Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Int “Żeluż Għal Għemejjel Tajbin”?

Int “Żeluż Għal Għemejjel Tajbin”?

“Kristu Ġesù . . . ta lilu nnifsu għalina biex . . . inaddaf għalih innifsu poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.”—TITU 2:13, 14.

1, 2. Liema unur speċjali għandhom ix-Xhieda taʼ Ġeħova, u int kif tħossok dwar dan?

ĦAFNA jikkunsidrawh unur kbir li jingħataw premju talli jkunu għamlu xi ħaġa speċjali. Pereżempju, xi wħud ingħataw il-Premju Nobel għax għenu żewġ pajjiżi jagħmlu paċi maʼ xulxin. Imma kemm hu unur akbar li tiġi mibgħut minn Alla bħala ambaxxatur jew rappreżentant biex tgħin lin-nies ikunu fil-paċi mal-Ħallieq tagħhom!

2 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna l-uniku poplu li għandu dan l-unur speċjali. Taħt it-tmexxija t’Alla u taʼ Ġesù, aħna nitolbu lin-nies bil-ħrara biex ‘jerġgħu jitħabbu m’Alla,’ jiġifieri jsiru ħbieb tiegħu. (2 Kor. 5:20) Ġeħova qed jużana biex inressqu lin-nies lejh. Bis-saħħa t’hekk, miljuni taʼ nies f’iktar minn 235 pajjiż ġew megħjunin igawdu relazzjoni tajba m’Alla, u b’hekk għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem. (Titu 2:11) Biż-żelu, aħna nistiednu lil ‘kulmin jixtieq jieħu l-ilma tal-ħajja b’xejn.’ (Riv. 22:17) Peress li ngħożżu dan l-inkarigu prezzjuż u nwettquh b’mod diliġenti, bix-xieraq nistgħu nissejħu poplu “żeluż għal għemejjel tajbin.” (Titu 2:14) Ejja issa nikkunsidraw kif iż-żelu tagħna għal għemejjel tajbin jgħinna nressqu lin-nies lejn Ġeħova. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu bix-xogħol tagħna tal-ippritkar.

IMITA Ż-ŻELU TAʼ ĠEĦOVA U TAʼ ĠESÙ

3. X’jassigurana “l-istess żelu taʼ Ġeħova”?

3 Dwar dak li se twettaq il-ħakma tal-Iben t’Alla, Isaija 9:7 jgħid: “L-istess żelu taʼ Ġeħova taʼ l-armati se jagħmel dan.” Dan il-kliem jenfasizza l-interess attiv taʼ Missierna tas-sema fis-salvazzjoni tal-umanità. L-eżempju taʼ żelu taʼ Ġeħova jindika b’mod ċar li x-xogħol tagħna mogħti minn Alla bħala proklamaturi tas-Saltna jistħoqqlu l-appoġġ tagħna b’qalb sħiħa, l-entużjażmu tagħna, u ż-żelu tagħna. Ix-xewqa qawwija biex ngħinu lin-nies isiru jafu lil Alla hi riflessjoni  taż-żelu taʼ Ġeħova. Mela, bħala ħaddiema sħab m’Alla, determinati aħna personalment biex nagħmlu dak kollu li ċ-ċirkustanzi tagħna jippermettulna biex nipproklamaw l-aħbar tajba?—1 Kor. 3:9.

4. Ġesù kif ħalla eżempju perfett taʼ wieħed li baqaʼ żeluż fil-ministeru?

4 Ġesù ħalla eżempju perfett taʼ wieħed li baqaʼ żeluż fil-ministeru. Minkejja li ħafna opponewh u riedu joqtluh, hu żamm iż-żelu tiegħu sa tmiem ħajtu fuq l-art. (Ġw. 18:36, 37) Hekk kif qorob iż-żmien biex imut mewta taʼ sagrifiċċju, id-determinazzjoni taʼ Ġesù biex jgħin lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova intensifikat.

5. Ġesù kif aġixxa fi qbil mat-tixbiha tiegħu tas-siġra tat-tin?

5 Fis-sena 32 E.K., Ġesù ta tixbiha dwar raġel li kellu siġra tat-tin fl-għalqa tad-dwieli tiegħu li ma kinitx tagħti frott. Wara tliet snin, ir-raġel qal lill-ħaddiem tiegħu biex iqaċċatha, imma l-ħaddiem talab biex jingħata iktar żmien ħalli jdemmilha. (Aqra Luqa 13:6-9.) Meta Ġesù qal dan, kienu biss ftit nies li setgħu jitqiesu bħala l-frott tax-xogħol tal-ippritkar tiegħu. Imma kif inhu indikat mit-tixbiha tiegħu, Ġesù uża l-ftit żmien li kien fadallu—madwar sitt xhur—biex jintensifika l-attività tal-ippritkar tiegħu fil-Lhudija u l-Perija. Ftit jiem qabel mewtu, Ġesù beka għax il-maġġoranza tan-nies ‘semgħu imma ma rreaġixxewx.’—Mt. 13:15; Lq. 19:41.

6. Għala għandna nintensifikaw l-attività tagħna fil-ministeru?

6 Meta nqisu kemm aħna qrib it-tmiem, mhuwiex vitali li nintensifikaw l-isforzi tagħna fl-ippritkar? (Aqra Danjel 2:41-45.) Xi privileġġ grandjuż hu li tkun wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova! Aħna l-uniku poplu fuq l-art li joffri tama taʼ soluzzjonijiet reali għall-problemi tal-umanità. Waħda li tikteb fil-gazzetti reċentement qalet li għall-mistoqsija, “Għala jiġru affarijiet ħżiena lil nies tajbin?” m’hemmx tweġiba. Huwa d-dmir u l-privileġġ Kristjan tagħna li naqsmu t-tweġibiet tal-Bibbja għall-mistoqsijiet bħal dawn maʼ dawk kollha li huma lesti li jisimgħu. Għandna kull raġun biex ‘inkunu mħeġġin bl-ispirtu’ hekk kif inwettqu l-inkarigu li tana Ġeħova. (Rum. 12:11) Bil-barka tiegħu, l-ippritkar żeluż tagħna jistaʼ jgħin lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova u jħobbuh.

IS-SAGRIFIĊĊJI TAGĦNA JONORAW LIL ĠEĦOVA

7, 8. Is-sagrifiċċji tagħna kif jonoraw lil Ġeħova?

7 Bħalma hu indikat mill-esperjenzi tal-appostlu Pawlu, il-ministeru tagħna jistaʼ jwassal għal “iljieli bla rqad” u “żminijiet mingħajr ikel.” (2 Kor. 6:5) Dawn l-espressjonijiet jagħtu stampa ċara taʼ sagrifiċċju persunali u għandhom mnejn ifakkruna fil-pijunieri li jpoġġu l-ministeru tagħhom l-ewwel post f’ħajjithom waqt li jmantnu lilhom infushom finanzjarjament. Ikkunsidra wkoll il-missjunarji devoti tagħna li ‘jferrgħu lilhom infushom bħal offerta tax-xorb’ biex jgħinu lin-nies f’pajjiżi barranin. (Flp. 2:17) U xi ngħidu għall-anzjani tagħna li jaħdmu iebes u li kultant ma jiklux jew ma jorqdux sew biex jieħdu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġeħova? Għandna wkoll lill-uħud imdaħħlin fiż-żmien u lil dawk b’saħħa batuta li jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jattendu l-laqgħat Kristjani u jieħdu sehem fil-ministeru. Qlubna jimtlew bl-apprezzament meta naħsbu dwar dawn il-qaddejja t’Alla li jagħmlu tant sagrifiċċji. Anki oħrajn barra l-kongregazzjoni jinnotaw kemm hu importanti għalina l-ministeru tagħna.

8 F’ittra lil gazzetta fir-Renju Unit, qarrej mhux Xhud taʼ Ġeħova kiteb: “In-nies qed jitilfu l-fidi tagħhom fir-reliġjon . . . X’joqogħdu jagħmlu dawn il-mexxejja tal-knisja l-ġurnata kollha? Żgur li ma  jmorrux jiltaqgħu man-nies bħalma għamel Kristu . . . L-unika reliġjon li donnha jimpurtaha hi dik tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Huma jmorru jiltaqgħu man-nies u jinvolvu ruħhom b’mod ġenwin f’li jxandru l-verità.” F’din id-dinja fejn kulħadd moħħu biex ipaxxi lilu nnifsu, is-sagrifiċċji persunali tagħna jonoraw ħafna lil Alla Ġeħova.—Rum. 12:1.

Billi sempliċement inkunu preżenti fil-ministeru nagħtu xhieda qawwija lil dawk li josservawna

9. X’jistaʼ jgħinna nkunu żelużi għal għemejjel tajbin fil-ministeru tagħna?

9 Madankollu, x’nistgħu nagħmlu jekk donnu qed nitilfu ż-żelu tagħna għall-ministeru? Se jkun t’għajnuna jekk nirriflettu fuq dak li Ġeħova qed iwettaq permezz tax-xogħol tal-ippritkar. (Aqra Rumani 10:13-15.) Is-salvazzjoni tiddependi milli n-nies isejħu isem Ġeħova bil-fidi, imma mhux se jagħmlu hekk jekk ma nippritkawlhomx. Dan għandu jqanqalna nibqgħu żelużi għal għemejjel tajbin u nkunu diliġenti f’li nipproklamaw l-aħbar tajba tas-Saltna.

KONDOTTA TAJBA TIĠBED LIN-NIES LEJN ALLA

L-onestà u x-xogħol iebes tiegħek jiġu nnotati

10. Għala nistgħu ngħidu li l-kondotta tajba tagħna tiġbed lin-nies lejn Ġeħova?

10 Għalkemm iż-żelu hu importanti fil-ministeru, waħdu mhux biżżejjed biex jiġbed lin-nies lejn Alla. It-tieni ħaġa li tgħin lin-nies hi l-kondotta tajba tagħna bħala Kristjana. Pawlu enfasizza l-importanza tal-kondotta tagħna meta kiteb: “Bl-ebda mod m’aħna noħolqu xi raġuni għal tfixkil, biex ħadd ma jsib xi jgħid fil-ministeru tagħna.” (2 Kor. 6:3) Il-kliem u l-kondotta tajbin tagħna jsebbħu t-tagħlim t’Alla b’tali mod li jiġbdu lil oħrajn lejn il-qima taʼ Ġeħova. (Titu 2:10) Infatti, spiss nisimgħu dwar nies li jwieġbu għall-verità meta jarawna nimitaw lil Kristu.

11. Għala għandna nikkunsidraw bit-talb l-effett tal-kondotta tagħna?

11 Għalkemm nirrikonoxxu li l-azzjonijiet tagħna jistgħu jħallu effett tajjeb  fuq in-nies, anki l-kuntrarju hu possibbli. B’hekk, sew jekk qegħdin ix-xogħol, id-dar, jew l-iskola, irridu nevitaw li nagħmlu xi ħaġa li biha nbiegħdu lil xi ħadd minn Ġeħova. Jekk nipprattikaw id-dnub għax irridu, il-konsegwenzi persunali jkunu diżastrużi. (Ebr. 10:26, 27) Dan il-ħsieb għandu jqanqalna nikkunsidraw bit-talb dak li qed nagħmlu u kif qed jeffettwa lil oħrajn. Hekk kif il-livelli morali taʼ din id-dinja qed jitbaxxew, għandu jkun faċli għan-nies sinċieri biex jaraw id-distinzjoni “bejn wieħed li jaqdi lil Alla u wieħed li ma qdiehx.” (Mal. 3:18) Iva, il-kondotta Kristjana mill-aħjar tagħna għandha rwol importanti f’li ngħinu lin-nies isiru ħbieb t’Alla.

12-14. Meta nissaportu oppożizzjoni, oħrajn kif għandhom mnejn iħarsu lejn il-verità? Agħti eżempju.

12 Meta kiteb lill-Korintin, Pawlu semma li hu kien sofra tribulazzjonijiet, diffikultajiet, swat, u ġie mitfugħ il-ħabs. (Aqra t-2 Korintin 6:4, 5.) Meta aħna nesperjenzaw provi tal-fidi, is-sabar tagħna jistaʼ jgħin lil dawk li josservawna biex jaċċettaw il-verità. Biex nagħtu eżempju: Xi snin ilu, kien sar sforz biex jiġu eliminati x-Xhieda taʼ Ġeħova f’parti mill-Angola. Żewġ Xhieda mgħammdin u 30 individwu li kienu qed jattendu l-laqgħat tagħna ġew imsawtin bil-frosta minn xi opponenti sakemm ħarġulhom id-demm. Saħansitra sawtu lin-nisa u t-tfal. Dan sar quddiem in-nies tal-lokal li ġew imġegħlin jaraw dan. L-intenzjoni kienet li jbeżżgħu lin-nies ħalli ħadd ma jagħti widen lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma wara li sawtuhom, ħafna membri tal-komunità avviċinaw lix-Xhieda u talbu biex ikollhom studju tal-Bibbja fid-dar. Wara dan, ix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna avvanza, u kien hemm żieda notevoli u ħafna barkiet.

13 Dan l-eżempju juri li meta n-nies jaraw il-kuraġġ tagħna waqt li nkunu għaddejjin minn prova, għandhom mnejn jiddeċiedu li jaċċettaw il-verità. Il-kuraġġ taʼ Pietru u tal-appostli l-oħrajn għandu mnejn inkuraġġixxa lil xi nies biex isiru ħbieb t’Alla. (Atti 5:17-29) Fil-każ tagħna, sħabna tal-iskola, sħabna tax-xogħol, jew membri tal-familja tagħna għandhom mnejn jaċċettaw il-verità għax jarawna nuru l-kuraġġ meta niffaċċjaw oppożizzjoni.

14 Dejjem ikun hemm xi aħwa li jesperjenzaw persekuzzjoni. Pereżempju, fl-Armenja, madwar 40 ħu qegħdin il-ħabs minħabba n-newtralità tagħhom, u x’aktarx għaxriet oħrajn se jiġu mitfugħin il-ħabs fix-xhur li ġejjin. Fl-Eritrea, 55 Xhud taʼ Ġeħova qegħdin il-ħabs, u xi wħud minnhom għandhom iktar minn 60 sena. Fil-Korea t’Isfel, madwar 700 Xhud huma priġunieri minħabba t-twemmin tagħhom. Din is-sitwazzjoni ilha sejra iktar minn 60 sena. Ejja nitolbu biex il-lealtà taʼ ħutna li qed jiġu persegwitati f’diversi pajjiżi ġġib glorja lil Alla u tgħin lil dawk li jħobbu s-sewwa biex jaċċettaw il-verità.—Salm 76:8-10.

15. Agħti eżempju taʼ kif il-fatt li ngħixu ħajja onesta jistaʼ jiġbed lil oħrajn lejn il-verità.

15 Il-fatt li ngħixu ħajja onesta wkoll għandu mnejn jiġbed lin-nies lejn il-verità. (Aqra t-2 Korintin 6:4, 7.) Pereżempju, ikkunsidra din l-esperjenza: Waqt li oħt kienet qed titfaʼ l-flus fil-magna tal-biljetti fuq tal-linja, mara li tafha qaltilha li ma kienx hemm għalfejn tħallas il-biljett ladarba ma kinitx se ddum fuq tal-linja. L-oħt spjegat li jkun xieraq li tħallas il-biljett, anki jekk għal stage wieħed biss. Wara dan, ħabibitha niżlet minn fuq tal-linja. Imbagħad ix-xufier dar lejn l-oħt u staqsieha, “Jaqaw int waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova?” “Iva,” wieġbet hi. “X’ġiegħlek tistaqsi?” “Smajtkom titkellmu dwar il-ħlas tal-biljett, u naf li x-Xhieda taʼ Ġeħova huma fost il-ftit nies li jagħmlu  hekk u huma onesti f’kollox.” Ftit xhur wara, raġel avviċina lill-oħt f’laqgħa u qalilha, “Qed tagħrafni? Jien ix-xufier tal-karozza tal-linja li tkellimt miegħek dwar il-ħlas tal-biljett. Meta osservajt il-kondotta tiegħek, iddeċidejt li nibda nistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova.” Meta n-nies sewwa jaraw li aħna onesti, huma jafdaw l-aħbar tajba li nippritkaw.

DEJJEM URI KWALITAJIET LI JONORAW LIL ALLA

16. X’jistaʼ jirriżulta meta nuru kwalitajiet bħas-sabar fit-tul, l-imħabba, u l-qalb tajba? Agħti eżempju.

16 Aħna nistgħu niġbdu lin-nies lejn Ġeħova meta nuru kwalitajiet bħas-sabar fit-tul, l-imħabba, u l-qalb tajba. Xi wħud li josservawna jistgħu jitħajru jitgħallmu dwar Ġeħova, l-iskopijiet tiegħu, u l-poplu tiegħu. Hemm kuntrast kbir bejn l-attitudni u l-kondotta taʼ Kristjani veri u s-sempliċi turija minn barra taʼ devozzjoni lejn Alla taʼ dawk li l-qima tagħhom mhijiex ħlief ipokrisija. Xi mexxejja reliġjużi saru għonja billi b’qerq jisirqu lis-segwaċi tagħhom u jużaw ħafna mill-flus li jiksbu minn dan biex jixtru djar u karozzi li jiswew il-belli liri—u f’każ wieħed, post fejn jorqod il-kelb bl-arja kundizzjonata. Tabilħaqq, ħafna li jsostnu li huma segwaċi taʼ Kristu ma jobdux il-kmand tiegħu biex ‘jagħtu b’xejn.’ (Mt. 10:8) Minflok, bħall-qassisin ħżiena taʼ Iżrael tal-qedem, huma “jitolbu l-ħlas biex jgħallmu”—u ħafna minn dak li jgħallmu mhuwiex skritturali. (Mik. 3:11) Imġiba ipokrita bħal din maʼ tħabbeb lil ħadd m’Alla.

17, 18. (a) Kif nistgħu nonoraw lil Ġeħova bl-imġiba tagħna? (b) Xi jqanqlek tkompli tagħmel għemejjel tajbin?

17 Min-naħa l-oħra, it-tagħlim Kristjan ġenwin u l-għemejjel tajbin li jsiru lill-proxxmu jqanqlu l-qlub. Pereżempju, jum minnhom waqt li pijunier kien qed jipprietka minn dar għal dar, armla mdaħħla fiż-żmien riedet teħles minnu malajr. Qaltlu li meta ċempel il-qanpiena, hi kienet fuq sellum fil-kċina tipprova tbiddel bozza. “Hu perikoluż li tagħmel dan waħdek,” qalilha l-ħu. Imbagħad il-pijunier bidlilha l-bozza u kompla fi triqtu. Meta bin il-mara sar jaf b’dan, tant baqaʼ impressjonat li pprova jsib lil ħu sabiex jirringrazzjah. Eventwalment, aċċetta studju tal-Bibbja.

18 Għala int determinat li tkompli tagħmel għemejjel tajbin? Forsi għax taf li meta nuru żelu għall-ministeru tagħna u naġixxu fi qbil mar-rieda t’Alla, se nonoraw lil Ġeħova u nistgħu ngħinu lil oħrajn isalvaw. (Aqra l-1 Korintin 10:31-33.) Raġuni oħra għala aħna żelużi fil-ministeru u nġibu ruħna kif jixraq hi għax verament irridu nuru l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn oħrajn. (Mt. 22:37-39) Jekk aħna żelużi għal għemejjel tajbin, se niġu premjati bil-kbir b’ferħ u sodisfazzjon issa. Iktar minn hekk, nistgħu nħarsu ’l quddiem għal dak il-jum meta l-umanità kollha se turi żelu għall-qima vera biex tonora lill-Ħallieq tagħna, Ġeħova.