Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Min kienu “wlied l-Alla l-veru” li għexu qabel id-Dilluvju u li jissemmew f’Ġenesi 6:2, 4?

Hemm evidenza li din l-espressjoni tirreferi għall-ulied spirti t’Alla. Iżda liema evidenza?

L-ewwel minn dawn iż-żewġ versi jgħid: “Ulied l-Alla l-veru bdew jinnotaw li l-bniet tal-bnedmin kienu sbieħ; u ħadu nisa għalihom, jiġifieri, lil dawk kollha li għoġbuhom.”—Ġen. 6:2.

Fl-Iskrittura Ebrajka, l-espressjonijiet “ulied l-Alla l-veru” u “wlied Alla” jinsabu f’Ġenesi 6:2, 4; Ġob 1:6; 2:1; 38:7; u Salm 89:6. Dawn l-iskritturi x’jgħidulna dwar dawn ‘l-ulied t’Alla’?

“Ulied l-Alla l-veru” li naqraw dwarhom f’Ġob 1:6 kienu biċ-ċar ħlejjaq spirti miġburin fil-preżenza t’Alla. Fosthom kien hemm Satana, li kien qed ‘idur ’l hemm u ’l hawn fuq l-art.’ (Ġob 1:7; 2:1, 2) B’mod simili, f’Ġob 38:4-7 naqraw dwar ‘l-ulied t’Alla’ li ‘għajtu b’tifħir’ meta Alla “qiegħed il-ġebla tax-xewka” tal-art. Bilfors li kienu wlied anġeliċi, għaliex il-bnedmin kienu għadhom ma nħalqux. “Ulied Alla” msemmijin f’Salm 89:6 żgur li huma ħlejjaq spirti fis-sema m’Alla, u mhux bnedmin.

Mela min huma “wlied l-Alla l-veru” msemmijin fir-rakkont taʼ Ġenesi 6:2, 4? Fi qbil mal-fatti Bibliċi li għadna kif rajna, huwa loġiku li nikkonkludu li r-rakkont qed jirreferi għall-ulied spirti t’Alla li ġew fuq l-art.

Xi wħud isibuha diffiċli biex jaċċettaw li l-anġli jistgħu jkunu interessati f’li jkollhom relazzjonijiet sesswali. Il-kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 22:30 juri li ż-żwieġ u r-relazzjonijiet sesswali ma jeżistux fis-sema. Madankollu, kultant xi anġli dehru f’iġsma umani, saħansitra jieklu u jixorbu mal-bnedmin. (Ġen. 18:1-8; 19:1-3) B’hekk, jagħmel sens li nikkonkludu li ladarba kellhom ġisem materjalizzat, huma setgħu jkollhom relazzjonijiet sesswali man-nisa.

Hemm raġunijiet ibbażati mill-Bibbja biex nemmnu li xi anġli għamlu proprju dan. Ġuda 6, 7 jqabbel id-dnub tal-irġiel taʼ Sodoma, li ntelqu għall-użu mhux naturali tal-ġisem, maʼ dak tal-“anġli li ma żammewx il-pożizzjoni oriġinali tagħhom imma abbandunaw il-post xieraq fejn kellhom jgħammru.” Xi ħaġa komuni fiż-żewġ każi kienet li dawn l-anġli kif ukoll is-Sodomin “taw ruħhom kompletament għaż-żína u ntelqu għall-użu mhux naturali tal-ġisem.” Silta simili fl-1 Pietru 3:19, 20 issemmi lill-anġli diżubbidjenti b’konnessjoni maʼ “żmien Noè.” (2 Pt. 2:4, 5). Għaldaqstant, dak li għamlu l-anġli diżubbidjenti fi żmien Noè jistaʼ jitqabbel mad-dnub taʼ Sodoma u Gomorra.

Konklużjoni bħal din tagħmel sens meta nirrikonoxxu li “wlied l-Alla l-veru” msemmijin f’Ġenesi 6:2, 4 kienu anġli li dehru f’iġsma u kkommettew l-immoralità man-nisa.

Il-Bibbja tgħid li Ġesù ‘ppriedka lill-ispirti fil-ħabs.’ (1 Pt. 3:19) Dan xi jfisser?

L-appostlu Pietru jidentifika dawn l-ispirti bħala dawk li “darba kienu diżubbidjenti, meta Alla qagħad jistenna bil-paċenzja fi żmien Noè.” (1 Pt. 3:20) Biċ-ċar, Pietru kien qed jirreferi għall-ħlejjaq spirti li għażlu li jingħaqdu fir-ribelljoni taʼ Satana. Ġuda jsemmi lill-anġli li “ma żammewx il-pożizzjoni oriġinali tagħhom imma abbandunaw il-post xieraq fejn kellhom jgħammru,” u jgħid li Alla “żammhom marbutin għal dejjem fi dlam ċappa għall-ġudizzju tal-jum il-kbir.”—Ġuda 6.

B’liema mod kienu l-ħlejjaq spirti diżubbidjenti fi żmien Noè? Qabel id-Dilluvju, dawn l-ispirti mill-agħar ħadu sura taʼ bnedmin—xi ħaġa li ma kinitx fl-iskop t’Alla għalihom. (Ġen. 6:2, 4) Iżjed minn hekk, dawn l-anġli li kellhom x’jaqsmu man-nisa kienu qed jagħmlu xi ħaġa li kienet kontra n-natura tagħhom. Alla ma ħalaqx lill-ħlejjaq spirti biex ikollhom relazzjonijiet sesswali man-nisa. (Ġen. 5:2) Dawn l-anġli mill-agħar u diżubbidjenti se jinqerdu fiż-żmien imwaqqat t’Alla. Għalissa, bħalma jgħidilna Ġuda, huma qegħdin fi stat taʼ “dlam ċappa”—ħabs spiritwali, biex ngħidu hekk.

Meta u kif ipprietka Ġesù lil dawn “l-ispirti fil-ħabs”? Pietru jikteb li dan ġara wara li Ġesù “ngħata l-ħajja fl-ispirtu,” jiġifieri, ġie rxoxtat. (1 Pt. 3:18, 19) Agħti kas ukoll li Pietru jgħid li Ġesù “ppriedka.” Pietru tkellem fil-passat u dan jissuġġerixxi li l-ippritkar sar qabel Pietru kiteb l-ewwel ittra tiegħu. Allura, jidher li xi żmien wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù għamel dikjarazzjoni lill-ispirti mill-agħar dwar il-kastig mistħoqq għalkollox li se jieħdu. Ma kienx xi ppritkar li offrielhom xi tama. Kien ippritkar taʼ ġudizzju. (Ġona 1:1, 2) Ladarba Ġesù kien ta prova tal-fidi u l-lealtà tiegħu sal-mewt u mbagħad ġie rxoxtat—u b’hekk wera li x-Xitan assolutament ma kellu ebda setgħa fuqu—Ġesù kellu raġun jagħmel dikjarazzjoni taʼ ġudizzju bħal din.—Ġw. 14:30; 16:8-11.

Fil-futur, Ġesù se jorbot u jixħet fl-abbiss kemm lil Satana kif ukoll lil dawn l-anġli. (Lq. 8:30, 31; Riv. 20:1-3) Sa dak iż-żmien, dawn l-ispirti diżubbidjenti qegħdin fi stat taʼ dlam ċappa spiritwali, u l-qerda tal-aħħar tagħhom hija ċerta.—Riv. 20:7-10.