Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġenituri, Tfal—Ikkomunikaw bl-Imħabba

Ġenituri, Tfal—Ikkomunikaw bl-Imħabba

“Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.” —ĠAK. 1:19.

1, 2. Ġeneralment kif iħossuhom dwar xulxin il-ġenituri u l-ulied, imma kultant liema diffikultà jiffaċċjaw?

“KIEKU b’xi mod kellek issir taf li l-ġenituri tiegħek se jmutu għada, x’kienet tkun l-iktar ħaġa li trid tgħidilhom illum?” Din kienet mistoqsija li saret lil mijiet taʼ tfal fl-Istati Uniti. Minflok ma ffokaw fuq xi problema u nuqqas taʼ qbil li kien hemm bejniethom, xi 95 fil-mija qalu li lill-ġenituri kienu jgħidulhom: “Jiddispjaċini” u “Inħobbkom ħafna.”—For Parents Only, minn Shaunti Feldhahn u Lisa Rice.

2 Ġeneralment, it-tfal iħobbu lill-ġenituri, u l-ġenituri jħobbu lil uliedhom. Dan hu speċjalment minnu f’familji Kristjani. Għalkemm il-ġenituri u l-ulied jixxennqu li jkollhom relazzjoni tajba maʼ xulxin, kultant isibuha diffiċli biex jikkomunikaw. Għala jiġri dan? X’jagħmilha diffiċli biex il-ġenituri u l-ulied jitkellmu dwar ċerti suġġetti? U x’jistgħu jagħmlu l-ġenituri u wliedhom biex itejbu l-komunikazzjoni taʼ bejniethom?

Tistaʼ tqattaʼ iktar ħin mal-familja tiegħek minflok ma tagħmel affarijiet oħra?

‘SIB IL-ĦIN BIEX TIKKOMUNIKA

3. (a) Komunikazzjoni tajba għala hi taʼ sfida għal ħafna familji? (b) F’Iżrael tal-qedem għala ma kinitx problema li l-familji jqattgħu l-ħin flimkien?

3 Ħafna familji jsibuha diffiċli biex ikollhom biżżejjed ħin għal komunikazzjoni tajba. Imma mhux dejjem kien hekk. Mosè lill-missirijiet Iżraelin qalilhom: “Daħħlu sew [il-kliem t’Alla] f’qalb ibnek u tkellem dwaru meta toqgħod bil-qiegħda f’darek u meta timxi fit-triq u meta timtedd u meta tqum.” (Dt. 6:6, 7) It-tfal kienu jew iqattgħu l-ġurnata maʼ ommhom id-dar jew inkella maʼ missierhom fl-għelieqi jew fuq il-post tax-xogħol tiegħu. It-tfal u l-ġenituri kellhom ħafna ħin biex ikunu flimkien u jitkellmu. Minħabba f’hekk, kien faċli għall-ġenituri biex isiru jafu l-bżonnijiet, ix-xewqat, u l-personalità taʼ wliedhom.  Bl-istess mod, kien hemm biżżejjed ħin u opportunitajiet biex l-ulied isiru jafu tajjeb lill-ġenituri tagħhom.

4. X’jagħmilha diffiċli għall-familji llum biex jikkomunikaw?

4 Kemm hi differenti l-ħajja llum! F’xi pajjiżi, it-tfal jibdew imorru l-iskola taʼ età tenera, xi drabi meta jkollhom biss sentejn. Ħafna missirijiet u ommijiet għandhom impjieg ’il bogħod mid-dar. Matul il-ftit ħin li l-ġenituri u l-ulied ikunu flimkien, il-komunikazzjoni trid tikkompeti—u ħafna drabi titlef—mal-kompjuters, it-televixin, jew apparat ieħor. F’ħafna każi, il-ġenituri u l-ulied jgħixu ħajja separata; tistaʼ tgħid li huma stranġieri. Kważi kważi m’hemm l-ebda komunikazzjoni.

5, 6. X’bidliet għamlu xi ġenituri biex ikunu jistgħu jqattgħu iktar ħin maʼ wliedhom?

5 Tistaʼ taħseb f’modi kif tistaʼ tqattaʼ iktar ħin mal-familja tiegħek? (Aqra Efesin 5:15, 16.) Xi familji jiddeċiedu li jillimitaw kemm jaraw televixin u kemm jużaw il-kompjuter. Oħrajn jagħmlu ħilithom biex jieklu flimkien minn tal-inqas darba kuljum. U x’opportunità mill-isbaħ joffri l-arranġament tal-qima tal-familja għall-ġenituri u l-ulied biex jersqu eqreb lejn xulxin u jiddiskutu affarijiet spiritwali flimkien! Imma dan mhuwiex l-uniku ħin li l-familji għandhom iqattgħu flimkien. Għandhom isibu l-ħin biex jitkellmu kuljum. Qabel ma ibnek jitlaq lejn l-iskola, għid xi ħaġa li tinkuraġġih, iddiskuti l-iskrittura tal-jum, jew itlob miegħu. Billi tagħmel hekk, tistaʼ tagħmel differenza kbira fil-ġurnata tiegħu.

6 Xi ġenituri rnexxielhom ibiddlu l-istil taʼ ħajja tagħhom biex iqattgħu iktar ħin maʼ wliedhom. Pereżempju, Laura, * omm taʼ żewġt itfal żgħar, għal din ir-raġuni telqet ix-xogħol full-time li kellha. Hi tgħid: “Filgħodu konna qed noħorġu bil-ġenn biex immorru x-xogħol jew l-iskola. Meta kont nasal lura d-dar  filgħaxija, kont insib li n-nanny tkun diġà raqqdet lit-tfal. Minħabba li tlaqt mix-xogħol ikollna ngħaddu b’inqas flus, imma nħoss li issa naf il-ħsibijiet u l-problemi taʼ wliedi, nismaʼ x’jgħidu fit-talb, u nistaʼ niggwidahom, ninkuraġġihom, u ngħallimhom.”

KUN ĦAFIF BIEX TISMA’2201”

7. Liema lment komuni jsir mill-ulied kif ukoll mill-ġenituri?

7 Wara li intervistaw ħafna żgħażagħ, l-awturi tal-ktieb For Parents Only nnotaw ostaklu ieħor għall-komunikazzjoni. Huma jgħidu: “L-iktar ilment komuni li kellhom it-tfal dwar il-ġenituri tagħhom kien, ‘Ma jisimgħunix.’” Il-ġenituri spiss jgħidu l-istess dwar uliedhom. Biex iżommu komunikazzjoni tajba, il-membri tal-familja għandhom jisimgħu—verament jisimgħu—lil xulxin.—Aqra Ġakbu 1:19.

8. Il-ġenituri kif jistgħu verament jisimgħu lit-tfal tagħhom?

8 Ġenituri, intom verament tisimgħuhom lil uliedkom? Dan jistaʼ jkun diffiċli meta tkun għajjien jew meta l-konversazzjoni ma tkunx tidher importanti għalik. Imma dak li ma jidhirx importanti għalik jistaʼ jkun importanti ħafna għal ibnek. Li ‘tkun ħafif biex tismaʼ’ jfisser li tkun attent mhux biss għal dak li jgħid ibnek imma wkoll għal kif jgħidu. It-ton tal-vuċi, il-ġesti, u l-espressjoni tal-wiċċ jagħtu ħjiel dwar kif it-tifel ikun qed iħossu. Hu importanti wkoll li tistaqsi mistoqsijiet. “Il-ħsieb f’qalb il-bniedem hu bħal ilmijiet fondi, imma min għandu d-dixxerniment se jtellgħu.” (Prov. 20:5) Id-dehen u d-dixxerniment huma speċjalment importanti meta tkun qed tiddiskuti xi ħaġa li t-tfal tiegħek mhumiex komdi jitkellmu dwarha.

9. It-tfal għala għandhom jisimgħu mill-ġenituri?

9 Tfal, intom tobduhom lill-ġenituri? “Ibni, ismaʼ mid-dixxiplina taʼ missierek,” tgħid il-Kelma t’Alla, “u titlaqx il-liġi t’ommok.” (Prov. 1:8) Ftakar, il-ġenituri tiegħek iħobbuk u jixtiqulek il-ġid; għalhekk ikun għaqli li tismagħhom u tobdihom. (Efes. 6:1) Ikun iktar faċli li tobdi meta jkun hemm komunikazzjoni tajba u meta tkun taf li int maħbub. Lill-ġenituri għidilhom kif tkun qed tħossok. Dan se jgħinhom jifhmuk. M’għandniex xi ngħidu, trid tipprova tifhem lilhom ukoll.

10. X’nitgħallmu mir-rakkont Bibliku taʼ Reħobogħam?

10 Meta tiġi biex tieħu xi parir mingħand xi ħadd tamparek, jeħtieġ li toqgħod attent. Forsi huma jgħidulek dak li int tixtieq tismaʼ, imma l-parir tagħhom jistaʼ ma jkunx t’għajnuna. Fil-fatt, jistaʼ saħansitra jkun taʼ ħsara għalik. Minħabba li m’għandhomx l-għerf u l-esperjenza taʼ wħud ikbar fl-età, ħafna żgħażagħ ma jarawx kif id-deċiżjonijiet li jagħmlu issa jistgħu jeffettwawhom ħażin fil-futur. Ftakar fl-eżempju taʼ Reħobogħam, iben is-Sultan Salamun. Meta sar is-sultan t’Iżrael, kien ikun għaqli għalih li kieku mexa skont il-parir tax-xjuħ. Minflok, hu ħa l-parir li xejn ma kien għaqli tal-irġiel żgħażagħ li kien trabba magħhom. B’hekk, il-maġġoranza tan-nies fis-saltna tiegħu rribellaw kontrih. (1 Slat. 12:1-17) Tkunx bħal Reħobogħam. Tkellem mal-ġenituri tiegħek dwar il-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħek. Ħu l-parir tagħhom u bbenefika mill-għerf tagħhom.—Prov. 13:20.

11. X’jistaʼ jiġri jekk il-ġenituri ma jkunux avviċinabbli?

11 Ġenituri, jekk ma tridux li wliedkom imorru għand dawk tamparhom  għall-pariri, kunu avviċinabbli billi tagħmluhielhom faċli biex ikellmukom. Oħt żagħżugħa kitbet: “Lanqas nilħaq insemmi isem taʼ ġuvni li l-ġenituri ma ttihomx rashom. Imbagħad jien ma nħossnix komda u ma nkomplix nitkellem.” Oħt żagħżugħa oħra kitbet: “Ħafna adoloxxenti jridu l-pariri tal-ġenituri, imma jekk il-ġenituri ma jiħduhomx bis-serjetà, it-tfal se jmorru għand xi ħaddieħor, anke jekk ikollu inqas esperjenza.” Jekk int lest li tismaʼ lit-tfal tiegħek u tara kif jaħsbuha fuq kwalunkwe suġġett, aktarx li se ssib li jiftħu qalbhom miegħek u jaċċettaw il-parir tiegħek.

KUN ‘TQIL BIEX TITKELLEM”

12. Ir-reazzjoni tal-ġenituri kif tistaʼ tagħmilha diffiċli għal uliedhom biex jikkomunikaw magħhom?

12 Il-ġenituri jistgħu jagħmluha diffiċli għal uliedhom biex jikkomunikaw magħhom billi juru li huma ddiżappuntati b’dak li jgħidulhom. Bla dubju, il-ġenituri Kristjani jridu jipproteġu lil uliedhom. Dawn l-“aħħar jiem” huma miżgħudin bil-perikli. (2 Tim. 3:1-5) Madankollu, dak li l-ġenituri jqisuh bħala protezzjoni jistaʼ jkun li wliedhom iqisuh esaġerat.

13. Il-ġenituri għala għandhom joqogħdu attenti li ma jkunux pronti biex jesprimu l-opinjoni tagħhom?

13 Il-ġenituri għandhom joqogħdu attenti li ma jkunux pronti biex jesprimu l-opinjoni tagħhom. Veru, mhux dejjem ikun faċli żżomm sieket meta wliedek jgħidulek xi ħaġa li tinkwetak. Imma hu importanti li tismaʼ sew qabel ma twieġeb. L-għaref Sultan Salamun kiteb: “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-kwistjoni, dan ikun bluha min-naħa tiegħu u umiljazzjoni.” (Prov. 18:13) Jekk tibqaʼ kalm u tismaʼ, tistaʼ tifhem għala ibnek ikun qed jgħid “diskors bla ħsieb.” (Ġob 6:1-3) Irid ikollok l-istampa kollha qabel ma tkun f’pożizzjoni biex tgħin. Bħala ġenituri li tħobbu lil uliedkom, użaw widnejkom biex tifhmu u lsienkom biex tfejqu.

14. It-tfal għala għandhom ikunu tqal biex jitkellmu?

14 Tfal, intom ukoll jeħtieġ li ‘tkunu tqal biex titkellmu,’ u mhux toġġezzjonaw mill-ewwel għal dak li jgħidu l-ġenituri, għax huma għandhom ir-responsabbiltà mogħtija minn Alla biex iħarrġukom. (Prov. 22:6) Huma forsi esperjenzaw sitwazzjonijiet bħalma qed tesperjenza int issa. Iktar minn hekk, jiddispjaċihom għall-iżbalji li għamlu meta kienu żgħar u sinċerament iridu jipproteġuk milli tagħmel żbalji simili. Il-ġenituri huma ħbieb tiegħek, mhux għedewwa; iridu jgħinuk, mhux iweġġgħuk. (Aqra Proverbji 1:5.) “Onora lil missierek u lil ommok,” u urihom li int tħobbhom bħalma jħobbuk huma. Dan jagħmilhielhom eħfef biex irabbuk “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.”—Efes. 6:2, 4.

KUN ‘TQIL BIEX TINKORLA”

15. X’se jgħinna biex ma nitilfux il-paċenzja u ma nirrabjawx mal-maħbubin tagħna?

15 Aħna mhux dejjem nuru l-paċenzja maʼ dawk li nħobbu. “Lill-qaddisin u aħwa leali f’unjoni maʼ Kristu f’Kolossi,” l-appostlu Pawlu kitbilhom: “Intom irġiel miżżewġin, ibqgħu ħobbu lin-nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom. Intom missirijiet, iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.” (Kol. 1:1, 2; 3:19, 21) Pawlu ħeġġeġ lill-Efesin: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir.” (Efes. 4:31) Jekk nikkultivaw is-sabar fit-tul, il-ħlewwa, u r-rażan—aspetti tal-frott tal-ispirtu t’Alla—se nkunu  nistgħu nibqgħu kalmi anke meta nkunu stressati.—Gal. 5:22, 23.

16. Ġesù kif ikkoreġa lid-dixxipli tiegħu, u dan għala kien taʼ min jinnotah?

16 Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġesù. Immaġina l-istress immens li kien għaddej minnu fl-aħħar ikla taʼ filgħaxija li kellu mal-appostli. Ġesù kien jaf li fi ftit sigħat kien se jmut mewta agonizzanti u bil-mod. It-taqdis taʼ isem Missieru u s-salvazzjoni tal-umanità kienu jiddependu fuq il-fedeltà tiegħu. Madankollu, waqt dik l-istess ikla, ‘qam argument sħun fost l-appostli dwar min minnhom kien jidher li hu l-akbar.’ Ġesù m’għajjatx magħhom jew kellimhom bl-aħrax. Minflok, bil-kalma kollha rraġuna magħhom. Ġesù fakkarhom li huma kienu baqgħu miegħu fi żminijiet taʼ prova. Għalkemm Satana riedhom f’idejh biex jgħarbilhom bħall-qamħ, Ġesù kien fiduċjuż li huma kienu se jibqgħu leali. Hu saħansitra għamel patt magħhom.—Lq. 22:24-32.

Inti verament tismagħhom lil uliedek?

17. X’se jgħin lit-tfal jibqgħu kalmi?

17 It-tfal ukoll għandhom jibqgħu kalmi. Speċjalment meta jsiru adoloxxenti għandhom mnejn iħossu li l-ġenituri ma jafdawhomx meta jagħtuhom xi istruzzjoni. Avolja kultant jidher li hu hekk, kun af li huma jinkwetaw għalik għax iħobbuk. Jekk bil-kalma tismaʼ minnhom u tikkoopera magħhom, int se tirbaħ ir-rispett tagħhom u se jkollok reputazzjoni li int persuna responsabbli. Imġiba bħal din tistaʼ tirriżulta f’iktar libertà f’ċerti oqsma tal-ħajja. Il-Bibbja turi li bniedem li jibqaʼ kalm hu għaref. “L-istupidu jisfoga r-rabja għalkollox,” jgħid proverbju għaqli, “imma l-għaref iżomm kalm sa l-aħħar.”—Prov. 29:11.

18. L-imħabba kif twassal għal komunikazzjoni tajba?

18 Għalhekk, għeżież ġenituri u tfal taqtgħux qalbkom jekk il-komunikazzjoni fil-familja tagħkom mhijiex tajba daqskemm tixtiquha. Ibqgħu aħdmu fuqha, u komplu mexjin fil-verità. (3 Ġw. 4) Fid-dinja l-ġdida, nies perfetti se jkunu jistgħu jikkomunikaw perfettament, mingħajr nuqqas taʼ qbil u ġlied. Imma għalissa, kull wieħed u waħda minna nagħmlu affarijiet li iktar tard jiddispjaċina li għamilniehom. Iżżommux lura milli tiskużaw ruħkom. Aħfru liberament. Kunu ‘magħqudin flimkien b’mod armonjuż fl-imħabba.’ (Kol. 2:2) L-imħabba għandha l-qawwa. ‘L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba. L-imħabba ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-ħsara. Kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.’ (1 Kor. 13:4-7) Ibqgħu ikkultivaw l-imħabba, u l-komunikazzjoni tagħkom se tikber u ġġib magħha ferħ lill-familja tagħkom u tifħir lil Ġeħova.

^ Par. 6 L-isem ġie mibdul.