Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Apprezza l-Lealtà u l-Maħfra ta’ Ġeħova

Apprezza l-Lealtà u l-Maħfra ta’ Ġeħova

“Int, O Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer; u l-qalb tajba bl-imħabba tiegħek hi abbundanti maʼ dawk kollha li jsejħulek.”—SALM 86:5.

1, 2. (a) Għala napprezzaw ħbieb li huma leali u li jaħfru? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-artiklu?

INT kif tiddeskrivi ħabib veru? Oħt jisimha Ashley tgħid: “Għalija, ħabib veru hu xi ħadd li hu dejjem hemm għalik u li jaħfirlek meta tiżbalja.” Ilkoll kemm aħna napprezzaw ħbieb li huma leali u li jaħfru. Huma jgħinuna nħossuna protetti u maħbubin.—Prov. 17:17.

2 Ġeħova hu l-iktar Ħabib leali u li jaħfer li jistaʼ jkollna. Is-salmista poġġieha b’dan il-mod: “Int, O Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer; u l-qalb tajba bl-imħabba [jew, “l-imħabba leali”] tiegħek hi abbundanti maʼ dawk kollha li jsejħulek.” (Salm 86:5) Xi jfisser li tkun leali u li taħfer? Ġeħova kif jurihom dawn il-kwalitajiet sbieħ? U kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu? It-tweġibiet se jgħinuna nkabbru mħabbitna għall-aqwa Ħabib tagħna, Ġeħova. Se jgħinuna wkoll insaħħu l-ħbiberiji tagħna maʼ xulxin.—1 Ġw. 4:7, 8.

ĠEĦOVA HU LEALI

3. Xi jfisser li tkun leali?

3 Individwu leali juri din il-kwalità maʼ xi ħadd li jħobb. Juri mħabbtu billi jkompli jgħin u jappoġġa lill-persuna l-oħra. Dan jagħmlu mhux biss meta jkun faċli imma anki f’sitwazzjonijiet diffiċli. Il-Bibbja tiddeskrivi lil Ġeħova bħala “l-Leali.” M’hemm ħadd iktar leali minnu.—Riv. 16:5.

4, 5. (a) Ġeħova kif juri l-lealtà? (b) Għala nħossuna inkuraġġiti meta naħsbu dwar kemm Ġeħova hu leali?

4 Ġeħova kif juri l-lealtà? Hu qatt ma jabbanduna lill-qaddejja leali tiegħu. Wieħed minn dawn il-qaddejja, is-Sultan David, faħħar lil Ġeħova talli kien leali lejh. (Aqra t-2 Samwel 22:26.) Waqt il-provi taʼ David, Ġeħova lealment iggwidah,  ipproteġieh, u ħelsu. (2 Sam. 22:1) David kien jaf li l-lealtà taʼ Ġeħova tinvolvi iktar minn sempliċi kliem. Ġeħova għala aġixxa b’lealtà maʼ David? Għax David innifsu kien “xi ħadd leali.” Ġeħova jgħożż il-lealtà tal-qaddejja tiegħu, u jippremjahom billi juri lealtà magħhom.—Prov. 2:6-8.

5 Aħna nħossuna inkuraġġiti meta naħsbu dwar kemm Ġeħova hu leali mal-qaddejja tiegħu. “Verament jgħinni meta naqra dwar kif Ġeħova ttratta maʼ David f’sitwazzjonijiet diffiċli,” jgħid ħu leali jismu Reed. “Anki meta David kien maħrub u kien qed jgħix fl-għerien, Ġeħova dejjem saħħu. Dan jinkuraġġini ħafna! Ifakkarni li jkunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi u minkejja kemm is-sitwazzjoni tkun tidher bla tama, Ġeħova se jkun hemm għalija dment li jien nibqaʼ leali lejh.” Bla dubju, int tħossok l-istess.—Rum. 8:38, 39.

6. Ġeħova b’liema modi oħra juri l-lealtà, u l-qaddejja tiegħu kif jibbenefikaw minn dan?

6 Ġeħova b’liema modi oħra juri l-lealtà? Mod wieħed hu li Ġeħova dejjem isegwi l-livelli tiegħu stess. (Is. 46:4) Id-deċiżjonijiet kollha li jieħu huma bbażati fuq il-livelli tiegħu, u dawn il-livelli qatt ma jinbidlu. (Mal. 3:6) Mod ieħor kif Ġeħova juri li hu leali hu li dejjem jagħmel dak li jwiegħed. (Is. 55:11) B’hekk, il-qaddejja leali kollha taʼ Ġeħova jibbenefikaw mil-lealtà tiegħu. Kif? Meta nagħmlu ħilitna biex inżommu mal-livelli taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li hu se jżomm il-wegħda tiegħu li jberikna.—Is. 48:17, 18.

IMITA L-LEALTÀ TAʼ ĠEĦOVA

7. Liema hu mod wieħed kif nistgħu nimitaw il-lealtà t’Alla?

 7 Kif nistgħu nimitaw il-lealtà taʼ Ġeħova? Mod wieħed hu billi nagħmlu xi ħaġa taʼ ġid għal dawk li qegħdin f’sitwazzjoni diffiċli. (Prov. 3:27) Pereżempju, taf b’xi ħu, jew oħt, li hu skuraġġit, forsi minħabba problemi taʼ saħħa, oppożizzjoni tal-familja, jew nuqqasijiet persunali? Int tistaʼ tinkuraġġixxi lil dan l-individwu “bi kliem tajjeb, kliem taʼ faraġ.” (Żak. 1:13) * Jekk tagħmel hekk, tkun qed turi li int ħabib leali u veru, wieħed li jintrabat maʼ dak li jkun iktar minn ħu.—Prov. 18:24.

8. Kif nistgħu nimitaw il-lealtà taʼ Ġeħova, pereżempju, fiż-żwieġ?

8 Hemm modi oħra kif nistgħu nkunu leali lejn dawk li nħobbu. Pereżempju, jekk aħna miżżewġin, nafu li għandna nibqgħu leali lejn is-sieħeb jew is-sieħba tagħna fiż-żwieġ. (Prov. 5:15-18) Allura mhux biss nevitaw l-adulterju, imma wkoll nevitaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ twassal għall-adulterju. (Mt. 5:28) Barra minn hekk, nuru lealtà lejn sħabna fit-twemmin billi nwarrbu tqasqis jew malafama li tweġġaʼ lil dak li jkun, u nirrifjutaw li nxerrdu kliem negattiv bħal dan jew li saħansitra noqogħdu nisimgħuh.—Prov. 12:18.

9, 10. (a) Lejn min b’mod speċjali rridu nibqgħu leali? (b) Għala mhux dejjem se jkun faċli li nobdu l-kmandi taʼ Ġeħova?

9 Fuq kollox, irridu nibqgħu leali lejn Ġeħova. Dan kif nagħmluh? Billi nistinkaw biex inqisu l-affarijiet kif iqishom hu—inħobbu dak li jħobb hu u nobogħdu dak li jobgħod hu—u mbagħad inġibu ruħna fi qbil maʼ dan. (Aqra Salm 97:10.) Iktar ma nġibu l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna fi qbil mal-ħsibijiet u s-sentimenti taʼ Ġeħova, iktar se jkun faċli għalina biex nobduh.—Salm 119:104.

 10 Huwa minnu li mhux dejjem se jkun faċli li nobdu l-kmandi taʼ Ġeħova. Forsi jkollna nissieltu biex nibqgħu leali. Pereżempju, hemm xi Kristjani li jixtiequ jiżżewġu, imma għadhom ma sabux lil xi ħadd xieraq fost il-qaddejja taʼ Ġeħova. (1 Kor. 7:39) Oħt mhix miżżewġa forsi tara li sħabha tax-xogħol li mhumiex tal-istess twemmin dejjem jipprovaw iqabbduha maʼ xi ħadd. L-oħt forsi tħossha ħafna waħedha. Xorta waħda, hi tagħmel sforz kbir biex iżżomm l-integrità tagħha lejn Ġeħova. Ma napprezzawx aħna eżempji eċċellenti taʼ lealtà bħal dawn? Ċertament li Ġeħova se jippremja lil dawk kollha li jibqgħu leali lejh minkejja d-diffikultajiet.—Ebr. 11:6.

“Hemm ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.” —Prov. 18:24 (Ara paragrafu 7)

‘Aħfru lil xulxin mill-qalb.” —Efes. 4:32 (Ara paragrafu 16)

ĠEĦOVA JAĦFER

11. Xi jfisser li taħfer?

11 Xi jfisser li taħfer? Bniedem li jaħfer jagħżel li ma jibqax iżomm ġo fih minħabba xi ħaġa li għamlulu oħrajn. Dan ma jfissirx li japprova dak li għamlu jew li jagħmel tabirruħu li l-ħaġa qatt ma seħħet. Minflok, hu jiddeċiedi li ma jibqax iżomm ġo fih. Waħda mill-iktar kwalitajiet meraviljużi taʼ Ġeħova hi l-maħfra. Il-Bibbja tgħid li Ġeħova ‘lest li jaħfer’ lil dawk li jindmu sinċerament.—Salm 86:5.

12. (a) Ġeħova kif juri l-maħfra? (b) Pietru x’ried ifisser meta qal li d-dnubiet taʼ dak li jkun jistgħu ‘jitħassrulu’?

12 Ġeħova kif juri l-maħfra? Meta Ġeħova jaħfer, dan jagħmlu “bil-kbir”; hu jaħfer kompletament u għal dejjem. (Is. 55:7) Kif nafu li Ġeħova jaħfer kompletament? Ikkunsidra l-assiguranza li tinsab f’Atti 3:19. (Aqra.) L-appostlu Pietru ħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu biex ‘jindmu u jduru lura.’ Meta midneb jindem ġenwinament, hu jiddispjaċih għall-aħħar mill-ħażen li jkun għamel. Hu determinat ukoll li ma jirripetix id-dnub  tiegħu. (2 Kor. 7:10, 11) Iktar minn hekk, l-indiema vera tqanqal lil midneb biex ‘idur lura,’ billi jieqaf jagħmel il-ħażen u jagħmel kulma jistaʼ biex jogħġob lil Alla. Imbagħad dnubu jkun jistaʼ ‘jitħassarlu.’ Allura meta Ġeħova jaħfer ikun bħallikieku jħassar dnubietna. Ġeħova jaħfer kompletament.—Ebr. 10:22; 1 Ġw. 1:7.

13. Minn xiex jassigurana l-kliem “dnubhom ma niftakrux iktar”?

13 Kif nafu li l-maħfra taʼ Ġeħova hi għal dejjem? Ikkunsidra l-profezija taʼ Ġeremija dwar il-patt il-ġdid li sar mal-Kristjani midlukin u li jagħmilha possibbli li jkun hemm maħfra vera għal dawk li jeżerċitaw fidi fil-fidwa. (Aqra Ġeremija 31:34.) Ġeħova jgħid: “Naħfrilhom l-iżball tagħhom, u dnubhom ma niftakrux iktar.” Allura Ġeħova jassigurana li ladarba jaħfer, fil-futur hu qatt mhu se jaġixxi kontrina minħabba dawk id-dnubiet. Hu ma jibqax jaħseb fid-dnubiet tagħna biex jakkużana jew jikkastigana darba wara l-oħra. Minflok, Ġeħova jaħfer dawk id-dnubiet u jitfagħhom warajh—għal dejjem.—Rum. 4:7, 8.

14. Kif nistgħu niksbu faraġ jekk nimmeditaw fuq il-maħfra taʼ Ġeħova? Agħti eżempju.

14 Nistgħu niksbu faraġ jekk nimmeditaw fuq il-maħfra taʼ Ġeħova. Ikkunsidra dan l-eżempju. Ħafna snin ilu, oħt li se nsejħulha Elaine ġiet maqtugħa mis-sħubija. Diversi snin wara, ġiet aċċettata lura fil-kongregazzjoni. “Għalkemm għedt lili nnifsi u lil oħrajn li kont nemmen li Ġeħova kien ħafirli,” tammetti Elaine, “dejjem ħassejt li b’xi mod jew ieħor hu kien ’il bogħod minni jew li oħrajn kienu eqreb lejh u li kien iktar reali għalihom.” Madankollu, Elaine ħassitha mfarrġa meta mmeditat fuq kif il-Bibbja tiddeskrivi l-maħfra taʼ Ġeħova. “Ħassejt l-imħabba u t-tenerezza li Ġeħova għandu għalija b’mod li qatt ma kont ħassejt qabel,” iżżid tgħid Elaine. Tqanqlet partikularment minn dan il-ħsieb: “Meta Jehovah jaħfrilna dnubietna, m’għandniex għalfejn inħossu li se nibqgħu nġorru t-tebgħa taʼ dawn id-dnubiet għall-bqija taʼ ħajjitna.” * Elaine tgħid: “Indunajt li ma kontx emmint li Ġeħova setaʼ jaħfirli bis-sħiħ, u ħsibt li kont se nġorr dan il-piż għall-kumplament taʼ ħajti. Naf li se jieħu ż-żmien, imma qed nibda nħoss li verament nistaʼ nersaq eqreb lejn Ġeħova, u nħoss li tneħħa bħal toqol minn fuqi.” Kemm naqdu Alla li jħobb u li jaħfer!—Salm 103:9.

IMITA L-MAĦFRA TAʼ ĠEĦOVA

15. Kif nistgħu nimitaw il-maħfra taʼ Ġeħova?

15 Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nagħżlu li naħfru lil oħrajn. (Aqra Luqa 17:3, 4.) Ftakar li meta Ġeħova jaħfer, ma jibqax jaħseb dwar dak li għamilna. Meta naħfru lil oħrajn, aħna wkoll nistgħu nieqfu naħsbu dwar x’għamlulna u ma nsemmux l-iżbalji tagħhom fil-futur.

16. (a) Xi jfisser li naħfru l-iżbalji t’oħrajn, u x’ma jfissirx? (b) X’għandna nagħmlu jekk irridu lil Ġeħova jaħfrilna?

 16 Li naħfru l-iżbalji t’oħrajn ma jfissirx li napprovaw dak li għamlu jew li nieħdu pjaċir niġu trattati b’mod inġust. Le. Bażikament ifisser li nagħżlu li ma nibqgħux inżommu ġo fina. U huwa importanti li niftakru li biex niġu maħfurin minn Alla, aħna għandna nimitaw il-maħfra taʼ Ġeħova bil-mod kif nittrattaw lil oħrajn. (Mt. 6:14, 15) Wara kollox, l-empatija tqanqal lil Ġeħova biex jiftakar li “aħna trab.” (Salm 103:14) Allura  meta oħrajn jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa kontrina, għandna niftakru li huma imperfetti bħalna, u għandna naħfrulhom minn qalbna.—Efes. 4:32; Kol. 3:13.

Jalla t-talb tagħna għall-maħfra jkun mill-qalb (Ara paragrafu 17)

17. X’jistaʼ jgħinna jekk ġejna mweġġgħin minn xi ħu jew oħt?

 17 M’għandniex xi ngħidu, mhuwiex dejjem faċli li naħfru. Anki xi Kristjani midlukin fl-ewwel seklu milli jidher sabuha diffiċli biex jirranġaw id-differenzi taʼ bejniethom. (Flp. 4:2) X’jistaʼ jgħinna jekk ġejna mweġġgħin minn xi ħu jew oħt? Ikkunsidra lil Ġob. Hu ġie mweġġaʼ ħafna meta “sħabu”—Elifaż, Bildad, u Sofar—insultawh u akkużawh li kien qed jagħmel affarijiet ħżiena. (Ġob 10:1; 19:2) Fl-aħħar, Ġeħova ċanfar lil dawn l-akkużaturi foloz. Alla qalilhom biex imorru għand Ġob u jippreżentaw offerta għal dnubiethom. (Ġob 42:7-9) Imma Ġeħova talab xi ħaġa mingħand Ġob ukoll. Din x’kienet? Ġeħova qal lil Ġob biex jitlob għal dawk li kienu akkużawh. Ġob għamel kif qallu Ġeħova, u Ġeħova bierku talli ħafrilhom. (Aqra Ġob 42:10, 12, 16, 17.) X’inhi t-tagħlima għalina? Talba sinċiera għal xi ħadd li offendiena tistaʼ tgħinna ma nibqgħux inżommu kontrih.

KOMPLI APPREZZA L-KWALITAJIET TAʼ ĠEĦOVA BIS-SĦIĦ

18, 19. Kif nistgħu nkomplu nkabbru l-apprezzament tagħna għall-personalità taʼ Ġeħova li tiġbidna lejh?

18 Aħna ħadna pjaċir nitgħallmu iktar dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. Rajna li hu avviċinabbli, imparzjali, ġeneruż, raġunevoli, leali, u jaħfer. Ċertament li dawn kemm messejniehom fuq fuq. Iżda jistaʼ jkollna l-ferħ taʼ li nitgħallmu iktar dwar Ġeħova matul l-eternità kollha. (Ekk. 3:11) Aħna naqblu mal-appostlu Pawlu, li kiteb: “O kemm huma profondi r-rikkezzi u l-għerf u l-għarfien t’Alla.” Nistgħu ngħidu l-istess għall-imħabba t’Alla u s-sitt kwalitajiet tiegħu li ddiskutejna f’dawn l-artikli.—Rum. 11:33.

19 Jalla lkoll kemm aħna nkomplu nkabbru l-apprezzament tagħna għall-personalità taʼ Ġeħova li tiġbidna lejh. Dan nistgħu nagħmluh billi nsiru midħla tal-kwalitajiet tiegħu, nimmeditaw dwarhom, u mbagħad nimitawhom f’ħajjitna stess. (Efes. 5:1) Hekk kif nagħmlu dan, bla dubju li se nsiru naqblu dejjem iktar mas-salmista li kanta: “Min-naħa tiegħi, li nersaq qrib Alla huwa tajjeb għalija.”—Salm 73:28.

^ Par. 7 Int tistaʼ ssib xi suġġerimenti t’għajnuna fl-artikli “Have You Encouraged Anyone Lately?” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-15 taʼ Jannar, 1995, u “Inqanqlu għall-Imħabba u Xogħlijiet mill-Aħjar—Kif?” fil-ħarġa tal-1 t’April, 1995.