Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Kienu l-Iżraelin joqtlu lill-kriminali billi jdendluhom maʼ zokk?

Ħafna popli fi żminijiet tal-qedem kienu joqtlu lil ċerti kriminali billi jsammruhom maʼ zokk jew arblu. Ir-Rumani kienu jorbtu jew isammru bniedem bħal dan mal-oġġett tat-tortura, u għandu mnejn kien jibqaʼ ħaj diversi ġranet sakemm ma jkunx jistaʼ jissaporti iżjed l-uġigħ, l-għatx, il-ġuħ, u l-elementi. Ir-Rumani kienu jqisu t-tismir maʼ zokk bħala kastig taʼ mistħija li kien jingħata biss lill-agħar kriminali.

Xi ngħidu għall-ġens taʼ Iżrael tal-qedem? Kienu l-Iżraelin joqtlu lill-kriminali billi jdendluhom maʼ zokk? Il-Liġi Mosajka qalet: “Jekk xi raġel jagħmel dnub li jistħoqqlu s-sentenza tal-mewt, u jingħata l-mewt, u int iddendlu maʼ zokk, il-ġisem mejjet tiegħu m’għandux jibqaʼ l-lejl kollu mdendel maz-zokk; imma qis li tidfnu dak il-jum stess.” (Dt. 21:22, 23) Għalhekk, milli jidher, fi żmien l-Iskrittura Ebrajka, bniedem li kien jistħoqqlu l-mewt kien l-ewwel jinqatel u mbagħad jiddendel maʼ zokk jew siġra.

Rigward dan, Levitiku 20:2 jgħid: “Kull raġel minn ulied Israel, u kull resident barrani li jgħammar bħala barrani f’Israel, li jagħti lil xi ħadd minn uliedu lil Molek, żgur li għandu jingħata l-mewt. In-nies tal-pajjiż għandhom iħaġġruh sakemm imut.” Dawk li kienu “medji taʼ l-ispirti” jew li kellhom “spirtu taʼ tbassir” ukoll kellhom jinqatlu. Kif? Billi “jħaġġruhom.”—Lev. 20:27.

F’Dewteronomju 22:23, 24 naqraw: “Jekk ikun hemm tfajla verġni mgħarrsa maʼ raġel, u raġel ieħor isibha fil-belt u jimtedd magħha, oħorġuhom it-tnejn li huma fil-bieb taʼ dik il-belt u ħaġġruhom sakemm imutu, it-tfajla għar-raġuni li ma werżqitx fil-belt, u r-raġel għar-raġuni li umilja lil mart sieħbu. Għalhekk, trid teqred il-ħażen minn ġo nofsok.” Mela, fost l-Iżraelin tal-bidu, it-tħaġġir kien il-metodu prinċipali kif kienu jinqatlu dawk ħatja taʼ delitt ikrah. *

Milli jidher, fi żmien l-Iskrittura Ebrajka, bniedem li kien jistħoqqlu l-mewt kien l-ewwel jinqatel u mbagħad jiddendel maʼ zokk jew siġra

Dewteronomju 21:23 jgħid li “min jiġi mdendel ikun xi ħaġa misħuta minn Alla.” Il-wiri fil-pubbliku tal-ġisem mejjet tal-bniedem vili ‘misħut minn Alla’ żgur li ħalla effett fuq l-Iżraelin. Tabilħaqq, ġisem taʼ individwu bħal dan imdendel maʼ zokk jew siġra serva bħala twissija għal oħrajn.

^ Par. 6 Ħafna studjużi jaqblu li taħt il-Liġi, kriminal kien jiġi maqtul qabel ma jkunu dendlu ġismu maʼ zokk. Madankollu, hemm evidenza li sal-ewwel seklu, il-Lhud kienu jdendlu lil xi kriminali ħajjin maʼ zokk u jħalluhom imutu hemmhekk.