alla.”—2 Kor. 10:4, 5.

2, 3. Liema żewġ tagħlimiet ma jħallux lin-nies jitgħallmu l-verità dwar Alla?

2 Tagħlim falz li hu mxerred maʼ kullimkien, li jagħmi lin-nies, u li ma jħallihomx jitgħallmu l-verità dwar Alla, hu l-evoluzzjoni. Dan ir-raġunar uman jikkontradixxi lill-Bibbja, u lin-nies ma jħallilhom ebda tama. Bażikament, it-tagħlim tal-evoluzzjoni jsostni li l-ħajja kollha bdiet teżisti b’kumbinazzjoni; b’hekk, din timplika li l-ħajja umana m’għandha ebda skop.

3 Mill-banda l-oħra, xi nies fil-Kristjaneżmu jiħduha letterali wisq il-Bibbja u jgħallmu li l-univers, inkluż l-art tagħna u l-ħajja kollha fuqha, ilu jeżisti biss ftit eluf taʼ snin. Dawk li jgħallmu din id-duttrina—magħrufa bħala kreazzjoniżmu—forsi jirrispettawha ferm il-Bibbja, imma jsostnu li ftit eluf taʼ snin ilu, Alla ħalaq l-affarijiet kollha f’sitt ġranet taʼ 24 siegħa. Huma ma jaċċettawx evidenza xjentifika li tikkontradixxi l-ħarsa tagħhom. Minħabba f’hekk, it-tagħlim tal-kreazzjoniżmu fil-fatt jagħmilha diffiċli biex in-nies jafdaw il-Bibbja, għax jagħmluha tidher mhix raġunevoli jew eżatta. Individwi li jgħallmu ideat bħal dawn jistgħu jfakkruna f’xi wħud fl-ewwel seklu li kellhom żelu għal Alla “imma mhux skond l-għarfien eżatt.” (Rum. 10:2) Kif nistgħu nużaw il-Kelma t’Alla biex inwaqqgħu d-duttrini “stabbiliti fis-sod” tal-evoluzzjoni u  tal-kreazzjoniżmu? * L-uniku mod kif nistgħu nagħmlu dan hu billi naħdmu iebes personalment biex niksbu għarfien eżatt dwar dak li tgħallem il-Bibbja.

IL-FIDI TINBENA FUQ L-EVIDENZA U R-RAĠUNAR F’LOKU

4. Il-fidi tagħna fuqiex għandha tkun ibbażata?

4 Il-Bibbja tgħallimna ngħożżu l-għarfien. (Prov. 10:14) Ġeħova jrid li l-fidi tagħna fih tinbena fuq l-evidenza u r-raġunar f’loku, mhux fuq il-filosofija umana jew it-tradizzjonijiet reliġjużi. (Aqra Ebrej 11:1.) Biex nibnu fidi soda f’Alla, l-ewwel irridu nkunu konvinti li Ġeħova jeżisti. (Aqra Ebrej 11:6.) Ma naslux għal din il-konklużjoni sempliċement għax tassew irridu nemmnu f’xi ħaġa, imma għax neżaminaw il-fatti u għax nużaw “il-qawwa tar-raġuni” tagħna.—Rum. 12:1.

5. Liema hi raġuni waħda għala nistgħu nkunu konvinti li Alla jeżisti?

5 L-appostlu Pawlu jagħtina raġuni waħda għala nistgħu nkunu konvinti li Alla jeżisti, avolja ma nistgħux narawh. Rigward Ġeħova, Pawlu kiteb: “Il-kwalitajiet inviżibbli tiegħu, jiġifieri, il-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu, kienu jidhru ċar mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-affarijiet li nħolqu.” (Rum. 1:20) Kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd li ma jkunx ċert jekk Alla jeżistix biex jemmen dak li qal Pawlu? Tistaʼ tuża ftit mill-evidenza fil-ħolqien li se nikkunsidraw fil-paragrafi li jmiss u li tirrivela l-qawwa u l-għerf tal-Ħallieq tagħna.

IL-QAWWA T’ALLA TIDHER FIL-ĦOLQIEN

6, 7. Il-qawwa taʼ Ġeħova f’liema żewġ affarijiet hi rivelata?

6 Il-qawwa taʼ Ġeħova tidher f’żewġ affarijiet li jipproteġuna. Dawn huma l-atmosfera u l-qawwa manjetika tal-art. L-atmosfera mhux biss tipprovdilna l-arja biex nieħdu n-nifs imma wkoll tipproteġina. Kif? Biċċiet kbar taʼ blat li jgħaddu malajr minn ġol-ispazju jistgħu jikkaġunaw ħsara kbira jekk jolqtu l-art. Imma dan ġeneralment ma jiġrix għax jinħarqu meta jidħlu fl-atmosfera tal-art. Huma u jinħarqu, joħolqu kwiekeb feġġejja (shooting stars) mill-isbaħ li jivvjaġġaw b’veloċità qawwija fil-firxa tas-smewwiet billejl.

7 Il-qawwa manjetika tal-art ukoll tipproteġina mill-ħsara. Fiċ-ċentru tal-art hemm qalba li l-biċċa l-kbira minnha hi magħmula minn ħadid imdewweb u jaħraq. Din il-qalba toħloq qawwa manjetika potenti li tinsab madwar id-dinja u twassal ’il bogħod fl-ispazju. Din il-qawwa manjetika tipproteġina mix-xemx u mill-isplużjonijiet tagħha li jagħmlu l-ħsara. Minn dawn l-isplużjonijiet toħroġ radjazzjoni perikoluża fid-direzzjoni tal-art. Imma peress li l-art hi protetta, ir-radjazzjoni tax-xemx ma taħraqx il-ħajja hawnhekk fuq l-art. Minflok, il-qawwa manjetika tassorbi din ir-radjazzjoni li tagħmel il-ħsara jew tibgħatha lura fl-ispazju. Nistgħu naraw evidenza taʼ din il-qawwa manjetika inviżibbli fid-dwal bi lwien imżewqin fis-sema billejl viċin il-Pol tat-Tramuntana u l-Pol tan-Nofsinhar. Ġeħova verament “għandu . . . qawwa enerġetika.”—Aqra Isaija 40:26.

L-GĦERF T’ALLA RIVELAT FIN-NATURA

8, 9. (a) Il-ħajja kif inhi kapaċi tkompli teżisti fuq l-art illum? (b) Dan x’jgħallimna dwar l-għerf taʼ Ġeħova?

8 Nistgħu nitgħallmu dwar l-għerf taʼ Ġeħova mill-mod kif jagħmilha possibbli li l-ħajja tkompli teżisti hawnhekk fuq l-art. Immaġina belt li fiha jgħixu miljuni taʼ nies u hi mdawra b’sur. M’hemm ebda mod kif din il-belt ikollha sors taʼ ilma nadif jew kif teħles mill-iskart. Belt bħal din malajr issir maħmuġa ħafna u jkun impossibbli li wieħed jgħix fiha. Huwa bħallikieku  l-art tagħna hi bħal din il-belt. Għandha ammont limitat taʼ ilma, u ma nistgħux neħilsu mill-iskart kollu kif ġieb u laħaq. Madankollu, l-art hi kapaċi tipprovdi għal dejjem dak li għandhom bżonn il-ħlejjaq ħajjin kollha biex jgħixu. Dan kif inhu possibbli? Billi l-art għandha mod tal-għaġeb kif tirriċikla kulma hu meħtieġ għall-ħajja.

9 Ejja nikkunsidraw kif l-art tipprovdi l-ossiġnu sabiex il-ħlejjaq ħajjin ikunu jistgħu jieħdu n-nifs. Biljuni taʼ ħlejjaq ħajjin jieħdu l-ossiġnu u jarmu gass imsejjaħ dijossidu karboniku. Avolja dan qed jiġri l-ħin kollu, dejjem ikun hemm biżżejjed ossiġnu, u dan qatt ma jispiċċa. Dan kif inhu possibbli? Il-pjanti jieħdu d-dijossidu karboniku, l-ilma, id-dawl tax-xemx, u sustanzi, u mbagħad jipproduċu karboidrati u ossiġnu. Meta nieħdu n-nifs ’il ġewwa ndaħħlu l-ossiġnu u meta nieħdu n-nifs ’il barra narmu d-dijossidu karboniku. B’hekk, jitkompla ċ-ċiklu. Dan iċ-ċiklu jissejjaħ fotosinteżi. Ġeħova juża l-ħajja tal-pjanti li ħalaq biex “jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs.” (Atti 17:25) X’għerf tal-għaġeb!

10, 11. B’liema modi nistgħu naraw l-għerf taʼ Ġeħova fil-farfett monarka u fil-mazzarell?

10 Nistgħu naraw l-għerf taʼ Ġeħova anki fil-mod kif ħalaq il-ħafna kreaturi li jgħixu fuq l-art. Ir-riċerka turi li hemm bejn 2 miljuni u 100 miljun tip taʼ ħajja differenti fuq l-art. (Aqra Salm 104:24.) Se nitgħallmu dwar l-għerf tiegħu mill-mod kif inhuma magħmulin xi wħud minn dawn il-kreaturi.

L-għerf t’Alla jidher fil-mod kif inhuma magħmulin l-għajnejn tal-mazzarell. Għajn minnhom hi mkabbra fl-istampa (Ara paragrafu 11)

11 Pereżempju, il-farfett monarka għandu moħħ żgħir ħafna—daqs ponta taʼ bajrow. Minkejja dan, dan il-farfett għandu l-abbiltà li jtir madwar 3,000 kilometru, mill-Kanada sal-Messiku. Dan jagħmlu billi juża x-xemx biex tgħinu jsib ir-rotta. Imma kif inhu kapaċi jagħmel dan ladarba x-xemx tiċċaqlaq minn naħa għal oħra fis-sema? Ġeħova ħalaq il-moħħ ċkejken tal-farfett b’tali mod li avolja x-xemx tiċċaqlaq, il-farfett xorta jkun jistaʼ jtir fid-direzzjoni t-tajba. Aħseb ftit ukoll dwar il-mazzarell. Il-par għajnejn li għandu fihom madwar 30,000 lenti kull waħda. Il-moħħ ċkejken tal-mazzarell kapaċi jifhem is-sinjali li jgħaddu minn ġo dawn il-lentijiet kollha u jinnota saħansitra l-iċken movimenti li jsiru madwaru.

12, 13. X’inhu impressjonanti dwar il-mod kif Ġeħova ħalaq iċ-ċelluli tagħna?

12 Il-mod kif Ġeħova ddisinja ċ-ċelluli tal-ħlejjaq ħajjin kollha hu impressjonanti ferm. Pereżempju, ġismek fih madwar 100 triljun ċellula. Ġo kull waħda minn dawn iċ-ċelluli ċkejknin hemm aċidu msejjaħ DNA. Dan fih il-biċċa l-kbira mill-informazzjoni li minnha hu kompost ġismek kollu.

13 DNA kemm fih informazzjoni? Nistgħu nqabblu gramma waħda taʼ DNA maʼ CD. CD jistaʼ jkun fiha l-informazzjoni  kollha li hemm f’dizzjunarju. Dan jidher li hu tal-għaġeb għal diska żgħira tal-plastik. Imma gramma waħda biss taʼ DNA jistaʼ jkun fiha informazzjoni daqs triljun CD! Jew biex nispjegawha mod ieħor, kuċċarina waħda taʼ DNA niexef ikun fiha l-informazzjoni meħtieġa biex jinħalqu l-bnedmin kollha ħajjin illum! U dan tistaʼ tagħmlu għal 350 darba!

14. L-iskoperti tax-xjenzjati kif iġegħluk tħossok dwar Ġeħova?

14 Is-Sultan David iddeskriva l-informazzjoni meħtieġa biex jinbena ġisem uman bħala li hi miktuba fi ktieb figurattiv. Meta tkellem dwar Alla Ġeħova, hu qal: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi, dwar iż-żmien meta ġew ifformati u ma kien għad hemm ebda parti teżisti.” (Salm 139:16) Nistgħu nifhmu għala David tqanqal biex ifaħħar lil Ġeħova meta kkunsidra l-mod kif kien maħluq ġismu stess. Ix-xjenzjati skoprew ħafna affarijiet dwar il-ġisem uman li jġibulna għajnejna wara widnejna. Dawn l-iskoperti jagħtuna iktar raġuni biex naqblu mas-salmista li kiteb hekk dwar Ġeħova: “Jien se nfaħħrek għax tal-biżaʼ l-mod taʼ l-għaġeb kif jien magħmul. L-għemejjel tiegħek huma meraviljużi, bħalma ruħi taf tajjeb.” (Salm 139:14) Tassew, kif jistgħu n-nies ma jarawx li l-ħolqien jirrivela l-eżistenza t’Alla ħaj?

GĦIN LIL OĦRAJN JIGGLORIFIKAW LILL-ALLA L-ĦAJ

15, 16. (a) Il-pubblikazzjonijiet tagħna kif bnew l-apprezzament lejn l-abbiltà taʼ Ġeħova bħala Ħallieq? (b) Liema wieħed mill-artikli “Ġie Disinjat?” impressjonak l-iktar?

15 Għal għaxriet taʼ snin, ir-rivista Stenbaħ! għenet lil miljuni taʼ nies japprezzaw dak li jirrivela l-ħolqien dwar l-Alla l-ħaj tagħna. Pereżempju, fl-2006, il-ħarġa taʼ Settembru bl-Ingliż kienet intitolata “Is There a Creator?” L-iskop taʼ din il-ħarġa speċjali kien li jgħin lil dawk li jemmnu bl-evoluzzjoni jew bil-kreazzjoniżmu. Rigward din il-ħarġa speċjali, waħda oħt kitbet hekk lill-uffiċċju tal-fergħa fl-Istati Uniti: “Il-kampanja biex noffru din il-ħarġa speċjali marret tajjeb ferm. Waħda mara talbitni 20 kopja. Din tgħallem il-bijoloġija u riedet kopja għal kull student li kellha.” Ħu kiteb: “Ilni attiv fis-servizz tal-għalqa mill-aħħar tas-snin 40 u issa qrobt il-75 sena, imma qatt ma ħadt pjaċir fis-servizz tal-għalqa daqskemm ħadt pjaċir noffri l-ħarġa speċjali taʼ Stenbaħ! dan ix-xahar.

16 Fis-snin reċenti, il-biċċa l-kbira mill-ħarġiet taʼ Stenbaħ! kien fihom l-artiklu “Ġie Disinjat?” Dawn l-artikli qosra jiffokaw fuq kemm hu tal-għaġeb il-ħolqien u kif il-bniedem ipprova jikkopja l-affarijiet inkredibbli li ddisinja l-Ħallieq tagħna. Irċivejna materjal ieħor biex jgħinna nigglorifikaw lil Alla meta fl-2010 ħareġ il-browxer Was Life Created? L-istampi sbieħ u t-tabelli taʼ tagħlim f’din il-pubblikazzjoni huma disinjati biex jistimulaw l-apprezzament tagħna lejn l-abbiltà taʼ Ġeħova bħala Ħallieq. Il-mistoqsijiet fl-aħħar taʼ kull sezzjoni jgħinu lill-qarrej jirraġuna dwar l-informazzjoni li jkun għadu kif ikkunsidra. Tieħu pjaċir tuża dan il-browxer meta tagħti xhieda minn dar għal dar, lill-pubbliku, jew b’mod informali?

17, 18. (a) Ġenituri, kif tistgħu tgħinu lil uliedkom ikunu iktar kunfidenti fl-abbiltà tagħhom li jiddefendu l-fidi tagħhom? (b) Kif użajtu l-browxers dwar il-ħolqien fil-qima tal-familja tagħkom?

17 Ġenituri, ikkunsidrajtuh dan il-browxer kulurit maʼ wliedkom bħala parti mill-qima tal-familja tagħkom? Jekk iva, intom se tgħinuhom jibnu l-apprezzament tagħhom lejn l-Alla l-ħaj tagħna. Forsi għandkom tfal adoloxxenti li qegħdin fi skola sekondarja. Huma mira partikulari taʼ dawk li jgħallmu d-duttrina falza tal-evoluzzjoni. Xjenzjati, għalliema  tal-iskola, dokumentarji dwar in-natura, u saħansitra d-dinja tad-divertiment, bil-programmi u l-films tagħha fuq it-televixin, jippromwovu l-idea li l-evoluzzjoni hi fatt. Tistgħu tgħinu lill-adoloxxenti tagħkom jiġġieldu kontra propaganda bħal din billi tużaw browxer ieħor, The Origin of Life—Five Questions Worth Asking, li wkoll ħareġ fl-2010. Bħall-browxer Was Life Created?, din il-pubblikazzjoni tinkuraġġixxi liż-żgħażagħ jiżviluppaw ‘l-abbiltà li jaħsbu.’ (Prov. 2:10, 11) Tgħallimhom kif jiddeterminaw jekk dak li jitgħallmu fl-iskola hux loġiku.

Ġenituri, ħejju lil uliedkom biex jiddefendu l-fidi tagħhom (Ara paragrafu 17)

18 Kultant ikun hemm xi aħbarijiet li jsostnu li x-xjenzjati sabu fossili li juru li l-evoluzzjoni hi vera. Jew jistaʼ jkun hemm xi rapporti li x-xjenzjati setgħu jerġgħu joħolqu l-ħajja f’laboratorju. Il-browxer Origin of Life hu miktub b’tali mod biex jgħin lill-istudenti jiddeċiedu għalihom infushom ħalli jaraw jekk dawn ir-rapporti fl-aħbarijiet humiex veri. Ġenituri, użaw dawn il-browxers biex tgħinu lil uliedkom ikunu iktar kunfidenti meta jispjegaw għala jemmnu li hemm Ħallieq. *Aqra l-1 Pietru 3:15.

19. Xi privileġġ għandna lkoll kemm aħna?

19 Il-materjal riċerkat sew li nirċievu permezz tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova jgħinna nagħrfu l-kwalitajiet mill-isbaħ tiegħu fid-dinja taʼ madwarna. Din hi evidenza soda li ġġegħelna nfaħħru bil-kbir lill-Alla tagħna. (Salm 19:1, 2) Xi privileġġ għandna li nagħtu lil Ġeħova, il-Ħallieq tal-affarijiet kollha, l-unur u l-glorja li tant jistħoqqlu!—1 Tim. 1:17.

^ Par. 3 Għal informazzjoni dwar kif għandek tirraġuna maʼ dawk li jgħallmu l-kreazzjoniżmu, ara paġni 24 sa 28 tal-browxer Was Life Created?

^ Par. 18 Għal informazzjoni bil-Malti dwar dan is-suġġett, ara l-ħarġa taʼ Stenbaħ! Jannar-Marzu, 2012.