“ARA! Iben hu wirt mingħand Ġeħova; frott il-ġuf hu premju,” tgħid il-Bibbja. (Salm 127:3) Huwa żmien taʼ ferħ għall-ġenituri meta titwieled tarbija.

Flimkien mal-ferħ, it-twelid taʼ tarbija jġib miegħu responsabbiltajiet importanti. Sabiex tarbija tikber u ssir adulta f’saħħitha, għandha bżonn ikel bnin fuq bażi regulari. Imma biex ikollha relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova, hi jkollha bżonn ukoll taħriġ u gwida mill-ġenituri tagħha. Huma għandhom jgħallmuha prinċipji mill-Kelma t’Alla. (Prov. 1:8) Meta għandu jibda taħriġ bħal dan, u fiex għandu jikkonsisti?

 IL-ĠENITURI JEĦTIEĠU JIĠU ISTRUWITI

Ikkunsidra l-każ taʼ raġel jismu Manogħa li għex fil-belt taʼ Sorgħa f’Iżrael tal-qedem. L-anġlu taʼ Ġeħova informa lill-mara ħawlija taʼ Manogħa li kienet se tiled iben. (Mħ. 13:2, 3) Ir-raġel leali Manogħa u martu kienu kuntenti ferm bl-aħbar, iżda wkoll tħassbu dwar kif setgħu jagħmlu mill-aħjar tagħhom biex irabbu lil binhom. Allura Manogħa talab: “Skużani, Ġeħova. Jekk jogħġbok, ħalli lir-raġel taʼ l-Alla l-veru li għadek kif bgħatt jerġaʼ jiġi għandna u jagħtina istruzzjonijiet dwar x’għandna nagħmlu bit-tifel li se jitwieled.” (Mħ. 13:8) Bla dubju, huma għallmu l-Liġi t’Alla lil binhom Sansun u l-isforzi tagħhom ħallew il-frott. Il-Bibbja tgħidilna li l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova għen lil Sansun jagħmel affarijiet kbar bħala wieħed mill-imħallfin taʼ Iżrael.—Mħ. 13:25; 14:5, 6; 15:14, 15.

Manogħa talab għal istruzzjonijiet dwar kif għandu jrabbi l-iben li kien se jitwieled

Il-ġenituri meta għandhom jibdew iħarrġu lil uliedhom? ‘Minn mindu kien tarbija,’ Timotju kien imħarreġ fil-“kitba qaddisa” minn ommu Ewniċe u nanntu Lojs. (2 Tim. 1:5; 3:15) Iva, it-taħriġ li ħa Timotju mill-Iskrittura beda minn età żgħira ħafna.

Ikun għaqli li ġenituri Kristjani jitolbu għal direzzjoni u jippjanaw bil-quddiem ħalli jkunu jistgħu jibdew iħarrġu lil uliedhom ‘minn mindu jkunu trabi.’ “Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih,” jgħid Proverbji 21:5. Qabel ma titwieled it-tarbija tagħhom, bla dubju l-ġenituri se jippreparaw b’attenzjoni. Saħansitra għandhom mnejn jagħmlu lista tal-affarijiet kollha li se jkollhom bżonn għat-tarbija. Ukoll, huwa importanti li jippjanaw għal attivitajiet spiritwali. Il-mira tagħhom għandha tkun li jibdew dan it-taħriġ hekk kif titwieled it-tarbija.

Ktieb li jispjega kif it-tfal jikbru u jsiru adulti jgħid li x-xhur taʼ wara li titwieled tarbija huwa żmien li fih il-moħħ jagħmel konnessjonijiet ġodda b’rata mgħaġġla. Allura huwa importanti ħafna li l-ġenituri jużaw dan iż-żmien biex jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova u l-prinċipji tiegħu!

Rigward bintha li għadha żgħira, omm u pijuniera regulari qalet: “Ilni niħodha miegħi fil-ministeru mindu kellha xahar biss. Għalkemm ma setgħetx tifhem x’kien qed jiġri, nemmen li l-fatt li kont noħroġha miegħi t’età żgħira swielha taʼ ġid. Sa meta kellha sentejn, mingħajr mistħija kienet toffri fuljetti lil dawk li niltaqgħu magħhom fis-servizz tal-għalqa.”

Il-ġenituri jistaʼ jkollhom riżultati tajbin ħafna meta jħarrġu lil uliedhom minn meta jkunu trabi. Imma l-ġenituri jafu wkoll li mhuwiex dejjem faċli li jagħmlu dan.

‘UŻAW IL-ĦIN BL-AĦJAR MOD’

Tistaʼ tkun sfida kbira għall-ġenituri meta jkollhom tfal li m’għandhomx kwiet f’ġisimhom jew li ma jdumux jikkonċentraw. L-attenzjoni taʼ tfal żgħar għandha mnejn iddur malajr minn fuq ħaġa għall-oħra. Wara kollox, huma kurjużi u qed jipprovaw jiskopru d-dinja taʼ madwarhom. X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri biex jgħinu lit-tfal tagħhom jikkonċentraw fuq dak li qed jipprovaw jgħallmuhom?

Ikkunsidra x’qal Mosè. Dewteronomju 6:6, 7 jgħid: “Dan il-kliem li qed nikkmandak illum irid ikun f’qalbek; u daħħlu sew f’qalb ibnek u tkellem dwaru meta toqgħod bil-qiegħda f’darek u meta timxi fit-triq u meta timtedd u meta tqum.” Il-frażi “daħħlu sew f’qalb ibnek” tfisser li l-ġenituri għandhom jirripetu frekwentement dak li jgħallmuh. Tifel żgħir hu bħal siġra żgħira li għandha bżonn ftit ilma frekwentement. Ladarba r-ripetizzjoni tgħin lill-adulti jiftakru affarijiet importanti, mela kemm iktar se tgħin lit-tfal żgħar!

Sabiex it-tfal jitgħallmu l-verità t’Alla jirrikjedi li l-ġenituri jqattgħu l-ħin magħhom. Imma dan jistaʼ jkun diffiċli minħabba li l-ġenituri spiss ikollhom ħafna x’jagħmlu. L-appostlu Pawlu ssuġġerixxa lill-Kristjani biex ‘jużaw il-ħin bl-aħjar mod’ għal attivitajiet essenzjali. (Efes. 5:15, 16) Dan kif jistaʼ jsir? Ħu li hu anzjan u li martu għandha ħafna x’tagħmel bħala pijuniera regulari għandu jippjana tajjeb ħalli jqattaʼ ħin biżżejjed biex iħarreġ lil binthom u ħin biżżejjed biex jappoġġa lill-kongregazzjoni u jaħdem sekularment. Kif iwarrbu l-ħin biex iħarrġu lil binthom? Il-missier jgħid:  “Kull filgħodu qabel ma mmur ix-xogħol, jien u marti naqrawlha mill-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja jew mill-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum. Filgħaxija nagħmlu ċert li naqrawlha qabel ma tmur torqod, u meta noħorġu fil-ministeru niħduha magħna. Ma rridux nitilfu l-opportunità biex inħarrġuha minn età żgħira.”

‘L-ULIED HUMA BĦAL VLEĠEĠ’

Bla dubju rridu li t-tfal tagħna jikbru f’adulti responsabbli. Però, ir-raġuni primarja għala nħarrġuhom hi biex f’qalbhom isiru jħobbu lil Alla.—Mk. 12:28-30.

Salm 127:4 jgħid: “Bħal vleġeġ f’id raġel setgħan, hekk huma wlied iż-żgħożija.” Għaldaqstant, it-tfal jitqabblu maʼ vleġeġ li għandhom jiġu mmirati bi preċiżjoni lejn il-mira. Arċier ikollu l-vleġġa għal ħin qasir biss u ma jkunx jistaʼ jiħodha lura ladarba tkun telqet il-qaws tiegħu. B’mod simili, il-ġenituri għandhom it-tfal magħhom għal żmien qasir biss qabel ma jsiru adulti. Għalhekk, huwa importanti li jużaw dan iż-żmien biex jgħallmu lil uliedhom isegwu u jħobbu l-liġijiet t’Alla.

Rigward it-tfal spiritwali tiegħu, l-appostlu Ġwanni kiteb: “M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-verità.” (3 Ġw. 4) Ġenituri Kristjani jistgħu jesprimu gratitudni simili meta jaraw lil uliedhom “ikomplu mexjin fil-verità.”