Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Inbdilt Int?

Inbdilt Int?

“Inbidlu billi ġġeddu moħħkom.”—RUM. 12:2.

1, 2. Il-mod kif trabbejna u l-ambjent taʼ madwarna kif jeffettwaw lil ħajjitna?

ILKOLL kemm aħna ġejna influwenzati mill-mod kif trabbejna u mill-ambjent taʼ madwarna, jiġifieri, ħbiebna, il-kultura tagħna, u l-komunità fejn ngħixu. Huwa għalhekk li aħna nħobbu ċertu ikel, u nilbsu u nġibu ruħna b’ċertu mod.

2 Imma xi affarijiet huma bil-wisq iktar importanti mill-mod kif nilbsu jew x’nieklu. Pereżempju, aħna u nikbru niġu mgħallmin li xi affarijiet huma tajbin u oħrajn ħżiena. Iżda nies differenti għandhom opinjonijiet differenti dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Il-kuxjenza tagħna wkoll teffettwa l-għażliet li nagħmlu. Il-Bibbja tgħid li spiss “in-nies tal-ġnus li m’għandhomx liġi jagħmlu b’mod naturali l-affarijiet tal-liġi.” (Rum. 2:14) Imma jekk m’hemmx liġi speċifika mingħand Alla, nistgħu aħna sempliċement insegwu l-livelli tal-familja tagħna jew dawk li huma komuni fejn ngħixu?

3. Agħti żewġ raġunijiet għala l-Kristjani ma jaqbdux u jsegwu l-livelli tad-dinja.

3 Hemm minn tal-inqas żewġ raġunijiet importanti għala l-Kristjani ma jagħmlux dan. L-ewwel, il-Bibbja tgħid: “Hemm triq li tidher retta għal bniedem, imma mbagħad tmiemha hu l-mewt.” (Prov. 16:25) Minħabba li aħna imperfetti, m’aħniex kapaċi niggwidaw il-passi tagħna perfettament. (Prov. 28:26; Ġer. 10:23) It-tieni, il-Bibbja tgħid li Satana hu “l-alla taʼ din is-sistema.” Hu jikkontrolla l-livelli tad-dinja, jiġifieri, dak li d-dinja taħseb li hu tajjeb jew ħażin u xi jsir popolari. (2 Kor. 4:4; 1 Ġw. 5:19) Jekk irridu nferrħu lil Ġeħova u rriduh iberikna, għandna nobdu dak li hemm f’Rumani 12:2.—Aqra.

4. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

4 Hemm diversi punti importanti mniżżlin bil-miktub f’Rumani 12:2 li jkun xieraq li nagħtu kashom. (1) Għala għandna bżonn ‘ninbidlu’?  (2) X’tinvolvi l-bidla? u (3) Kif nistgħu ninbidlu? Ejja nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet.

GĦALA GĦANDNA BŻONN NINBIDLU?

5. Il-kliem taʼ Pawlu f’Rumani 12:2 għal min għandu tifsir speċjali?

5 Il-kliem imniżżel fl-ittra tal-appostlu Pawlu lir-Rumani ma kienx indirizzat lil min ma jemminx jew lill-pubbliku inġenerali, imma lil sħabu Kristjani midlukin. (Rum. 1:7) Hu ħeġġiġhom biex jinbidlu u biex ‘ma jibqgħux magħġunin skond din is-sistema.’ Għall-Kristjani f’Ruma dak iż-żmien, madwar is-sena 56 E.K., “is-sistema” involviet il-livelli, id-drawwiet, l-imġiba, u l-istili taʼ lbies li kienu komuni fid-dinja Rumana. Il-fatt li Pawlu uża l-kelma “tibqgħux” jagħtina x’nifhmu li wħud minnhom kienu għadhom qed jiġu influwenzati minn dik is-sistema. Ħutna rġiel u nisa kif kienu qed jiġu influwenzati dak iż-żmien?

6, 7. Fi żmien Pawlu, il-kundizzjonijiet soċjali u reliġjużi f’Ruma kif kienu taʼ sfida għall-Kristjani?

6 Illum, it-turisti f’Ruma normalment jaraw dak li baqaʼ mit-tempji, mill-oqbra, mill-monumenti, mill-areni, mit-teatri tagħha, u nibqgħu sejrin. Ftit minn dawn jiħduna lura sal-ewwel seklu. Fdalijiet tal-passat bħal dawn jgħinuna nitgħallmu iktar dwar il-ħajja soċjali u reliġjuża f’Ruma tal-qedem. Ukoll, nistgħu naqraw mill-kotba tal-istorja dwar il-logħob tal-gladjaturi tagħha, it-tlielaq bil-karrijiet, u r-reċti u d-drammi bil-kant u ż-żfin dwar suġġetti varji, xi wħud minnhom immorali. Ruma kienet ukoll ċentru kummerċjali prosperu, allura kien hemm ħafna opportunitajiet għal qligħ taʼ flus.—Rum. 6:21; 1 Pt. 4:3, 4.

7 Minkejja l-ħafna tempji bil-bosta allat li kellhom, ir-Rumani ma kinux magħrufin għal li jikkultivaw relazzjoni vera u personali mal-allat li qiemu. Għalihom, ir-reliġjon prinċipalment kienet tikkonsisti f’ritwali għat-twelid, għaż-żwiġijiet, u għall-funerali. Dawn ir-ritwali kienu parti mill-ħajja tagħhom taʼ kuljum. Int tistaʼ timmaġina kemm dan kollu kien taʼ sfida għall-Kristjani f’Ruma. Ħafna minnhom ġew minn dan l-ambjent, allura ovvjament kellhom bżonn jinbidlu sabiex isiru Kristjani veri, u l-bidla ma kinitx se tispiċċa fil-ġurnata tal-magħmudija tagħhom.

8. Illum, id-dinja kif inhi post perikoluż għall-Kristjani?

8 L-istess bħal fi żmien ir-Rumani, id-dinja llum ukoll hija post perikoluż għall-Kristjani dedikati. Għala? Għaliex l-ispirtu tad-dinja jidher b’ħafna modi. (Aqra Efesin 2:2, 3; 1 Ġwanni 2:16.) Peress li ninsabu mdawrin bil-ħsibijiet, bil-valuri, u bil-morali tad-dinja l-ħin kollu, aħna qegħdin f’periklu kontinwu li ninġarru mid-dinja. Għalhekk, għandna ħafna raġunijiet biex nobdu t-twissija mnebbħa biex ‘ma nibqgħux magħġunin skond din is-sistemaʼ u biex ‘ninbidlu.’ X’għandna nagħmlu?

 X’GĦANDNA BŻONN INBIDDLU?

9. Qabel ma ħafna kkwalifikaw għall-magħmudija, liema bidliet għamlu?

9 Hekk kif wieħed jistudja u japplika veritajiet Bibliċi, hu jibda jagħmel progress spiritwali. Hu jitlaq ir-reliġjon falza u jagħmel bidliet f’ħajtu. Ukoll, jistinka biex jikkultiva l-personalità l-ġdida u biex jimita lil Ġesù. (Efes. 4:22-24) Aħna ferħanin li naraw mijiet t’eluf jagħmlu progress bħal dan kull sena u jsiru kwalifikati biex jitgħammdu b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Alla Ġeħova. Dan żgur li jferraħ qalb Ġeħova. (Prov. 27:11) Madankollu, nagħmlu sew jekk nikkunsidraw il-mistoqsija: Dawn il-bidliet biss neħtieġu?

Ħafna jeħtieġu li joħorġu mid-dinja taʼ Satana u jinbidlu (Ara paragrafu 9)

10. Il-bidla kif inhi differenti milli wieħed itejjeb lilu nnifsu?

10 Attwalment, li wieħed jinbidel jinvolvi iktar milli jagħmel progress jew itejjeb lilu nnifsu. Pereżempju, oġġett fis-suq jistaʼ jkollu tikketta li tgħid “ġie mtejjeb,” jiġifieri, fl-oġġett hemm xi ħaġa mibdula biex ikun aħjar. Iżda spiss, ikollu ingredjent ġdid wieħed biss jew ikollu sempliċement ippakkjar differenti. L-oġġett kważi hu l-istess bħalma kien qabel. Dizzjunarju tal-Bibbja jgħid li l-kelma ‘nbidel’ f’Rumani 12:2 tinvolvi li nġeddu jew inbiddlu l-ħsib tagħna bil-qawwa tal-ispirtu qaddis. Allura, Kristjan ma jinbidilx sempliċement billi jieqaf mid-drawwiet li jġibu ħsara, diskors ħażin, jew imġiba immorali. Xi nies li m’għandhomx għarfien mill-Bibbja jistinkaw biex kemm jistaʼ jkun jitbiegħdu minn affarijiet bħal dawn. Mela, x’inhu involut fil-bidla li Kristjan irid jagħmel?

11. Pawlu x’qal li kien hemm bżonn biex wieħed jinbidel?

11 Pawlu kiteb: “Inbidlu billi ġġeddu moħħkom.” Il-‘moħħ’ jirreferi għall-abbiltà tagħna li naħsbu. Iżda fil-Bibbja jinkludi wkoll dak li nħobbu naħsbu dwaru kif ukoll l-attitudni u l-abbiltà tagħna biex nirraġunaw fuq xi ħaġa. Iktar kmieni fl-ittra tiegħu lir-Rumani, Pawlu ddeskriva lin-nies li kellhom “stat mentali diżapprovat” minħabba ‘kull inġustizzja, aġir mill-agħar, regħba, u ħażen.’ Huma kienu “kollhom għira, qtil, ġlied, qerq,” u affarijiet oħrajn ħżiena. (Rum. 1:28-31) Aħna nistgħu nifhmu għala Pawlu ta parir lill-Kristjani li għexu maʼ nies bħal dawn sabiex ‘jinbidlu billi jġeddu moħħhom.’

‘Ħa titwarrab minnkom kull rabja u korla u twerżiq u tgħajjir.’—Efes. 4:31

12. Kif jaħsbuha ħafna nies illum, u din l-attitudni kif għandha mnejn tkun taʼ periklu għall-Kristjani?

12 B’sogħba, ħafna nies fid-dinja madwarna għandhom it-tip taʼ ħsib li Pawlu ddeskriva. Huma jaħsbu li huwa antikwat li tgħix mal-livelli u l-prinċipji u li ħadd m’għandu jobbliga lil ħadd biex jgħix skont dawn. Ħafna għalliema u ġenituri jħallu lit-tfal jagħmlu dak kollu li jridu. Huma saħansitra jgħallmuhom li kull bniedem għandu l-libertà biex jiddeċiedi għalih innifsu x’inhu  tajjeb jew ħażin. Nies bħal dawn jemmnu li tassew m’hemmx mod kif inkunu nafu t-tajjeb mill-ħażin. Anki ħafna li jgħidu li jemmnu f’Alla ma jaħsbux li għandhom jagħmlu dak li Alla jgħid li hu tajjeb. (Salm 14:1) Din l-attitudni tistaʼ tippreżenta sfida reali lill-Kristjani veri. Dawk li ma joqogħdux attenti għandhom mnejn ikollhom l-istess ħarsa għall-arranġamenti teokratiċi. Għandhom mnejn ma jkunux iridu jsegwu proċeduri tal-kongregazzjoni u forsi saħansitra jgergru dwar xi ħaġa li ma tkunx togħġobhom. Jew jistgħu ma jaqblux kompletament maʼ parir ibbażat mill-Bibbja fuq id-divertiment, l-użu tal-Internet, u l-edukazzjoni iktar għolja.

13. Għala għandna naħsbu onestament dwar dak li verament aħna minn ġewwa?

13 Bl-istess mod, sabiex aħna ma nibqgħux magħġunin, jew imsawrin, iżjed permezz tad-dinja, għandna bżonn naħsbu onestament dwar il-persuna li verament aħna. Neħtieġu neżaminaw l-attitudnijiet u s-sentimenti profondi tagħna, il-miri tagħna, u l-valuri tagħna. Affarijiet bħal dawn forsi huma moħbijin minn oħrajn. Dawn jistgħu jgħidulna li sejrin tajjeb. Madankollu, aħna biss nafu jekk ħallejniex verament dak li tgħallimna mill-Bibbja jbiddilna f’dawn l-aspetti kritiċi u biex ikompli jbiddilna.—Aqra Ġakbu 1:23-25.

KIF NISTGĦU NINBIDLU

14. X’jistaʼ jgħin biex isiru l-bidliet meħtieġa?

14 Il-bidla tinvolvi dak li aħna minn ġewwa, u għalhekk biex din issir għandna bżonn xi ħaġa li tinżel fil-fond u tilħaq lil qalbna. X’jistaʼ jgħinna nagħmlu bidliet kbar bħal dawn? Meta nistudjaw il-Bibbja, aħna nitgħallmu dwar it-tip taʼ persuna li Ġeħova jridna nkunu. Il-mod kif naġixxu għal dak li naqraw mill-Bibbja se jikxef dak li hemm f’qalbna. Dan se jgħinna nkunu nafu liema aġġustamenti jeħtieġ li nagħmlu biex naġixxu fi qbil mar-‘rieda perfetta t’Alla.’—Rum. 12:2; Ebr. 4:12.

15. Liema bidla sseħħ meta Ġeħova jsawwarna?

15 Aqra Isaija 64:8. It-tixbiha li uża l-profeta Isaija tgħallimna lezzjoni importanti. Aħna bħal tafal u Ġeħova hu bħal fuħħari. Meta jsawwarna bħalma fuħħari jsawwar it-tafal, hu ma jbiddilx id-dehra tagħna minn barra. Minflok, ibiddel it-tip taʼ persuna li aħna minn ġewwa. Meta nwieġbu għat-tiswir tiegħu, aħna nħalluh ibiddel dak li aħna minn ġewwa, jiġifieri, hu jgħinna nbiddlu l-mod kif inħossuna u naħsbu. Dan hu eżattament dak li neħtieġu biex inkunu nistgħu niħduha kontra l-influwenzi tad-dinja. Ġeħova kif isawwarna?

16, 17. (a) Iddeskrivi x’jagħmel fuħħari lit-tafal li juża biex jagħmel fuħħar taʼ kwalità tajba ħafna. (b) Il-Kelma t’Alla kif tgħinna ninbidlu f’xi ħaġa taʼ valur għal Ġeħova?

16 Biex fuħħari jagħmel oġġett fin tal-fuħħar, hu juża tafal taʼ kwalità tajba ħafna. Madankollu, hemm żewġ affarijiet li jeħtieġ jagħmel. L-ewwel, it-tafal għandu bżonn jitnaddaf. Imbagħad, irid jitħallat mal-ammont eżatt taʼ ilma u jitħaddem biex iżomm il-forma tiegħu wara li jkun issawwar.

17 Fuħħari ma jużax l-ilma biex inaddaf it-tafal biss, iżda wkoll biex ikun eħfef biex iħaddmu. Imbagħad ikun jistaʼ jagħmel kull tip taʼ reċipjent li jrid, anke wieħed delikat. Tara int li l-istess xogħol jistaʼ jsir fuqna permezz tal-Kelma t’Alla? Din tistaʼ tgħinna nieqfu naħsbu bil-mod kif konna naħsbuha qabel meta ma konniex nafu lil Alla u biex ninbidlu f’xi ħaġa taʼ valur f’għajnejh. (Efes. 5:26) Aħseb  f’kemm-il darba ġejna mħeġġin naqraw il-Bibbja kuljum u biex inkunu regulari fl-attendenza tagħna għal-laqgħat Kristjani, fejn tiġi kunsidrata l-Kelma t’Alla. Għala ġejna inkuraġġiti nagħmlu dawn l-affarijiet? Għax meta nagħmlu dan inkunu qed nissottomettu ruħna għat-tiswir taʼ Ġeħova.—Salm 1:2; Atti 17:11; Ebr. 10:24, 25.

Li tinbidel se jgħinek tittratta mal-problemi aħjar milli għamilt fil-passat (Ara paragrafu 18)

18. (a) Il-meditazzjoni għala hija essenzjali jekk irridu li l-Kelma t’Alla teffettwana u tbiddilna? (b) Liema mistoqsijiet jistgħu jkunu t’għajnuna?

18 Sabiex il-Kelma t’Alla tipproduċi fina l-bidla meħtieġa, il-qari u t-tagħlim minnha huma biss il-bidu. Ħafna nies jaqraw il-Bibbja minn żmien għall-ieħor, u b’hekk saru midħla mhux ħażin taʼ dak li tgħid. Forsi int iltqajt maʼ wħud bħal dawn fil-ministeru tal-għalqa. Ftit minnhom saħansitra huma kapaċi jgħidu siltiet bl-amment mill-Bibbja. * Iżda dan jistaʼ jkollu ftit effett fuq il-mod kif jaħsbuha u jgħixu. X’hemm nieqes? Sabiex il-Kelma t’Alla teffettwa u tbiddel lil xi ħadd, dan irid iħalliha tilħaq il-fond tal-qalb. Għalhekk, irridu nieħdu l-ħin biex naħsbu dwar dak li qed nitgħallmu. Ikun tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘Konvint jien li dan huwa iżjed minn sempliċement ftit tagħlim reliġjuż? Ma rajtx jien li din hi l-verità? Iżjed minn hekk, nara fejn nistaʼ napplika dak li qed nitgħallem f’ħajti u ma narahx biss bħala xi ħaġa li nistaʼ ngħallem lil oħrajn? Inħoss jien li Ġeħova qed ikellimni personalment?ʼ Jekk nimmeditaw fuq mistoqsijiet bħal dawn, se nersqu eqreb lejn Ġeħova. Meta dak li nitgħallmu jmissilna qalbna, se nitqanqlu biex nagħmlu bidliet f’ħajjitna li jferrħu lil Alla.—Prov. 4:23; Lq. 6:45.

19, 20. L-applikar taʼ liema parir mill-Bibbja jistaʼ jġibilna benefiċċji taʼ veru?

19 Jekk aħna naqraw il-Bibbja regolarment u nimmeditaw fuqha, din se tqanqalna biex inkomplu nagħmlu dak li x’aktarx diġà għamilna sa ċertu punt: ‘Ninżgħu l-personalità l-qadima bid-drawwiet tagħha, u nilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz taʼ l-għarfien eżatt qed tiġġedded.’ (Kol. 3:9, 10) Iva, jistaʼ jibqaʼ jkollna suċċess hekk kif nieħdu s-sens veru tal-Kelma t’Alla u nħalluha teffettwana. Il-personalità Kristjana ġdida li mbagħad ikollna se tgħinna niġu protetti kontra t-tnassis viljakk taʼ Satana.

20 L-appostlu Pietru jfakkarna: “Bħal tfal ubbidjenti, tibqgħux magħġunin skond ix-xewqat li kellkom qabel” imma “kunu intom ukoll qaddisin fil-kondotta kollha tagħkom.” (1 Pt. 1:14, 15) Meta aħna nagħmlu kulma nistgħu biex inneħħu l-ħsibijiet u l-attitudnijiet li kellna qabel u nħallu lilna nfusna niġu mibdulin, dan se jsarraf f’barkiet, bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss.

^ Par. 18 Ara l-eżempju li hemm f’It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Frar, 1994, paġna 24, paragrafu 7.