Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Apprezza l-Ġenerożità u r-Raġunevolezza ta’ Ġeħova

Apprezza l-Ġenerożità u r-Raġunevolezza ta’ Ġeħova

“Ġeħova hu tajjeb maʼ kulħadd, u l-ħniniet tiegħu huma fuq xogħlijietu kollha.”—SALM 145:9.

1, 2. Liema opportunità għandhom il-ħbieb taʼ Ġeħova?

“ILNA miżżewġin kważi 35 sena,” tgħid oħt jisimha Monika. “Jien u żewġi nafu lil xulxin tajjeb ħafna. Però, anki wara dawn is-snin kollha, għadna qed nitgħallmu affarijiet dwar xulxin li ma konniex nafuhom qabel!” Bla dubju, l-istess hu minnu f’ħafna żwiġijiet u ħbiberiji.

2 Aħna nieħdu pjaċir insiru nafuhom aħjar lil dawk li nħobbu. Madankollu, mill-ħbiberiji kollha li nistgħu nikkultivaw, l-ebda waħda mhi iktar importanti mill-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Qatt mhu se nkunu nafu kollox dwaru. (Rum. 11:33) Matul l-eternità kollha, se jkollna l-opportunità u l-ferħ li nkabbru l-apprezzament tagħna għall-kwalitajiet taʼ Ġeħova.—Ekk. 3:11.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

3 L-artiklu taʼ qabel dan għenna nkabbru l-apprezzament tagħna għall-fatt li Ġeħova hu avviċinabbli u imparzjali. Issa ejja nikkunsidraw żewġ kwalitajiet sbieħ oħra taʼ Ġeħova—il-ġenerożità u r-raġunevolezza tiegħu. Dan se jgħinna nifhmu b’mod iktar ċar li “Ġeħova hu tajjeb maʼ kulħadd, u [li] l-ħniniet tiegħu huma fuq xogħlijietu kollha.”—Salm 145:9.

ĠEĦOVA HU ĠENERUŻ

4. Xi jfisser li tkun ġeneruż?

4 Xi jfisser li tkun ġeneruż? It-tweġiba nsibuha fil-kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Atti 20:35: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” Allura bniedem ġeneruż hu xi ħadd li b’ferħ jagħti mill-ħin tiegħu, mill-enerġija tiegħu, u mill-affarijiet li għandu biex jgħin lil oħrajn. Bniedem ma jkunx ġeneruż għax  jagħti rigali kbar u li jqumu l-flus, imma għax meta jagħti xi ħaġa, dan jagħmlu minn qalbu. (Aqra t-2 Korintin 9:7.) Ħadd mhu iktar ġeneruż mill-“Alla l-hieni” tagħna, Ġeħova.—1 Tim. 1:11.

5. Ġeħova b’liema modi juri l-ġenerożità?

5 Ġeħova kif juri l-ġenerożità? Hu jagħti lill-bnedmin kollha kulma jeħtieġu, inkluż lil dawk li għadhom mhumiex qed jaqduh. Tabilħaqq, “Ġeħova hu tajjeb maʼ kulħadd.” Hu “jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin u jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mt. 5:45) Huwa għalhekk li meta l-appostlu Pawlu kien qed ikellem lil xi wħud li ma kinux Kristjani setaʼ jgħid li Ġeħova “għamel it-tajjeb u takom ix-xita mis-sema u l-istaġuni tal-frott u mlielkom qlubkom għalkollox bl-ikel u bil-ferħ.” (Atti 14:17) Jidher ċar li Ġeħova hu ġeneruż mal-bnedmin kollha.—Lq. 6:35.

6, 7. (a) Ġeħova lil min b’mod speċjali jitgħaxxaq jagħtih dak li jeħtieġ? (b) Liema eżempju juri li Ġeħova jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-qaddejja tiegħu?

6 Ġeħova jitgħaxxaq speċjalment meta jagħti lill-qaddejja leali tiegħu dak li jeħtieġu. Is-Sultan David qal: “Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, u madankollu qatt ma rajt lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-ħobż.” (Salm 37:25) Ħafna Kristjani leali raw f’ħajjithom stess kif Ġeħova jieħu ħsiebhom.

7 Pereżempju, ftit tas-snin ilu, pijuniera jisimha Nancy sabet ruħha f’sitwazzjoni diffiċli. “Kelli bżonn $66 [51 ewro] biex inħallas il-kera, li kienet tagħlaqli l-għada,” tiftakar Nancy. “Ma kellix idea minn fejn kont se nġib il-flus. Tlabt dwar il-problema, u mbagħad mort għax-xogħol fejn kont naħdem bħala waitress. Ma stennejtx li ħa naqlaʼ ħafna tipps dik il-lejla għax kienet ġurnata li s-soltu ma tantx kien ikollna nies. Bqajt sorpriża meta f’dik il-lejla daħlu diversi nies fir-restorant. Meta spiċċajt ix-xift u għoddejt it-tipps li kont qlajt, it-total kien $66 [51 ewro].” Nancy hi konvinta li kien Ġeħova li għenha jkollha eżatt dak li kellha bżonn.—Mt. 6:33.

8. X’inhi l-iktar għotja ġeneruża taʼ Ġeħova?

8 L-iktar għotja ġeneruża taʼ Ġeħova hi disponibbli għal kulħadd. X’inhi? Is-sagrifiċċju taʼ Ibnu bħala fidwa. Ġesù qal: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16) F’dan il-kuntest, “id-dinja” tirreferi għall-umanità. Iva, l-iktar għotja ġeneruża taʼ Ġeħova hi miftuħa għal kull min jagħżel li jaċċettaha. Dawk li jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù se jingħataw ħajja taʼ dejjem! (Ġw. 10:10) Din hi l-akbar prova li Ġeħova hu ġeneruż.

 IMITA L-ĠENEROŻITÀ TAʼ ĠEĦOVA

L-Iżraelin ġew inkuraġġiti biex jimitaw il-ġenerożità taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 9)

9. Kif nistgħu nimitaw il-ġenerożità taʼ Ġeħova?

 9 Kif nistgħu nimitaw il-ġenerożità taʼ Ġeħova? Ġeħova “jagħtina kollox b’mod għani għat-tgawdija tagħna”; għaldaqstant, aħna għandna rridu li nkunu ‘lesti biex naqsmu m’oħrajn,’ u b’hekk huma jkunu iktar henjin. (1 Tim. 6:17-19) Aħna nieħdu pjaċir nagħtu rigali lil sħabna u lill-familja tagħna u ngħinu lil dawk fil-bżonn. (Aqra Dewteronomju 15:7.) X’jistaʼ jgħinna niftakru nkunu ġenerużi? Xi wħud iddeċidew li kull meta jingħataw xi rigal, huma jfittxu għal opportunità biex jagħtu rigal lil ħaddieħor. Ħafna minn fost il-poplu taʼ Ġeħova llum huma eżempji tajbin taʼ wħud ġenerużi.

10. Liema hu wieħed mill-aqwa modi kif nistgħu nkunu ġenerużi?

10 Wieħed mill-aqwa modi kif nistgħu nkunu ġenerużi hu billi nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna biex ngħinu u ninkuraġġixxu lil oħrajn. (Gal. 6:10) Biex naraw kif aħna sejrin f’dan, forsi nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Nuri li jien lest nagħti widen lil oħrajn? Jekk xi ħadd isaqsini ngħinu jagħmel biċċa xogħol jew immur inġiblu xi ħaġa, lest jien li nagħti daqqa t’id? Meta kienet l-aħħar darba li faħħart lil xi membru tal-familja jew lil xi ħadd fil-kongregazzjoni?’ Meta ‘nidraw nagħtu,’ aħna żgur li se nersqu eqreb lejn Ġeħova u lejn sħabna.—Lq. 6:38; Prov. 19:17.

11. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nkunu ġenerużi maʼ Ġeħova?

 11 Nistgħu nkunu ġenerużi wkoll maʼ Ġeħova. Il-Bibbja tinkuraġġina biex nonoraw lil Ġeħova “bl-affarijiet prezzjużi” tagħna. (Prov. 3:9) Dawn “l-affarijiet prezzjużi” jinkludu l-ħin, l-enerġija, u l-flus tagħna li nistgħu nużawhom fis-servizz  tiegħu. Anki tfal żgħar jistgħu jitgħallmu jkunu ġenerużi maʼ Ġeħova. “Meta l-familja tagħna tagħmel kontribuzzjoni fis-Sala tas-Saltna, inħallu lil uliedna jitfgħu l-flus fil-kaxxa għall-kontribuzzjonijiet,” jgħid missierhom, Jason. “Huma jieħdu gost jagħmlu dan għax, kif ipoġġuha huma, ikunu qed ‘jagħtu xi ħaġa lil Ġeħova.’” Jekk it-tfal f’età żgħira jindunaw li meta jagħtu lil Ġeħova jkunu ferħanin, huma se jkomplu jkunu ġenerużi miegħu meta jikbru.—Prov. 22:6.

ĠEĦOVA HU RAĠUNEVOLI

12. Xi jfisser li tkun raġunevoli?

12 Kwalità sabiħa oħra taʼ Ġeħova hi r-raġunevolezza. Xi jfisser li tkun raġunevoli? (Titu 3:1, 2) Xi ħadd raġunevoli jkun lest li jċedi. Ma jkollux bżonn dejjem isegwi xi regola. Mhuwiex strett jew aħrax. Jittratta lin-nies bil-ħlewwa u verament jipprova jifhem iċ-ċirkustanzi tagħhom. Hu lest jagħti widen lil oħrajn u, meta jkun xieraq, iħallihom ikollhom jew jagħmlu dak li jixtiequ huma.

13, 14. (a) Ġeħova kif juri r-raġunevolezza? (b) X’nistgħu nitgħallmu dwar ir-raġunevolezza mill-mod kif Ġeħova ttratta lil Lot?

13 Ġeħova kif juri r-raġunevolezza? Hu b’qalb tajba jqis is-sentimenti tal-qaddejja tiegħu, u spiss iħallihom jagħmlu xi ħaġa bil-mod kif jippreferu jagħmluha huma. Pereżempju, ikkunsidra kif Ġeħova ttratta lir-raġel ġust Lot. Meta Ġeħova ddeċieda li kien se jeqred lill-bliet taʼ Sodoma u Gomorra, hu ta lil Lot direzzjoni ċara biex jaħrab lejn il-muntanji. Iżda, għal xi raġuni jew oħra, Lot ittallab maʼ Ġeħova biex iħallih jaħrab xi mkien ieħor. Aħseb ftit—Lot sa wasal biex talab lil Ġeħova jbiddel l-istruzzjonijiet Tiegħu!—Aqra Ġenesi 19:17-20.

14 Meta taqra dan ir-rakkont, forsi taħseb li l-fidi taʼ Lot kienet dgħajfa jew li kien diżubbidjenti. M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova setaʼ jsalvah ikun fejn ikun. Allura Lot ma kellux minn xiex jibżaʼ. Minkejja dan, Lot xorta beżaʼ. Ġeħova rrispetta kif ħassu Lot u ħallieh jaħrab lejn belt oħra, avolja Ġeħova ried jeqred lil din il-belt ukoll. (Aqra Ġenesi 19:21, 22.) Jidher ċar li Ġeħova la hu strett u lanqas aħrax. Hu jċedi u hu raġunevoli.

15, 16. Il-Liġi li Ġeħova ta lil Iżrael kif uriet li hu raġunevoli? (Ara l-istampa tal-bidu.)

15 Il-Liġi li Ġeħova ta lil Iżrael ukoll turi kemm hu raġunevoli. Pereżempju, jekk Iżraeli tant kien fqir li ma setax joffri ħarufa jew gidja bħala sagrifiċċju, setaʼ joffri minflok żewġ gamimiet jew żewġ bċieċen. Imma xi ngħidu jekk Iżraeli tant kien fqir li lanqas kellu biex jixtri żewġ bċieċen? F’dan il-każ, Ġeħova ħallieh joffri ftit dqiq. Però, innota dan id-dettall importanti: Ma setax ikun kwalunkwe dqiq, imma “dqiq fin,” it-tip li kien jintuża għal mistidnin rispettati. (Ġen. 18:6) Dan għala hu sinifikanti?—Aqra Levitiku 5:7, 11.

16 Immaġina ftit li int Iżraeli u li ma tantx għandek flus. Hekk kif tasal ħdejn it-tabernaklu bi ftit dqiq x’toffri bħala sagrifiċċju, int tinnota Iżraelin iktar sinjuri li qed iġibu l-annimali għall-offerta. Forsi tħossok imbarazzat minħabba s-sagrifiċċju żgħir tiegħek. Imbagħad tiftakar li f’għajnejn Ġeħova, l-offerta tiegħek hi taʼ valur kbir. Għala? Raġuni waħda hi li Ġeħova talab li d-dqiq kellu jkun taʼ kwalità tajba. Ġeħova kien bħallikieku qed jgħid lill-Iżraelin iktar foqra: ‘Jien naf li intom ma tifilħux tagħtu daqskemm jistgħu oħrajn, imma naf ukoll li qed tagħtuni l-aqwa tagħkom.’ Dan l-eżempju verament juri li Ġeħova  hu raġunevoli. Ma jitlobx lill-qaddejja tiegħu jagħtu iktar milli jifilħu.—Salm 103:14.

17. Ġeħova liema tip taʼ qima jaċċetta?

 17 Il-ħsieb li Ġeħova hu raġunevoli u li jaċċetta l-qima tagħna meta nagħtuh l-aħjar tagħna jfarraġna. (Kol. 3:23) Oħt Taljana mdaħħla fiż-żmien jisimha Constance qalet: “L-iktar ħaġa li nħobb nagħmel hi li nitkellem m’oħrajn dwar il-Ħallieq tiegħi. Huwa għalhekk li nkompli nipprietka u nikkonduċi studji tal-Bibbja. Kultant jiddispjaċini li ma nistax nagħmel iktar minħabba saħħti. Imma naf li Ġeħova jaf il-limitazzjonijiet tiegħi u li hu jħobbni u japprezza dak li nistaʼ nagħmel.”

IMITA R-RAĠUNEVOLEZZA TAʼ ĠEĦOVA

18. Liema hu mod wieħed kif il-ġenituri jistgħu jimitaw l-eżempju taʼ Ġeħova?

18 Kif nistgħu nimitaw ir-raġunevolezza taʼ Ġeħova? Erġaʼ aħseb dwar il-mod kif Ġeħova ttratta lil Lot. Ġeħova ċertament kellu l-awtorità biex jgħid lil Lot fejn għandu jmur. Imma Ġeħova kien qalbu tajba; ta widen lil Lot hekk kif spjega kif kien qed iħossu, u ħalla lil Lot imur fejn ried hu. Jekk int ġenitur, tistaʼ timita l-eżempju taʼ Ġeħova? Tistaʼ tagħti widen għal dak li jridu wliedek u, fejn ikun xieraq, taqtgħalhom xewqithom? Fuq dan is-suġġett, il-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Settembru, 2007, semmiet li xi ġenituri għandhom mnejn jinvolvu lil uliedhom fid-diskussjoni dwar ir-regoli tad-dar. Pereżempju, il-ġenituri forsi jkunu jridu jagħmlu regola dwar fi xħin it-tfal għandhom jiġu lura d-dar filgħaxija. Il-ġenituri ċertament għandhom l-awtorità jagħmlu dan imma forsi jkellmu lil uliedhom qabel ma jistipulaw il-ħin eżatt. F’xi sitwazzjonijiet, il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li dment li ma jmurx kontra xi ħaġa li tgħid il-Bibbja, m’hemm xejn ħażin li jaġġustaw il-ħin li t-tfal iridu jidħlu d-dar. Meta l-ġenituri jkellmu lil uliedhom qabel ma jagħmlu r-regoli, it-tfal se jifhmuhom aħjar u se jkunu iktar lesti li jobduhom.

19. L-anzjani kif jistgħu jistinkaw biex jimitaw ir-raġunevolezza taʼ Ġeħova?

19 L-anzjani tal-kongregazzjoni jistinkaw biex jimitaw ir-raġunevolezza taʼ Ġeħova billi jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi taʼ sħabhom fit-twemmin. Ftakar li Ġeħova qies taʼ valur anki s-sagrifiċċji li offrew l-Iżraelin iktar foqra. Bl-istess mod, xi aħwa huma limitati ħafna f’dak li jistgħu jagħmlu fil-ministeru, forsi minħabba problemi taʼ saħħa jew età avanzata. Xi ngħidu jekk dawn l-uħud għeżież iħossuhom skuraġġiti minħabba l-limitazzjonijiet tagħhom? L-anzjani jistgħu b’qalb tajba jaċċertawhom li Ġeħova jħobbhom talli jagħtu l-aħjar tagħhom.—Mk. 12:41-44.

20. Xi jfisser li nkunu raġunevoli fis-servizz t’Alla?

20 M’għandniex xi ngħidu, li tkun raġunevoli ma jfissirx li tagħmel inqas fis-servizz t’Alla sempliċement biex ‘tkun ħanin’ miegħek innifsek. (Mt. 16:22) Aħna ma rridux niħduha bil-lajma u mbagħad niddefendu l-attitudni tagħna billi ngħidu li qed inkunu raġunevoli. Minflok, ilkoll kemm aħna għandna bżonn ‘nistinkaw kemm nifilħu’ fis-servizz taʼ Ġeħova. (Lq. 13:24) Allura rridu nkunu bilanċjati. Aħna nagħmlu l-almu tagħna fis-servizz t’Alla u fl-istess ħin niftakru li Ġeħova qatt ma jitlobna nagħtu iktar milli nifilħu. Meta nagħtuh l-aħjar tagħna, nistgħu nkunu ċerti li hu se jkun kuntent. Kemm hi ħaġa sabiħa li naqdu lil Alla tant raġunevoli! Fl-artiklu li jmiss se nitkellmu dwar żewġ kwalitajiet sbieħ oħra taʼ Ġeħova.—Salm 73:28.

“Onora lil Ġeħova bl-affarijiet prezzjużi tiegħek.”—Prov. 3:9 (Ara paragrafu 11)

“Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom kollha.”—Kol. 3:23 (Ara paragrafu 17)