Qatt ma kont ippritkajt waħdi. Tant kont eċċitat li saqajja kienu jirtogħdu kull darba li kont noħroġ. Biex tgħaxxaq, in-nies fit-territorju xejn ma kienu juru interess. Xi wħud kienu aggressivi ħafna u heddew li jsawtuni. Matul l-ewwel xahar li qdejt bħala pijunier, qassamt ktejjeb wieħed biss! —Markus.

DAN kien fl-1949, iktar minn 60 sena ilu, imma l-istorja tiegħi tibda ħafna snin qabel. Missieri, Hendrik, kien skarpan u ġardinar f’Donderen, raħal żgħir fit-Tramuntana taʼ Drenthe, l-Olanda. Jien twilidt hemmhekk fl-1927, ir-rabaʼ wieħed minn sebat itfal. Id-dar tagħna kienet fi trejqa mħarbta f’post rurali. Il-biċċa l-kbira mill-ġirien tagħna kienu bdiewa, u kienet togħġobni l-ħajja tal-biedja. Fl-1947, meta kelli 19-il sena, sirt naf bil-verità mingħand wieħed mill-ġirien tagħna, Theunis Been. Niftakar li meta l-ewwel iltqajt maʼ Theunis ma tantx kelli grazzja miegħu. Imma wara li sar wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, jien innotajt li sar ħafna iktar dħuli milli kien qabel. Din il-bidla fil-personalità qanqlitli l-kurżità, allura qgħadt nisimgħu meta kellimni dwar il-wegħda t’Alla t’art magħmula ġenna. Ma domtx m’aċċettajt il-verità, u sirna ħbieb għal għomorna. *

Bdejt nipprietka f’Mejju tal-1948, u x-xahar taʼ wara, fl-20 taʼ Ġunju, tgħammidt f’konvenzjoni f’Utrecht. Fl-1 taʼ Jannar, 1949, bdejt naqdi bħala pijunier u ġejt inkarigat Borculo, fil-Lvant tal-Olanda, fejn kien hemm kongregazzjoni żgħira. Kelli nivvjaġġa xi 130 kilometru biex nasal hemm, allura ddeċidejt li mmur bir-rota. Ħsibt li kien se jiħodli xi 6 sigħat, imma minħabba x-xita qalila u r-riħ qawwi minn faċċata, ħadli 12-il  siegħa, avolja l-aħħar 90 kilometru għamilthom bil-ferrovija! Wasalt tard filgħaxija fid-dar taʼ familja li kienu Xhieda. Dan hu fejn għext waqt li qdejt bħala pijunier f’dan il-post.

Fis-snin taʼ wara l-gwerra, in-nies ftit kellhom affarijiet. Jien kelli biss libsa waħda u qalziet wieħed—il-libsa kienet kbira wisq, u l-qalziet kien qasir wisq! Kif semmejt fil-bidu, l-ewwel xahar f’Borculo kien diffiċli, imma Ġeħova berikni b’diversi studji tal-Bibbja. Wara disaʼ xhur, ġejt inkarigat naqdi f’Amsterdam.

MILL-KAMPANJA GĦALL-BELT

Wara li trabbejt fil-kampanja, issa sibt ruħi f’Amsterdam, l-akbar belt fl-Olanda. In-nies urew interess kbir fl-aħbar tajba. Fl-ewwel xahar, qassamt iktar letteratura milli kont qassamt fid-disaʼ xhur taʼ qabel. Ma domtx ma kont qed nikkonduċi xejn inqas minn tmien studji tal-Bibbja. Wara li nħtart bħala l-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani, irċivejt inkarigu biex nagħti l-ewwel taħdita pubblika tiegħi. Għalija din kienet xi ħaġa tal-biżaʼ, allura ħadt ir-ruħ meta ntbgħatt f’kongregazzjoni oħra eżatt qabel ma kien imissni nagħti t-taħdita. Mur għidli dak iż-żmien li matul is-snin kont se nagħti iktar minn 5,000 taħdita!

Markus (l-ewwel wieħed mil-lemin) qed jagħti xhieda fit-toroq ħdejn Amsterdam fl-1950

F’Mejju tal-1950, ġejt inkarigat naqdi f’Haarlem. Imbagħad irċivejt stedina biex nibda fix-xogħol tas-circuit. Għamilt tlett ijiem bilkemm stajt norqod. Għedt lil Robert Winkler, wieħed mill-aħwa li kien qed jaqdi fl-uffiċċju tal-fergħa, li ma ħassejtnix kwalifikat, imma hu qalli: “Imla l-formola. Issa titgħallem.” Allura wara xahar taħriġ, bdejt naqdi fix-xogħol tas-circuit. Waqt żjara f’waħda mill-kongregazzjonijiet, iltqajt maʼ Janny Taatgen, pijuniera żagħżugħa ferriħija li kellha mħabba kbira għal Ġeħova u kienet tistinka ħafna fil-ministeru. Iżżewwiġna fl-1955. Imma qabel ma nkompli bl-istorja tiegħi, Janny se tispjega kif saret pijuniera u kif qdejna flimkien wara li żżewwiġna.

NAQDU FLIMKIEN BĦALA KOPPJA MIŻŻEWĠA

Janny: Ommi saret Xhud fl-1945 meta kelli 11-il sena. Hi mill-ewwel fehmet kemm kien importanti li tistudja l-Bibbja mat-tlett itfal tagħha, imma missieri kien jopponi l-verità, allura kienet tgħallimna meta ma kienx ikun id-dar.

L-ewwel laqgħa li attendejt kienet konvenzjoni f’The Hague fl-1950. Ġimgħa wara, attendejt l-ewwel laqgħa tiegħi fis-Sala tas-Saltna lokali f’Assen (Drenthe). Missieri tant irrabja li keċċieni mid-dar. Imma qabel ma tlaqt, ommi qaltli, “Taf fejn tistaʼ tmur tgħix.” Kont naf li kienet qed tirreferi għall-aħwa tal-kongregazzjoni. L-ewwel mort ngħix maʼ familja taʼ Xhieda li kienu jgħixu viċin, imma missieri xorta kien qed jagħmilhieli diffiċli, allura mort fil-kongregazzjoni taʼ Deventer (Overijssel), li kienet xi 95 kilometru  ’l bogħod. Però, kont għadni taħt l-età, allura missieri ġie fl-inkwiet mal-awtoritajiet ċivili talli ġegħelni nitlaq mid-dar. Minħabba f’hekk, qalli li stajt immur lura d-dar. Għalkemm missieri qatt m’aċċetta l-verità, hu maż-żmien ħallieni nattendi l-laqgħat kollha u noħroġ nipprietka.

Janny (l-ewwel waħda mil-lemin) qed taqdi bħala pijuniera awżiljarja fl-1952

Ftit wara li mort lura d-dar, ommi mardet serjament u kelli nagħmel ix-xogħol tad-dar kollu. Minkejja dan, komplejt nagħmel progress spiritwali u tgħammidt fl-1951 meta kelli 17-il sena. Fl-1952, wara li ommi rkuprat mill-marda tagħha, għal xahrejn qdejt bħala pijuniera awżiljarja flimkien maʼ tliet aħwa nisa pijunieri. Konna ngħixu fuq dgħajsa u konna nippritkaw f’żewġt ibliet fi Drenthe. Sirt pijuniera regulari fl-1953. Sena wara, indokratur tas-circuit żagħżugħ żar il-kongregazzjoni tagħna. Dan kien Markus. Iżżewwiġna f’Mejju tal-1955, għax ħassejna li stajna naqdu lil Ġeħova aħjar bħala koppja.—Ekk. 4:9-12.

Il-ġurnata tat-tieġ tagħna fl-1955

Markus: Wara li żżewwiġna, għall-ewwel ġejna inkarigati bħala pijunieri f’Veendam (Groningen). Konna ngħixu f’kamra żgħira ħafna li kienet biss xi żewġ metri bi tlieta. Kull filgħaxija, kien ikollna nċaqalqu l-mejda u żewġ siġġijiet żgħar min-nofs biex inkunu nistgħu nniżżlu s-sodda li kienet mal-ħajt. Minkejja dan, Janny għamlet il-kamra sabiħa u komda.

Wara sitt xhur, ġejna mistidnin naqdu fix-xogħol tal-ivvjaġġar fil-Belġju. Fl-1955, kien hemm biss xi 4,000 pubblikatur fil-pajjiż. Issa hemm iktar minn 24,000 pubblikatur! Fi Flanders, fit-Tramuntana tal-Belġju, in-nies jitkellmu l-istess lingwa tal-Olanda. Madankollu, l-aċċent Belġjan hu differenti mhux ħażin, allura għall-ewwel sibnieha diffiċli biex nifhmu lin-nies.

Janny: Ix-xogħol tal-ivvjaġġar jirrikjedi li tkun lest taqdi lil Alla u tgħin lil oħrajn. Aħna konna nżuru l-kongregazzjonijiet bir-rota u konna noqogħdu fid-djar tal-aħwa. Peress li ma kellniex fejn noqogħdu, konna nibqgħu mal-aħwa sat-Tlieta filgħodu, meta mbagħad konna nivvjaġġaw lejn il-kongregazzjoni li jmiss. Iffaċċjajna diffikultajiet, imma dejjem qisna s-servizz tagħna bħala barka mingħand Ġeħova.

Markus: Għall-ewwel, ma konna nafu lil ħadd mill-aħwa fil-kongregazzjonijiet, imma kienu qalbhom tajba u ospitabbli ħafna. (Ebr. 13:2) Matul is-snin, żorna diversi drabi l-kongregazzjonijiet kollha li jitkellmu bl-Olandiż fil-Belġju. Dan ġabilna bosta barkiet. Pereżempju, sirna nafu kważi lill-aħwa kollha fid-distrett Olandiż, u huma saru għeżież ferm għalina. Rajna mijiet taʼ tfal jikbru u jagħmlu progress fil-verità, jiddedikaw ruħhom lil Ġeħova, u jpoġġu s-servizz tiegħu l-ewwel. Verament inħossuna ferħanin meta naraw ħafna minnhom jaqdu lil Ġeħova lealment fis-servizz full-time. (3 Ġw. 4) Dan  l-inkuraġġiment li tajna lil xulxin għamilhielna faċli biex inkomplu fl-inkarigu tagħna b’qalbna kollha.—Rum. 1:12.

SFIDA KBIRA U BARKA TAʼ VERU

Markus: Minn dakinhar li żżewwiġna, kienet ix-xewqa tagħna li nattendu l-Iskola taʼ Gilegħad. Kuljum konna nistudjaw l-Ingliż, imqar għal siegħa. Però, ma kienx faċli li nitgħallmu l-Ingliż mill-kotba biss, allura ddeċidejna li mmorru l-Ingilterra waqt il-vaganzi tagħna biex nipprattikaw il-lingwa waqt li nippritkaw hemmhekk. Fl-aħħar, fl-1963 irċivejna envelop mill-kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Kien fih żewġ ittri, waħda għalija u oħra għal Janny. L-ittra tiegħi kienet stedina biex nattendi klassi speċjali taʼ Gilegħad għal għaxar xhur. Il-kors kien se jiffoka l-aktar fuq li jħarreġ lill-aħwa rġiel fl-organizzar tax-xogħol tal-ippritkar. Għalhekk, mill-100 student li kienu mistidnin, 82 minnhom kienu aħwa rġiel.

Janny: Fl-ittra li rċivejt dakinhar, ġejt mitluba nikkunsidra bit-talb jekk kontx lesta li nibqaʼ l-Belġju waqt li Markus imur Gilegħad. Irrid nammetti li għall-ewwel ħassejtni diżappuntata. Ħassejt li l-isforzi tiegħi biex nagħmel progress ma kinux qed jitbierku. Imma mbagħad ftakart li l-iskop taʼ Gilegħad kien li jgħin lill-istudenti biex iwettqu x-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja. Allura aċċettajt li nibqaʼ l-Belġju u naqdi bħala pijuniera speċjali f’Ghent flimkien maʼ Anna u Maria Colpaert, żewġ pijunieri speċjali b’ħafna esperjenza.

Markus: Peress li kelli ntejjeb l-Ingliż, ġejt mistieden immur Brooklyn ħames xhur qabel ma bdiet l-iskola. Ħdimt fid-dipartimenti tax-Shipping u tas-Servizz. Sirt iktar konxju tal-fratellanza internazzjonali tagħna hekk kif ħdimt fil-kwartieri ġenerali u għent biex inlestu l-letteratura biex tintbagħat l-Asja, l-Ewropa, u l-Amerika t’Isfel. Niftakar speċjalment lil Ħuna A. H. Macmillan, li kien qeda bħala indokratur li jivvjaġġa fi żmien Ħuna Russell. Sa dan iż-żmien kien xiħ u nieqes mis-smigħ, iżda lealment attenda l-laqgħat tal-kongregazzjoni kollha. Dan ħalla impressjoni kbira fuqi u għallimni li dejjem għandna napprezzaw l-assoċjazzjoni Kristjana tagħna.—Ebr. 10:24, 25.

Janny: Jien u Markus konna niktbu l-ittri lil xulxin kull ġimgħa. Immissjajna lil xulxin ħafna! Però, Markus ħa pjaċir bit-taħriġ li kien qed jingħata f’Gilegħad, u jien ħassejt ferħ kbir fil-ministeru tiegħi. Sakemm Markus ġie lura mill-Istati Uniti, kont qed nikkonduċi 17-il studju tal-Bibbja! Il-fatt li konna ’l bogħod minn xulxin għal 15-il xahar ċertament kien taʼ sfida, imma stajt nara li Ġeħova berikna għas-sagrifiċċji li għamilna. Dakinhar li Markus ġie lura, l-ajruplan ittardja għal diversi sigħat, allura meta sa fl-aħħar wasal, bkejna hekk kif għannaqna lil xulxin. Minn dakinhar ’l hawn, konna inseparabbli.

GRATI GĦAL KULL PRIVILEĠĠ TAʼ SERVIZZ

Markus: Meta ġejt lura minn Gilegħad f’Diċembru tal-1964, ġejna inkarigati naqdu f’Betel. Imma dan ma damx ma nbidel. Tliet xhur biss wara, ġejna inkarigati fix-xogħol tad-distrett fi Flanders. Meta Aalzen u Els Wiegersma ntbagħtu  bħala missjunarji fil-Belġju, huma ġew inkarigati fix-xogħol tad-distrett, u aħna morna lura Betel fejn ħdimt fid-Dipartiment tas-Servizz. Mill-1968 sal-1980, l-inkarigu tagħna tbiddel diversi drabi milli naqdu f’Betel għal li naqdu fix-xogħol tal-ivvjaġġar. Finalment, mill-1980 sal-2005, erġajt qdejt bħala indokratur tad-distrett.

Għalkemm l-inkarigu tagħna spiss tbiddel, qatt ma nsejna li konna ddedikajna ħajjitna biex naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha. Verament ħadna pjaċir f’kull inkarigu li ngħatajna, fiduċjużi li l-iskop taʼ kwalunkwe bidla fis-servizz tagħna kien biex jgħin ix-xogħol tal-ippritkar.

Janny: Kont eċċitata ħafna li mmur maʼ Markus fi Brooklyn fl-1977 u f’Patterson fl-1997 meta ngħata iktar taħriġ bħala membru tal-Kumitat tal-Fergħa.

ĠEĦOVA JAF X’NEĦTIEĠU

Markus: Fl-1982, Janny kellha tagħmel operazzjoni u rkuprat tajjeb. Tliet snin wara, l-aħwa fil-kongregazzjoni f’Louvain b’qalb tajba offrewlna appartament fuq is-Sala tas-Saltna tagħhom. Għall-ewwel darba fi 30 sena, kellna post żgħir li kien tagħna. Nhar taʼ Tlieta, meta konna nippakkjaw biex inżuru lil xi kongregazzjoni, kelli nitlaʼ u ninżel l-54 tarġa diversi drabi biex inniżżel il-bagalji tagħna! Allura konna grati ħafna meta fl-2002 saru arranġamenti biex ikollna appartament bla taraġ. Wara li għalaqt 78 sena, ġejna inkarigati bħala pijunieri speċjali fil-belt taʼ Lokeren. Aħna ferħanin ħafna li nistgħu naqdu b’dan il-mod u li għadna nistgħu noħorġu fis-servizz kuljum.

“Tassew nemmnu li la fejn naqdu u lanqas liema inkarigu jkollna mhu importanti, imma, minflok, lil min naqdu”

Janny: B’kollox qattajna iktar minn 120 sena fis-servizz full-time! Rajna b’għajnejna stess kemm hi minnha l-wegħda taʼ Ġeħova li ‘żgur ma jitlaqniex’ u li jekk naqduh lealment, ‘lanqas ħaġa waħda ma tonqosna.’—Ebr. 13:5; Dt. 2:7.

Markus: Meta konna żgħar, iddedikajna ruħna lil Ġeħova. Qatt ma fittixna ħwejjeġ kbar għalina nfusna. Aħna dejjem aċċettajna kull inkarigu li ngħatalna. Tassew nemmnu li la fejn naqdu u lanqas liema inkarigu jkollna mhu importanti, imma, minflok, lil min naqdu.

^ Par. 5 Matul is-snin, missieri, ommi, oħti akbar minni, u tnejn minn ħuti s-subien ukoll saru Xhieda.