Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Agħtu Kas u Inkuraġġixxu lil Xulxin

Agħtu Kas u Inkuraġġixxu lil Xulxin

“Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.”—EBR. 10:24.

1, 2. X’għen lil 230 Xhud taʼ Ġeħova jsalvaw minn mixja lejn il-mewt fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija?

IT-TIENI GWERRA DINJIJA kienet waslet fi tmiemha u l-armata taʼ Hitler kienet qed titlef il-gwerra. Il-gvern Nazista ordna li jinqatlu l-eluf taʼ ħabsin li kienu għadhom fil-kampijiet tal-konċentrament. Il-ħabsin tal-kamp taʼ Sachsenhausen kellhom jiġu evakwati lejn xi portijiet fejn kienu se jitgħabbew fuq vapuri u jiġu mgħarrqin fil-baħar. Dan kien parti minn pjan li iktar tard sar magħruf bħala l-mixjiet lejn il-mewt.

2 Tlieta u tletin elf ħabsi mill-kamp tal-konċentrament taʼ Sachsenhausen kellhom jimmarċjaw 250 kilometru lejn Lübeck, belt fil-Ġermanja li għandha port. Fosthom kien hemm 230 Xhud taʼ Ġeħova minn sitt pajjiżi, li ġew ordnati jimmarċjaw flimkien. Ilkoll kienu ddgħajfu minħabba l-ġuħ u l-mard. Ħutna kif irnexxielhom isalvaw minn din il-mixja? “Konna kontinwament ninkuraġġixxu lil xulxin biex nibqgħu sejrin,” qal wieħed minnhom. Flimkien mal-“qawwa iktar min-normal” li tahom Alla, imħabbithom għal xulxin għenithom isalvaw mill-prova.—2 Kor. 4:7.

3. Għala għandna bżonn ninkuraġġixxu lil xulxin?

3 Illum, m’aħniex f’xi mixja lejn il-mewt bħal din, imma xorta waħda niffaċċjaw bosta sfidi. Wara li s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fl-1914, Satana tkeċċa mis-sema u twaddab ’l isfel lejn l-art. Hu rrabjat ferm għax jaf li “żmien qasir baqagħlu.” (Riv. 12:7-9, 12) Hekk kif Armageddon qed toqrob, Satana qed juża provi u pressjonijiet biex jipprova jdgħajjifna spiritwalment. Barra minn dan hemm l-istress li ġġib magħha l-ħajja taʼ kuljum. (Ġob 14:1; Ekk. 2:23) Kultant dawn id-diffikultajiet kollha jistgħu jġegħluna nħossuna tant dgħajfin li nagħmlu x’nagħmlu xorta nħossuna skuraġġiti. Ikkunsidra l-każ taʼ ħu li tul is-snin kien għen lil għadd kbir taʼ nies spiritwalment. Imma meta kiber fl-età, hu u martu mardu,  u beda jħossu skuraġġit ħafna. Bħal dan il-ħu, ilkoll kemm aħna neħtieġu “qawwa iktar min-normal” mingħand Ġeħova kif ukoll inkuraġġiment minn xulxin.

4. Biex inkunu taʼ inkuraġġiment għal oħrajn, liema parir tal-appostlu Pawlu għandna nsegwu?

4 Biex inkunu taʼ inkuraġġiment għal oħrajn għandna nsegwu l-parir li l-appostlu Pawlu ta lill-Kristjani Ebrej. Hu qal: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.” (Ebr. 10:24, 25) Kif nistgħu nsegwu dan il-parir importanti?

“AGĦTU KAS XULXIN”

5. Xi jfisser li “nagħtu kas xulxin,” u dan kif nistgħu nagħmluh?

5 Li “nagħtu kas xulxin” ifisser li naħsbu fil-bżonnijiet t’oħrajn. Ma nistgħux inkunu nafu x’inhuma l-bżonnijiet taʼ ħutna jekk sempliċement insellmulhom taʼ malajr fis-Sala tas-Saltna jew jekk inkellmuhom biss dwar affarijiet mhux importanti. M’għandniex xi ngħidu, irridu noqogħdu attenti li ‘ma nindaħlux fl-affarijiet taʼ ħaddieħor.’ (1 Tess. 4:11; 1 Tim. 5:13) Minkejja dan, jekk irridu ninkuraġġixxu lil ħutna, irridu verament insiru nafuhom—is-sitwazzjoni tagħhom fil-ħajja, il-kwalitajiet, l-ispiritwalità, l-abbiltajiet, u d-dgħufijiet tagħhom. Huma jridu jqisuna bħala ħbieb tagħhom u jkunu żguri mill-imħabba tagħna għalihom. Dan jirrikjedi li nqattgħu l-ħin magħhom—mhux biss meta jħabbtu wiċċhom mal-problemi u jħossuhom skuraġġiti imma f’ħinijiet oħrajn ukoll.—Rum. 12:13.

6. X’se jgħin lil anzjan ‘jagħti kas’ dawk fil-kongregazzjoni?

6 Il-Bibbja tgħid li l-anzjani jridu jkunu lesti u ħerqanin li jagħmlu x-xogħol taʼ li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ dawk fil-kongregazzjoni. (1 Pt. 5:1-3) Biex jagħmlu dan ix-xogħol sew, l-anzjani jridu jkunu jafu lil ħuthom. (Aqra Proverbji 27:23.) Jekk l-anzjani juru li huma lesti li jgħinu u li jieħdu pjaċir iqattgħu l-ħin maʼ ħuthom, dawk fil-kongregazzjoni se jħossuhom iktar komdi biex jitolbu l-għajnuna meta jkollhom bżonnha. Ukoll, se jkun iktar faċli għalihom li jkellmu lill-anzjani dwar kif iħossuhom u dwar x’jinkwetahom. Minħabba f’hekk, l-anzjani se jkunu jistgħu jagħtu lil kull wieħed l-għajnuna li jeħtieġ.

7. Kif għandna nqisu d-“diskors bla ħsieb” taʼ dawk li huma skuraġġiti?

7 Pawlu qal lill-kongregazzjoni f’Tessalonika: “Wieżnu lid-dgħajfin.” (Aqra l-1 Tessalonikin 5:14.) “Id-dgħajfin” jinkludu lil dawk li huma dipressi u dawk li huma skuraġġiti. Proverbji 24:10 jgħid: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” Il-kliem taʼ dawk skuraġġiti għall-aħħar jistaʼ jsir “diskors bla ħsieb.” (Ġob 6:2, 3) Dawn forsi jgħidu affarijiet li ma jkunux verament iridu jgħiduhom. Rachelle, li ommha saret dipressa ħafna, tgħallmet dan mill-esperjenza persunali. Rachelle tgħid: “Ħafna drabi ommi kienet tgħid xi ħaġa bi ħdura. Fil-biċċa l-kbira minn dawn id-drabi kont nipprova nfakkar lili nnifsi dwar x’tip taʼ persuna hi verament ommi—waħda li tħobb, qalbha tajba, u ġeneruża. Sirt naf li nies dipressi jgħidu ħafna affarijiet li ma jkunux iridu jgħiduhom. L-agħar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li tpatti bi kliem jew għemil ħażin.” Proverbji 19:11 jgħid: “Id-dehen taʼ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.”

8. Lejn min b’mod speċjali rridu ‘nerġgħu nuru’ mħabbitna, u għala?

8 Kif nistgħu “nagħtu kas” xi ħadd li  jħossu qalbu sewda minħabba l-mistħija u d-disprament li għadu jħoss għal xi dnub tal-passat, avolja jkun ħa passi biex jirranġa l-affarijiet? Rigward midneb f’Korintu li kien nidem, Pawlu kiteb: “Għandkom taħfrulu b’qalb tajba u tfarrġuh, li ma jmurx dan jinbelaʼ għax ikun sewwed qalbu żżejjed. Għaldaqstant inħeġġiġkom biex terġgħu turuh imħabbitkom.” (2 Kor. 2:7, 8) Ħu jkun jaf li nħobbuh u li jinteressana minnu meta nuruh bil-kliem u l-azzjonijiet tagħna.

“QANQLU GĦALL-IMĦABBA U L-GĦEMEJJEL TAJBIN”

9. Xi jfisser li ‘nqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin’?

9 “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin,” kiteb Pawlu. Irridu nimmotivaw lil sħabna fit-twemmin biex juru mħabba u jieħdu sehem f’għemejjel tajbin. Meta xi nar ikun se jintefa, forsi jkollna bżonn inċaqalqu l-faħam u nrewħu l-fjammi. (2 Tim. 1:6) Bl-istess mod, aħna nistgħu bi mħabba nqanqlu lil ħutna biex juru mħabbithom għal Alla u għal ġarhom. Wieħed mill-aqwa mod kif nagħmlu dan hu billi nfaħħru lil ħutna għall-affarijiet tajbin li jagħmlu.

Inkuraġġixxi lil oħrajn billi taħdem magħhom fil-ministeru

10, 11. (a) Min fostna jeħtieġ it-tifħir? (b) Agħti eżempju taʼ kif it-tifħir jistaʼ jgħin lil dak li jkun biex jagħmel is-sewwa.’

10 Ilkoll kemm aħna neħtieġu t-tifħir, kemm jekk aħna skuraġġiti u kemm jekk le. “Missieri lanqas qatt ma qalli li kont għamilt xi ħaġa sew,” kiteb wieħed anzjan. “Allura kbirt b’nuqqas taʼ stima lejja nnifsi. . . . Għalkemm issa għandi 50 sena, xorta għadni napprezza meta ħbiebi jaċċertawni li qed nagħmel xogħli sew bħala anzjan. . . . L-esperjenza tiegħi stess għallmitni kemm hu importanti li ninkuraġġixxi lil oħrajn, u noħroġ barra minn triqti biex nagħmel dan.” Aħna nħossuna inkuraġġiti meta xi ħadd jgħidilna li qed nagħmlu xi ħaġa sew. Dan jinkludi pijunieri, uħud imdaħħlin fiż-żmien, u dawk li forsi huma skuraġġiti.—Rum. 12:10.

11 Meta l-anzjani jipprovaw jgħinu lil xi ħadd li jkun għamel xi ħaġa ħażina,  huma jistgħu jgħinuh ibiddel il-mod taʼ ħsib tiegħu u jagħmel is-sewwa jekk ifaħħruh għall-affarijiet tajbin li jkun għamel fil-passat. (Gal. 6:1) Dan għen lil waħda oħt jisimha Miriam. Hi kitbet: “Għaddejt minn żmien trawmatiku f’ħajti meta xi ħbieb tal-qalb telqu mill-kongregazzjoni u, fl-istess żmien, missieri kellu emorraġija f’moħħu. Waqajt f’dipressjoni kbira. Biex nipprova negħleb id-dipressjoni li kelli, bdejt noħroġ maʼ ġuvni tad-dinja.” Minħabba f’hekk ħassitha li ma kienx jistħoqqilha l-imħabba taʼ Ġeħova, u bdiet taħseb biex titlaq mill-verità. Meta anzjan fakkarha fis-servizz tagħha tal-passat, l-emozzjonijiet tagħha tqanqlu. Hi ħalliet lill-anzjani jaċċertawha mill-imħabba taʼ Ġeħova. Mill-banda l-oħra, imħabbitha reġgħet tkebbset. Hi temmet ir-relazzjoni romantika li kellha u kompliet taqdi lil Ġeħova.

Qanqal għall-imħabba u l-għemejjel tajbin

12. X’jistaʼ jiġri jekk inqabblu lil ħutna m’oħrajn, nikkritikawhom, jew inġegħluhom iħossuhom ħatjin?

12 Irridu noqogħdu attenti kif nipprovaw ‘inqanqlu’ lil ħutna biex ikomplu jaqdu lil Alla b’mod żeluż. M’għandniex inqabbluhom m’oħrajn, nikkritikawhom għax ma jkunux segwew xi regoli li nkunu għamilna, jew inġegħluhom iħossuhom ħatjin għax ma jkunux għamlu iktar. Dawn l-affarijiet forsi jqanqluhom jimxu aħjar għal xi żmien, imma dan se jkun biss temporanju. L-aqwa mod kif ‘inqanqlu’ lil ħutna hu billi nfaħħruhom u ngħinuhom jirrealizzaw li l-imħabba għal Alla hi r-raġuni għala rridu nagħmlu l-almu tagħna fis-servizz tiegħu.Aqra Filippin 2:1-4.

‘INKURAĠĠIXXU LIL XULXIN’

13. X’jinvolvi li ninkuraġġixxu lil oħrajn? (Ara l-istampa tal-bidu.)

13 Għandna bżonn ‘ninkuraġġixxu lil xulxin iktar u iktar hekk kif naraw il-jum joqrob.’ Li ninkuraġġixxu lil oħrajn jinvolvi li nimmotivawhom biex jibqgħu mexjin ’il quddiem fis-servizz tagħhom lil Alla. Bħalma li nqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin jistaʼ jitqabbel maʼ li nkebbsu xi nar li jkun se jintefa, li ninkuraġġixxu lil oħrajn jistaʼ jitqabbel maʼ li nitfgħu l-fjuwil fuq in-nar biex jibqaʼ jaqbad jew biex iħeġġeġ iktar. Li ninkuraġġixxu lil ħutna jfisser li nsaħħuhom u nfarrġuhom biex ikunu jistgħu jibqgħu jaqdu lil Alla. Meta nipprovaw ngħinu lil dawk li huma skuraġġiti rridu nkellmuhom bl-imħabba u bil-ħlewwa. (Prov. 12:18) Iktar minn hekk, ejja nkunu ‘ħfief biex nisimgħu’ u ‘tqal biex nitkellmu.’ (Ġak. 1:19) Jekk nagħtu widen lil ħuna u nipprovaw nifhmu kif iħossu, forsi nkunu nistgħu nsiru nafu għala qed iħossu skuraġġit u ngħidulu xi ħaġa li se tkun t’għajnuna.

Ħu l-ħin biex issir taf lil ħutek

14. Ħu skuraġġit kif ġie megħjun?

14 Ikkunsidra kif anzjan li juri mogħdrija rnexxielu jgħin lil wieħed ħu li kien ilu inattiv għal diversi snin. Hekk kif  l-anzjan tah widen, deher ċar li l-ħu kien għad għandu mħabba kbira għal Ġeħova. Hu kien jistudja bir-reqqa kull ħarġa tat-Torri tal-Għassa u kien qed jagħmel sforz biex jattendi l-laqgħat regolarment. Madankollu, l-azzjonijiet taʼ xi wħud fil-kongregazzjoni kienu ġegħluh iħossu diżappuntat u xi ftit imweġġaʼ. L-anzjan semaʼ b’attenzjoni u pprova jifhem kif kien qed iħossu l-ħu mingħajr ma jiġġudikah u aċċertah li kien maħbub. Maż-żmien, il-ħu induna li kien qed iħalli esperjenzi ħżiena tal-passat iwaqqfuh milli jaqdi lill-Alla li kien iħobb. L-anzjan stieden lill-ħu biex jaħdem miegħu fix-xogħol tal-ippritkar. Bl-għajnuna tal-anzjan, il-ħu reġaʼ sar attiv fil-ministeru u eventwalment reġaʼ kkwalifika biex jaqdi bħala anzjan.

Ismaʼ bil-paċenzja lil xi ħadd li jeħtieġ l-inkuraġġiment (Ara paragrafi 14, 15)

15. X’nistgħu nitgħallmu minn Ġeħova dwar li ninkuraġġixxu lil dawk taʼ qalbhom sewda?

15 Bniedem skuraġġit forsi ma jħossux aħjar mill-ewwel jew forsi ma jwiġibx malajr għall-għajnuna li nagħtuh. Għandna mnejn ikollna nibqgħu nappoġġawh. Pawlu qal: “Wieżnu lid-dgħajfin, uru sabar fit-tul lejn kulħadd.” (1 Tess. 5:14) Minflok ma naqtgħu qalbna malajr mid-dgħajfin, ejja ‘nwiżnuhom,’ biex ngħidu hekk, u nkomplu nappoġġawhom. Fil-passat, Ġeħova ttrattahom bil-paċenzja lil dawk fost il-qaddejja tiegħu li kultant ħassewhom skuraġġiti. Pereżempju, Alla kien paċenzjuż ħafna m’Elija u rrispetta s-sentimenti tiegħu. Ġeħova ta lill-profeta dak li kellu bżonn biex ikompli fis-servizz tiegħu. (1 Slat. 19:1-18) Minħabba li David nidem ġenwinament, Ġeħova b’qalb tajba ħafirlu. (Salm 51:7, 17) Alla għen ukoll lill-kittieb taʼ Salm 73, li kważi waqaf jaqdih. (Salm 73:13, 16, 17) Ġeħova jittrattana b’qalb tajba u paċenzja speċjalment meta jkollna qalbna sewda u nħossuna skuraġġiti. (Eżo. 34:6) Il-Bibbja tgħid li l-ħniniet taʼ Ġeħova “jiġġeddu kull fil-għodu” u “ma jispiċċawx.” (Lam. 3:22, 23) Ġeħova jistenna li nsegwu l-eżempju tiegħu u nittrattaw lill-uħud dipressi bit-tenerezza.

INKURAĠĠIXXU LIL XULXIN BIEX TIBQGĦU FIT-TRIQ LI TWASSAL GĦALL-ĦAJJA

16, 17. Hekk kif joqrob it-tmiem taʼ din is-sistema, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu, u għala?

16 Mit-33,000 ħabsi li telqu mill-kamp tal-konċentrament taʼ Sachsenhausen, mietu eluf. Però, kull wieħed mill-230 Xhud taʼ Ġeħova li kienu telqu mill-kamp salva. Żgur li ma kinux isalvaw mingħajr l-inkuraġġiment u l-appoġġ li taw lil xulxin.

17 Illum, aħna ninsabu fit-“triq li tieħu għall-ħajja.” (Mt. 7:14) Dalwaqt, il-qaddejja kollha taʼ Ġeħova magħqudin flimkien se jidħlu fid-dinja l-ġdida taʼ ġustizzja. (2 Pt. 3:13) Jalla nkunu determinati li ngħinu lil xulxin tul it-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem.