WARA li faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914, il-waqfa newtrali tal-Istudenti tal-Bibbja eventwalment ġibdet l-attenzjoni tad-dinja. (Is. 2:2-4; Ġw. 18:36; Efes. 6:12) Il-qaddejja t’Alla fil-Britannja kif kampaw?

Henry Hudson

L-Att tas-Servizz Militari tal-1916 daħħal il-lieva fil-Britannja għall-irġiel mhux miżżewġin taʼ bejn it-18 u l-40 sena. Sar provvediment biex jiġu eżentati dawk li oġġezzjonaw ġenwinament minħabba “konvinzjonijiet reliġjużi jew morali.” Il-gvern stabbilixxa tribunali biex jiddeterminaw min għandu jingħata l-eżenzjoni u sa liema punt.

F’qasir żmien, madwar 40 Student tal-Bibbja nżammu f’ħabsijiet militari, u 8 ntbagħtu fuq il-front tal-battalja fi Franza. Minħabba din l-azzjoni inġusta, l-aħwa fil-Britannja bagħtu ittra lill-Prim Ministru Herbert Asquith biex jipprotestaw dwar dan it-tfigħ il-ħabs, u bagħtu magħha petizzjoni li kien fiha 5,500 firma.

Imbagħad waslet l-aħbar li dawk it-tmienja li ntbagħtu fi Franza ġew ikkundannati biex jiġu ffuċillati talli rrifjutaw li jiġġieldu fil-gwerra. Imma meta dawn l-aħwa kienu weqfin biex jisparawlhom, is-sentenzi tagħhom ġew mibdulin għal 10 snin ħabs. Huma ntbagħtu lura l-Ingilterra biex jiskontaw is-sentenza tagħhom f’ħabs ċivili.

James Frederick Scott

Il-gwerra kienet għadha sejra u l-lieva bdiet tgħodd ukoll għall-irġiel miżżewġin. Kien hemm każ f’Manchester, l-Ingilterra, li sar biex jiġi stabbilit preċedent u l-akkużat kien Henry Hudson, tabib li kien Student tal-Bibbja. Fit-3 t’Awwissu, 1916, il-qorti qatgħetha li kien naqas minn dmiru, immultatu, u tagħtu f’idejn il-militar. Fl-istess żmien, kien qed jinstemaʼ każ simili ieħor f’Edinburgh, l-Iskozja. James Frederick Scott, pijunier taʼ 25 sena, ma nstabx ħati. Il-gvern appella l-każ imma waqqgħu għax ra li aħjar jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq jerġaʼ każ ieħor f’Londra. Din id-darba ħu jismu Herbert Kipps instab ħati, ġie mmultat, u ngħata f’idejn il-militar.

Sa Settembru tal-1916, total taʼ 264 ħu kienu applikaw biex jiġu eżentati mis-servizz militari. Minnhom, 5 ġew eżentati, 154 intbagħtu jagħmlu xogħol iebes, 23 ingħataw xogħlijiet fil-militar li ma kellhomx x’jaqsmu mal-ġlied, u 82 ingħataw f’idejn il-militar. Xi wħud minn dawn għaddew ġuri u ntbagħtu l-ħabs talli m’obdewx l-ordnijiet. Ħafna nies oġġezzjonaw minħabba t-trattament kiefer li dawn l-irġiel ingħataw fil-ħabs, u b’hekk il-gvern ittrasferiehom minn ħabs militari għal ħabsijiet ċivili fejn kellhom jaħdmu xogħol iebes.

Pryce Hughes

 Edgar Clay u Pryce Hughes, li iktar tard qeda bħala indokratur tal-fergħa fil-Britannja, ħadmu fuq diga f’Wales. Mill-banda l-oħra, Herbert Senior, wieħed mit-tmienja li kienu ntbagħtu lura minn Franza, ġie mitfugħ il-Ħabs taʼ Wakefield f’Yorkshire. Oħrajn skontaw is-sentenzi taʼ xogħol iebes f’kundizzjonijiet ħorox fil-Ħabs taʼ Dartmoor, fejn kien hemm l-akbar grupp taʼ wħud li oġġezzjonaw minħabba l-kuxjenza.

Frank Platt, Student tal-Bibbja li kien aċċetta li jagħmel xogħol fil-militar li ma kellux x’jaqsam mal-ġlied, kellu jħabbat wiċċu maʼ persekuzzjoni ħarxa li damet sejra għal żmien twil meta ntbagħat fuq il-front tal-battalja. Atkinson Padgett, li sar jaf bil-verità ftit wara li daħal fil-militar, ukoll sofra trattament brutali mill-awtoritajiet militari talli rrifjuta li jiġġieled.

Herbert Senior

Għalkemm ħutna f’dak iż-żmien ma kinux fehmu għalkollox x’kienet tinvolvi n-newtralità Kristjana, huma pprovaw jogħġbu lil Alla Ġeħova. Dawk li ssemmew b’isimhom f’dan l-artiklu ħallew eżempju mill-aħjar taʼ newtralità matul ‘siegħa taʼ prova’ li kienet speċjalment diffiċli. (Riv. 3:10)—Mill-arkivji tagħna fil-Britannja.