Is-sultan tas-Sirja ried isib u jaqbad lill-profeta t’Alla, Eliżew. Hu semaʼ li Eliżew kien f’Dotan, belt imdawra bis-swar fuq għolja. Matul il-lejl, is-sultan bagħat lill-armata tiegħu f’Dotan, flimkien maʼ żwiemel u karrijiet tal-gwerra. Sa ma sebaħ, kienu dawru l-belt.—2 Slat. 6:13, 14.

Meta l-qaddej t’Eliżew qam u ħareġ barra, hu ra l-armata tal-għadu u beżaʼ. Hu qal: “X’waħda din, sidi! X’se nagħmlu?” Eliżew qallu: “Tibżax, għax hemm iktar magħna milli hemm magħhom.” Imbagħad il-profeta talab: “O Ġeħova, iftaħlu għajnejh, jekk jogħġbok, ħalli jara.” Ir-rakkont ikompli jgħid: “Immedjatament, Ġeħova fetaħ għajnejn il-qaddej, u hu beda jara; u l-muntanji kienu mimlijin żwiemel u karrijiet tal-gwerra tan-nar madwar Eliżew.” (2 Slat. 6:15-17) X’nistgħu nitgħallmu minn din u ġrajjiet oħra fil-ħajja t’Eliżew?

Avolja Eliżew kien imdawwar mill-armata Sirjana, hu baqaʼ kalm. Hu fada f’Ġeħova u ra li Alla kien qed jipproteġih. Illum aħna ma nistennewx il-mirakli, imma nagħrfu li Ġeħova qed jipproteġi lill-poplu tiegħu bħala grupp. F’ċertu sens, aħna wkoll imdawrin minn żwiemel u karrijiet tan-nar. Jekk ‘narawhom’ bl-għajnejn tal-fidi tagħna u jekk dejjem nistrieħu fuq Alla, aħna se ‘ngħammru fis-sigurtà’ u se nesperjenzaw il-barka taʼ Ġeħova. (Salm 4:8) Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nibbenefikaw minn ġrajjiet oħra fil-ħajja t’Eliżew.

ELIŻEW JIBDA JAQDI LIL ELIJA

Darba minnhom, meta Eliżew kien qed jaħrat għalqa, il-profeta Elija resaq lejh u tefagħlu fuqu l-libsa tiegħu taʼ profeta. Eliżew kien jaf x’kien ifisser dan. Hu għamel festa, sellem lil missieru u lil ommu, u telaq mid-dar biex jaqdi lil Elija. (1 Slat. 19:16, 19-21) Minħabba li Eliżew kien lest li jagħmel dak kollu li Alla riedu jagħmel, Ġeħova setaʼ jużah b’ħafna modi u iktar tard ħatru bħala profeta minflok Elija.

Jistaʼ jkun li Eliżew qeda lil Elija għal xi sitt snin.  Matul dak iż-żmien, Eliżew kien dak li “kien iferraʼ l-ilma f’idejn Elija.” (2 Slat. 3:11) Dak iż-żmien kienet id-drawwa li n-nies jieklu b’idejhom. Wara xi ikla, qaddej kien iferraʼ l-ilma f’idejn sidu biex inaddafhomlu. Allura minn tal-inqas ftit mix-xogħlijiet t’Eliżew forsi dehru li kienu żgħar jew mhux importanti. Minkejja dan, hu qiesu privileġġ li jkun il-qaddej t’Elija.

Illum, ħafna Kristjani bl-istess mod huma lesti li jagħmlu xogħlijiet differenti fis-servizz full-time. Għala? Għax għandhom fidi f’Ġeħova u jridu jagħtuh l-aħjar tagħhom. Xi inkarigi jirrikjedu li jitilqu mid-dar u jagħmlu xogħol—f’Betel, fuq proġetti taʼ kostruzzjoni, eċċetra—li ħafna forsi jikkunsidrawh żgħir u mhux importanti. Imma ħadd minna m’għandu jaħseb hekk. Ġeħova jqis ix-xogħol kollu li jagħmlu l-qaddejja tiegħu bħala li hu taʼ valur kbir.—Ebr. 6:10.

ELIŻEW MA TELAQX L-INKARIGU TIEGĦU

Qabel ma Alla ‘ħa lil Elija f’riefnu lejn is-smewwiet,’ hu bagħat lill-profeta minn Gilgal għal Betel. Elija qal lil Eliżew li ma kellux għalfejn imur miegħu, imma Eliżew wieġbu: “M’iniex se nitilqek.” Matul il-vjaġġ, Elija ħeġġeġ lil Eliżew darbtejn oħra biex ma jmurx miegħu imma kien kollu għalxejn. (2 Slat. 2:1-6) Bħalma Rut kienet baqgħet imqabbda maʼ Nagħomi, hekk ukoll Eliżew baqaʼ m’Elija. (Rut 1:8, 16, 17) Għala? Milli jidher għax Eliżew apprezza l-privileġġ li kien tah Alla biex jaqdi lil Elija.

Eliżew ħalla eżempju mill-aqwa għalina. Jekk ningħataw xi privileġġ taʼ servizz fl-organizzazzjoni t’Alla, aħna se nqisuh taʼ valur kbir jekk inżommu f’moħħna li qed naqdu lil Ġeħova. M’hemmx unur akbar minn dan.—Salm 65:4; 84:10.

“ITLOBNI XI TRIDNI NAGĦMILLEK”

Hekk kif iż-żewġt irġiel kienu qed jivvjaġġaw, Elija qal lil Eliżew: “Itlobni xi tridni nagħmillek qabel nittieħed minn miegħek.” Eliżew wieġbu: “Li żewġ partijiet mill-ispirtu tiegħek jiġu fuqi, jekk jogħġbok.” Bħalma kien għamel Salamun snin qabel, Eliżew talab għal xi ħaġa li kienet se tgħinu jaqdi lil Ġeħova aħjar. (1 Slat. 3:5, 9; 2 Slat. 2:9) Eliżew għal xiex kien qed jitlob? F’Iżrael, żewġ partijiet taʼ wirt kienu jkunu għall-ewwel iben imwieled taʼ raġel, il-werriet ewlieni tiegħu. (Dt. 21:15-17) Allura Eliżew kien qed jitlob biex ikun il-werriet t’Elija, jew biex ikun profeta minfloku. Ukoll, talab biex ikollu l-ispirtu, jew l-attitudni, t’Elija għax ried ikollu l-istess kuraġġ u żelu għall-qima vera li kellu Elija.—1 Slat. 19:13, 14.

Elija kif wieġeb għat-talba tal-qaddej tiegħu? “Tlabt ħaġa diffiċli,” qal il-profeta. “Jekk tarani meta nittieħed minn miegħek, ikunlek hekk; imma jekk le, ma jkunx hekk.” (2 Slat. 2:10) It-tweġiba t’Elija kienet tfisser żewġ affarijiet. L-ewwel, Alla biss setaʼ jiddetermina jekk Eliżew kienx se jingħata dak li talab għalih. It-tieni, biex Eliżew jingħata dak li ried, hu kellu jibqaʼ determinat li ma jitlaqx lil Elija, akkost taʼ kollox.

DAK LI RA ELIŻEW

Alla ta lil Eliżew dak li kien talab għalih? Ir-rakkont jgħid: “Ġara li waqt li kienu mexjin, jitkellmu huma u mexjin, deher karru tal-gwerra tan-nar u żwiemel tan-nar, u firduhom minn xulxin; u Elija telaʼ fir-riefnu lejn is-smewwiet. Sadanittant, Eliżew kien qed jara kollox.” * Din kienet it-tweġiba taʼ Ġeħova għat-talba t’Eliżew. Eliżew ra lil Elija jittieħed minn miegħu, ingħata żewġ porzjonijiet tal-ispirtu t’Elija, u sar il-profeta t’Alla minfloku.—2 Slat. 2:11-14.

Eliżew refaʼ l-libsa taʼ profeta li kienet waqgħet minn fuq Elija u libisha. Din il-libsa issa identifikat lil Eliżew bħala profeta t’Alla. Iktar tard, hu wera wkoll li kien profeta t’Alla billi feraq l-ilmijiet tax-Xmara Ġordan.

Dak li Eliżew ra meta Elija telaʼ fir-riefnu bla dubju ħalla impressjoni kbira ferm fuqu. Wara kollox, mhijiex xi ħaġa normali li bniedem jara karru tal-gwerra tan-nar u żwiemel tan-nar! Dawn l-affarijiet taw prova lil Eliżew li Ġeħova kien tah dak li kien talab għalih. Meta Alla jwieġeb it-talb tagħna, aħna ma narawx viżjoni taʼ karru tal-gwerra tan-nar u żwiemel tan-nar. Imma nistgħu nagħrfu  li Alla juża qawwa kbira biex jaċċertana li r-rieda tiegħu sseħħ. U meta nosservaw li Ġeħova qed ibierek il-parti tal-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art, aħna bħallikieku nkunu qed ‘naraw’ il-karru ċelestjali tiegħu miexi ’l quddiem.—Eżek. 10:9-13.

Eliżew kellu bosta esperjenzi li kkonvinċewh mill-qawwa tremenda taʼ Ġeħova. Infatti, l-ispirtu qaddis t’Alla għen lill-profeta jwettaq 16-il miraklu—id-doppju taʼ kemm wettaq Elija. * It-tieni darba li Eliżew ra żwiemel u karrijiet tal-gwerra tan-nar kienet waqt il-kriżi f’Dotan deskritta fl-introduzzjoni taʼ dan l-artiklu.

ELIŻEW FADA F’ĠEĦOVA

Għalkemm imdawwar mill-għedewwa f’Dotan, Eliżew baqaʼ kalm. Għala? Għax kien żviluppa fidi soda f’Ġeħova. Aħna wkoll neħtieġu fidi bħal din. Għalhekk, ejja nitolbu għall-ispirtu qaddis t’Alla ħalli nkunu nistgħu nuru l-fidi u aspetti oħra tal-frott tal-ispirtu.—Lq. 11:13; Gal. 5:22, 23.

Dak li ġara f’Dotan ukoll ta lil Eliżew raġuni soda biex jafda f’Ġeħova u fl-armati inviżibbli protettivi tiegħu. Alla bagħat lill-anġli tiegħu biex idawru l-belt u biex jipproteġu lil Eliżew mill-għadu. Imbagħad Alla salva lil Eliżew u lill-qaddej tiegħu billi għema lill-għadu. (2 Slat. 6:17-23) F’dak iż-żmien kritiku, bħal f’sitwazzjonijiet oħra, Eliżew wera l-fidi u fada għalkollox f’Ġeħova.

Bħal Eliżew, ejja nafdaw f’Alla Ġeħova. (Prov. 3:5, 6) Jekk nagħmlu hekk, “Alla se jħenn għalina u jberikna.” (Salm 67:1) Veru, m’aħniex letteralment imdawrin minn karrijiet u żwiemel tan-nar. Madankollu, matul it-“tribulazzjoni kbira” li riesqa Ġeħova se jipproteġina bħala fratellanza globali. (Mt. 24:21; Riv. 7:9, 14) Sadanittant, ejja dejjem inżommu f’moħħna li “Alla hu kenn għalina.”—Salm 62:8.

^ Par. 16 Elija ma ttiħidx fis-smewwiet fejn jgħix Ġeħova u l-anġli. Ara t-Torri tal-Għassa tal-1 t’Ottubru, 1997, paġna 15.

^ Par. 19 Ara t-Torri tal-Għassa tal-1 t’Awwissu, 2005, paġna 10.