Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Apprezza l-Kwalitajiet ta’ Ġeħova bis-Sħiħ

Apprezza l-Kwalitajiet ta’ Ġeħova bis-Sħiħ

“Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin.” —EFES. 5:1.

1. (a) Liema kwalitajiet taʼ Ġeħova tistaʼ taħseb fihom? (b) Kif se tibbenefika minn eżami tal-kwalitajiet t’Alla?

META taħseb dwar il-personalità taʼ Ġeħova, liema kwalitajiet jiġu f’moħħok? Ħafna minna naħsbu fl-imħabba, il-ġustizzja, l-għerf, u l-qawwa. Però, aħna nirrealizzaw li Ġeħova għandu ħafna kwalitajiet mill-isbaħ. Infatti, matul is-snin, il-pubblikazzjonijiet tagħna ddiskutew iktar minn 40 kwalità differenti taʼ Ġeħova. Jekk tistudja kull waħda minn dawn il-kwalitajiet waħdek jew maʼ familtek, immaġina kemm se titgħallem dwar Ġeħova! B’liema modi nistgħu nibbenefikaw minn studju bħal dan? Jistaʼ jkabbar l-apprezzament tagħna għal Missierna tas-sema. Mill-banda l-oħra, iktar ma jikber l-apprezzament tagħna għal Ġeħova, iktar tkun b’saħħitha x-xewqa tagħna biex nersqu qrib lejh u nimitawh.—Ġoż. 23:8; Salm 73:28.

2. (a) Semmi tixbiha li turi kif nistgħu nkabbru l-apprezzament tagħna għall-kwalitajiet taʼ Ġeħova. (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu u fit-tnejn taʼ warajh?

2 Madankollu, xi jfisser li “tapprezza” xi ħaġa? Skont kif se nużaw il-kelma f’dawn l-artikli, tfisser li tagħraf il-valur xieraq taʼ xi ħaġa. L-apprezzament jistaʼ jikber bil-mod il-mod. Biex nagħtu tixbiha: Ejja ngħidu li qed tipprova xi ikel ġdid. L-ewwel tinnota kemm ifuħ. Imbagħad idduqu u tirrealizza kemm hu tajjeb. U fl-aħħar issajru int stess. B’mod simili, aħna nkabbru l-apprezzament tagħna għal kwalità taʼ Ġeħova billi nsiru midħla tagħha, nirriflettu fuqha, u mbagħad nimitawha f’ħajjitna stess. (Efes. 5:1) L-għan taʼ dan l-artiklu u t-tnejn taʼ warajh hu li jkabbar l-apprezzament tagħna għall-kwalitajiet t’Alla li forsi ma naħsbux fihom daqskemm naħsbu fil-kwalitajiet prinċipali tiegħu. F’kull każ se nikkunsidraw: Xi tfisser din il-kwalità?  Ġeħova kif juriha? U kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova f’li nuru din il-kwalità?

ĠEĦOVA HU AVVIĊINABBLI

3, 4. (a) Kif tiddeskrivi lil xi ħadd li hu avviċinabbli? (b) Ġeħova kif juri li hu avviċinabbli?

3 Ejja l-ewwel niddiskutu l-kwalità taʼ li tkun avviċinabbli. Kif tiddeskrivi lil xi ħadd li jkun avviċinabbli? Forsi tgħid, ‘Xi ħadd li hu qalbu tajba, faċli biex tkellmu, u li dejjem hu disponibbli biex ikellem lil oħrajn.’ Il-kummenti, il-ġesti, u l-wiċċ dħuli taʼ xi ħadd avviċinabbli juru li hu lest jagħti widen u jgħin.

4 Ġeħova kif juri li hu avviċinabbli? Għalkemm hu l-Ħallieq li jistaʼ kollox tal-univers vast tagħna, Ġeħova jassigurana li hu lest u ħerqan biex jismaʼ t-talb tagħna u biex iwieġbu. (Aqra Salm 145:18; Isaija 30:18, 19.) Aħna nistgħu nkellmu lil Alla kemm irridu f’kull ħin jew post. Nistgħu navviċinawh bil-libertà kollha, billi nafu li qatt mhu se jċanfarna għal dan. (Salm 65:2; Ġak. 1:5) Il-Bibbja tiddeskrivi lil Ġeħova b’mod li jġegħelna nħossuna komdi nkellmuh fit-talb. Pereżempju, is-salmista David kiteb li “għajnejn Ġeħova huma” fuqna u li ‘idu l-leminija żżommna sew.’ (Salm 34:15; 63:8) Il-profeta Isaija qabbel lil Ġeħova maʼ ragħaj, billi qal: “Bi driegħu se jiġbor flimkien il-ħrief; u jġorrhom f’ħobbu.” (Is. 40:11) Immaġina ftit! Ġeħova jridna nkunu qrib tiegħu bħal ħaruf żgħir mgħannaq fid-dirgħajn teneri taʼ ragħaj. Kemm għandna Missier avviċinabbli! Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova f’dan ir-rigward?

KWALITÀ IMPORTANTI FERM GĦALL-ANZJANI

5. Għala huwa importanti li l-anzjani jkunu avviċinabbli?

5 Ftit taż-żmien ilu, Xhieda żelużi li jgħixu f’kontinenti differenti ġew mistoqsijin, “Liema kwalità tgħożż l-iktar f’anzjan?” Il-biċċa l-kbira wieġbu, “Li jkun avviċinabbli.” Huwa minnu li kull  Kristjan jeħtieġ jiżviluppa din il-kwalità bis-sħiħ, imma huwa importanti speċjalment li l-anzjani jkunu avviċinabbli. (Is. 32:1, 2) Waħda oħt qalet hekk dwar għala tħoss li din il-kwalità hi tant importanti: “Huwa biss jekk anzjan ikun avviċinabbli li se nkunu nistgħu nibbenefikaw minn kwalunkwe kwalità mill-isbaħ oħra li jistaʼ jkollu.” Tistaʼ tara kemm jagħmel sens dan il-kumment? Imma bniedem kif jistaʼ jkun avviċinabbli?

6. X’inhu mod wieħed kif tkun avviċinabbli?

6 Mod wieħed kif tkun avviċinabbli hu billi turi interess ġenwin f’oħrajn. Jekk anzjan jinteressah minn oħrajn u jkun lest jagħti minnu nnifsu għalihom, ħutu, inkluż iċ-ċkejknin, se jħossuhom iktar komdi jitkellmu miegħu. (Mk. 10:13-16) Carlos, li għandu 12-il sena, jgħid: “Nieħu pjaċir meta nara l-anzjani fis-sala jitbissmu u juru interess fl-aħwa.” M’għandniex xi ngħidu, mhuwiex biżżejjed li anzjan jgħid li hu avviċinabbli; għandu juri din il-kwalità. (1 Ġw. 3:18) Kif jistaʼ jagħmel dan?

7. Il-fatt li nilbsu l-badge tal-konvenzjoni għala spiss iqajjem konversazzjoni, u x’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dan?

7 Aħseb dwar dan ix-xebh. Ftit ilu, wieħed ħu libes il-badge tal-konvenzjoni meta kien qed jivvjaġġa lura d-dar bl-ajruplan wara li kien attenda konvenzjoni f’pajjiż barrani. Meta l-isteward ra l-badge bil-kliem “Ħa Tiġi Saltnatek!” hu qal lill-ħu, “Iva, ħa tiġi—irridu nitkellmu iktar dwar dan.” Wara, huma kellhom konversazzjoni, u l-isteward aċċetta mill-qalb ir-rivisti tagħna. Ħafna minna kellna esperjenzi simili. Badge tal-konvenzjoni għala spiss tqajjem konversazzjoni? Għax il-badge tqanqal il-kurżità t’oħrajn dwar fejn inkunu sejrin u turihom li aħna lesti nkellmuhom dwar dak li nemmnu. B’mod simili, anzjan irid juri lill-aħwa li hu dejjem lest ikellimhom. X’inhuma xi modi kif l-anzjani jistgħu jagħmlu dan?

8. L-anzjani kif juru l-interess ġenwin tagħhom f’oħrajn, u dan kif jeffettwa lill-kongregazzjoni?

8 Id-drawwiet jistgħu jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, imma s-soltu meta lil ħutna nitbissmulhom b’mod sinċier, niħdulhom b’idejhom minn qalbna, u nilqgħuhom b’mod dħuli, inkunu qed nuru li jinteressana minnhom ġenwinament. Min għandu jieħu l-inizjattiva f’dan? Innota l-eżempju li ħalla Ġesù. Mattew jirrapporta li f’laqgħa mad-dixxipli tiegħu, “Ġesù resaq lejhom” u kellimhom. (Mt. 28:18) Bl-istess mod, l-anzjani llum jieħdu l-inizjattiva biex javviċinaw lil sħabhom fit-twemmin u jkellmuhom. Dan kif jistaʼ jeffettwa lill-kongregazzjoni? Oħt pijuniera, li għandha 88 sena, qalet: “It-tbissim sinċier u l-kummenti inkuraġġanti tal-anzjani meta nidħol fis-Sala tas-Saltna jagħmluhom għeżież għalija.” Oħt leali oħra qalet: “Forsi titqies bħala xi ħaġa żgħira, imma meta xi anzjan jilqagħni fil-laqgħa bi tbissima, dan ifisser ħafna għalija.”

ĦU L-ĦIN BIEX TKELLEM LILL-AĦWA

9, 10. (a) Ġeħova liema eżempju mill-aħjar jagħti? (b) L-anzjani kif jistgħu jimitaw l-eżempju taʼ Ġeħova?

 9 Ovvjament, jekk irridu li oħrajn iħossuhom komdi jkellmuna, irridu nkunu ċerti li nagħmlu l-ħin għalihom. Ġeħova jħallilna eżempju mill-aħjar f’dan. “M’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27) Mod wieħed kif l-anzjani jistgħu jimitaw l-eżempju taʼ Ġeħova hu billi jwarrbu l-ħin qabel u wara l-laqgħat Kristjani biex ikellmu lil ħuthom irġiel u nisa—kbar u żgħar. Ħu pijunier qal: “Meta  anzjan isaqsini kif jien u mbagħad jieqaf biex jismaʼ t-tweġiba, inħossni apprezzat.” Oħt li ilha taqdi lil Ġeħova għal kważi 50 sena kkummentat hekk: “L-anzjani li jieħdu l-ħin biex ikellmuni wara l-laqgħa jġegħluni nħossni għażiża.”

10 Huwa minnu li l-anzjani għandhom ħafna responsabbiltajiet. Imma fil-laqgħat għandhom jagħmlu ċert li jqattgħu l-ħin jitkellmu mal-aħwa rġiel u nisa.

ĠEĦOVA MHUWIEX PARZJALI

11, 12. (a) Xi jfisser li ma tkunx parzjali? (b) Il-Bibbja kif turi li Ġeħova mhuwiex parzjali?

11 Kwalità sabiħa oħra taʼ Ġeħova hi li mhuwiex parzjali. (Atti 10:34) Xi jfisser li ma tkunx parzjali? Ifisser li tittratta lil kulħadd b’mod ġust. Imma jekk irridu nittrattaw lil oħrajn imparzjalment, l-ewwel irridu nemmnu li kulħadd għandu jiġi trattat b’mod ġust. Bniedem mhux parzjali ma jittrattax lil ċerti nies aħjar milli jittratta lil oħrajn minħabba kif jidhru jew minħabba kemm għandhom flus. Hu jittrattahom sewwa skont it-tip taʼ individwi li huma verament.

12 Ġeħova hu l-aqwa eżempju tal-imparzjalità. Il-Kelma Tiegħu tgħid li hu “mhux parzjali” u li “ma jittratta lil ħadd bil-parzjalità.” (Aqra Atti 10:34, 35; Dewteronomju 10:17.) Sitwazzjoni li nqalgħet fi żmien Mosè tenfasizza dan.

Il-bniet taʼ Selofeħad apprezzaw l-imparzjalità t’Alla (Ara paragrafi 13, 14)

13, 14. (a) Il-ħamest ibniet taʼ Selofeħad iffaċċjaw liema sitwazzjoni? (b) Ġeħova kif wera l-imparzjalità?

 13 Eżatt qabel ma l-Iżraelin kienu se jidħlu fl-Art Imwiegħda, ħames aħwa xebbiet, aħwa mid-demm, iffaċċjaw dilemma. Din x’kienet? Huma kienu jafu li l-familja tagħhom, bħal familji Iżraelin oħrajn, kienet se tirċievi biċċa art li kienet sehem missierhom. (Num. 26:52-55) Però, missierhom, Selofeħad mit-tribù taʼ Manasse, kien miet. Skont id-drawwa, id-dritt għall-art kellu jgħaddi għand l-ulied subien taʼ Selofeħad, imma hu kellu bniet biss. (Num. 26:33) Mingħajr iben fil-familja biex jiret l-art, kienet l-art tal-familja se tingħata lill-qraba, u b’hekk l-aħwa bniet jitħallew mingħajr wirt?

14 Il-ħames aħwa bniet resqu lejn Mosè u saqsewh: “Għala għandu isem missierna jitneħħa minn nofs il-familja tiegħu għaliex ma kellux iben?” Huma ttallbu: “Agħtina wirt f’nofs ħut missierna.” Irreaġixxa Mosè billi qalilhom, ‘Din hi l-liġi, u ma nistaʼ nagħmel xejn biex ngħinkom’? Le, hu “ppreżenta l-każ tagħhom quddiem Ġeħova.” (Num. 27:2-5) X’qal Ġeħova? Lil Mosè qallu: “Il-bniet taʼ Selofeħad qed jgħidu sew. Għandek assolutament tagħtihom  wirt f’nofs ħut missierhom, u trid tgħaddi wirt missierhom lilhom.” Ġeħova għamel saħansitra iktar minn hekk. Hu qal lil Mosè biex jinkludi dan fil-Liġi, billi tah din l-istruzzjoni: “Jekk imut xi raġel mingħajr ma jkollu iben, tridu tgħaddu wirtu lil bintu.” (Num. 27:6-8; Ġoż. 17:1-6) Minn dakinhar ’il quddiem, in-nisa Iżraelin kollha li ffaċċjaw l-istess sitwazzjoni kienu se jkunu protetti.

15. (a) Ġeħova kif jittratta lil niesu, speċjalment lil dawk li m’għandhomx min jgħinhom? (b) Liema rakkonti Bibliċi oħrajn juru li Ġeħova mhuwiex parzjali?

15 X’deċiżjoni imparzjali u taʼ mħabba! Ġeħova ttratta lil dawn in-nisa, li ma kellhomx min jgħinhom, bid-dinjità, bħalma ttratta lill-Iżraelin li kellhom ċirkustanzi iktar favorevoli. (Salm 68:5) Dan hu biss wieħed minn ħafna rakkonti Bibliċi li juru din il-verità li ssaħħilna qalbna: Ġeħova jittratta lill-qaddejja tiegħu kollha b’mod imparzjali.—1 Sam. 16:1-13; Atti 10:30-35, 44-48.

AĦNA NISTGĦU NIMITAW LIL ĠEĦOVA

16. Kif nistgħu nkunu imparzjali bħal Ġeħova?

16 Kif nistgħu nkunu imparzjali bħal Ġeħova? Ftakar, aħna se nittrattaw lil oħrajn b’mod imparzjali biss jekk nemmnu li kulħadd għandu jiġi trattat b’mod ġust. Forsi int taħseb li ma turix parzjalità. Imma kultant diffiċli nkunu nafu verament kif inħossuna dwar oħrajn. Allura kif tistaʼ ssir taf jekk intix verament imparzjali? Ġesù hu t’eżempju tajjeb għalina. Meta ried ikun jaf x’kienu qed jgħidu n-nies dwaru, hu saqsa lil sħabu: “In-nies min qed jgħidu li hu Bin il-bniedem?” (Mt. 16:13, 14) Forsi tistaʼ tagħżel lil xi ħabib li taf li se jkun onest miegħek u ssaqsih, ‘Taħseb li nittratta lin-nies b’mod ġust? Ħaddieħor iqisni imparzjali?’ Pereżempju, hu għandu mnejn jgħidlek li int kultant tittratta lil nies taʼ ċerta razza aħjar minn razez oħrajn jew li int iktar dħuli maʼ dawk li għandhom iktar flus jew iktar edukazzjoni. Jekk jgħidlek xi ħaġa hekk, x’għandek tagħmel? Itlob lil Ġeħova, u bil-ħrara saqsih biex jgħinek tbiddel il-mod kif tħossok dwar oħrajn biex tkun tixbhu iktar u tittratta lil kulħadd b’imparzjalità.—Mt. 7:7; Kol. 3:10, 11.

17. B’liema modi nistgħu nittrattaw lil oħrajn b’mod imparzjali?

 17 Fil-kongregazzjoni Kristjana, aħna nesprimu x-xewqa tagħna li nimitaw l-imparzjalità taʼ Ġeħova billi nittrattaw lil ħutna kollha bid-dinjità u bil-qalb tajba bl-imħabba. Pereżempju, meta tistieden lill-aħwa f’darek tistaʼ tistieden lil dawk minn kulturi differenti. Jew tistaʼ tinkludi lil dawk li għandhom inqas flus minnek, dawk li tilfu l-imseħbin tagħhom fil-mewt, jew żgħażagħ li m’għandhomx familja fil-verità. (Aqra Galatin 2:10; Ġakbu 1:27.) Iżjed minn hekk, fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna, aħna naqsmu l-aħbar tajba maʼ kull xorta taʼ nies, inkluż dawk minn pajjiżi barranin. Kemm aħna ferħanin li għandna letteratura Biblika disponibbli b’madwar 600 lingwa. Verament għandna opportunità eċċellenti biex nuru li m’aħniex parzjali!

18. Int kif se turi personalment li tapprezza l-fatt li Ġeħova hu avviċinabbli u imparzjali?

18 Tabilħaqq, hekk kif nieħdu l-ħin biex nirriflettu dwar kemm Ġeħova hu avviċinabbli u imparzjali, l-apprezzament tagħna għalih jikber. Minħabba f’hekk, aħna għandna nkunu rridu nimitaw lil Ġeħova u nuru dawn il-kwalitajiet fil-mod kif nittrattaw lil ħutna u lil dawk li niltaqgħu magħhom fl-ippritkar.

“Ġeħova hu qrib dawk kollha li jsejħulu.”—Salm 145:18 (Ara paragrafu 9)

“Ġeħova Alla tagħkom . . . ma jittratta lil ħadd bil-parzjalità.”—Dt. 10:17 (Ara paragrafu 17)