Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Għala Ħajjitna Għandha Skop Veru

Għala Ħajjitna Għandha Skop Veru

MALLI twieled ibni Gary fl-1958, ħassejt li kien hemm xi ħaġa ħażina. Madankollu, it-tobba damu għaxar xhur biex isibu x’kellu u kellhom jgħaddu ħames snin oħra qabel ma l-ispeċjalisti f’Londra kkonfermaw dan. Kemm ħassejtni mnikkta meta binti, Louise, li twieldet disaʼ snin wara Gary, kellha sintomi bil-wisq iktar serji minn tiegħu.

“It-tobba tawni l-aħbar bil-ġentilezza kollha: “Iż-żewġt itfal tiegħek għandhom il-marda LMBB, * u sfortunatament m’hemmx kura għaliha.” Dak iż-żmien, ftit li xejn kien jafu dwar din il-marda ġenetika rari. Xi karatteristiki tagħha jinkludu vista batuta li twassal biex wieħed jitlef id-dawl, l-obeżità, swabaʼ tal-idejn u/jew tas-saqajn iktar milli suppost, żvilupp iktar bil-mod, problemi taʼ koordinazzjoni, dijabete, artrite fl-għadam, u kliewi difettużi. Għalhekk, biex nieħu ħsieb uliedi kienet se tkun sfida kbira. Skont studju reċenti, ġie kkalkulat li 1 minn kull 125,000 ruħ fil-Britannja jbati minn din il-marda, għalkemm ħafna iktar għandhom mnejn ibatu minn forma mhux daqshekk qawwija tagħha.

ĠEĦOVA JSIR POST FL-GĦOLI TAʼ SIGURTÀ” GĦALINA”

Ftit wara li żżewwiġt tkellimt maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, u mill-ewwel għaraft li kienet il-verità. Imma żewġi ma kienx interessat. Minħabba x-xogħol tiegħu, konna dejjem nivvjaġġaw minn post għal ieħor, u għalhekk ma stajtx nassoċja maʼ ebda kongregazzjoni. Minkejja dan, komplejt naqra l-Bibbja u nitlob lil Ġeħova. X’faraġ kien għalija meta qrajt li “Ġeħova jsir post fl-għoli taʼ sigurtà għal kulmin hu mfarrak, post fl-għoli taʼ sigurtà fi żminijiet taʼ niket” u li ‘żgur li ma jitlaqx lil dawk li jfittxuh’!—Salm 9:9, 10.

Gary kellu vista batuta, u għalhekk taʼ sitt snin intbagħat jgħix f’kulleġġ għal edukazzjoni speċjalizzata. Dan il-kulleġġ kien mal-kosta tan-Nofsinhar tal-Ingilterra. Hu kien spiss iċempilli meta kien ikollu xi ħaġa tinkwetah, u minn fuq it-telefown stajt ngħinu jifhem xi prinċipji bażiċi tal-Bibbja. Ftit snin wara li twieldet Louise, imradt jien bl-isklerożi multipla u bil-fibromijalġija. Taʼ 16-il sena, Gary ġie lura d-dar mill-kulleġġ. Iżda, il-vista tiegħu baqgħet sejra dejjem lura, u ġie ddikjarat uffiċjalment agħma fl-1975. Fl-1977 żewġi telaqna.

Ftit wara li Gary ġie lura, ingħaqadna maʼ kongregazzjoni li turi ħafna mħabba, u jien tgħammidt fl-1974. Kont grata ħafna meta anzjan beda jgħin lil Gary jkampa mal-bidliet fiżiċi li kien għaddej minnhom fis-snin tal-adoloxxenza. Xi Xhieda oħrajn għenuni fil-faċendi tad-dar u, eventwalment, is-servizzi soċjali tal-lokal ħatru ħamsa minnhom bħala assistenti biex jipprovdulna l-għajnuna fid-dar. X’barka kienet din għalina!

Gary kompla jagħmel ħafna progress fil-verità u tgħammed fl-1982. Hu xtaq ħafna jsir pijunier awżiljarju. Għalhekk, jien iddeċidejt li nakkumpanjah f’dan ix-xogħol u komplejt nagħmel dan għal diversi snin. Ibni kien ferħan ħafna meta, xi ftit taż-żmien wara, l-indokratur tas-circuit tagħna staqsieh, “Gary, għala ma ssirx pijunier regulari? Dan kien l-inkuraġġiment li Gary kellu bżonn, u fl-1990 ġie aċċettat bħala pijunier regulari.

 Gary għamel żewġ operazzjonijiet f’ġenbejh, l-ewwel waħda fl-1999 u t-tieni fl-2008, imma l-problemi taʼ saħħa taʼ Louise kienu bil-wisq iktar serji. Hi twieldet għamja għalkollox, u meta rajtilha sabaʼ żejjed f’sieqha, irrealizzajt li hi wkoll kellha l-marda tal-LMBB. It-testijiet li sarulha ma damux ma wrew difetti serji f’ħafna mill-organi interni tagħha wkoll. Matul is-snin, kellha tagħmel operazzjonijiet serji, ħamsa minnhom fil-kliewi. Bħal Gary, hi għandha d-dijabete.

Peress li hi konxja tad-diffikultajiet li jistgħu jqumu meta jkun hemm bżonn taʼ xi operazzjoni, Louise tkellem minn qabel lill-kirurgi, lill-anestesjoloġi, u lit-tim tal-amministrazzjoni biex tispjegalhom id-deċiżjonijiet tagħha rigward proċeduri mediċi mingħajr demm. B’hekk, hi għandha relazzjoni tajba maʼ dawk kollha li tant jieħdu ħsieb il-problemi fiżiċi tagħha.

ĦAJJITNA GĦANDHA SKOP

Id-dar tagħna hi ċentru t’attività, fejn kulħadd hu ffokat fuq il-qima taʼ Ġeħova. Qabel ma kien disponibbli t-tagħmir elettroniku modern, kont inqattaʼ ħafna sigħat naqralhom lil Gary u lil Louise. Issa s-CDs, id-DVDs, u r-rekordings minn www.jw.org jagħmluhielna possibbli biex nibbenefikaw mill-iskeda taʼ kull ġimgħa tal-istudju tal-Bibbja f’ħinijiet differenti, u nistgħu nikkummentaw fil-laqgħat Kristjani.

Kemm aħna grati għall-veritajiet prezzjużi fil-Kelma ispirata taʼ Ġeħova!

Kultant, Gary jitgħallem it-tweġibiet tiegħu bl-amment, u jekk ikollu taħdita fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku jagħtiha fi kliemu. Fl-1995, inħatar qaddej ministerjali u dejjem ikollu ħafna x’jagħmel fis-Sala tas-Saltna—jilqaʼ lill-aħwa tal-kongregazzjoni u jieħu ħsieb is-sistema tas-sawnd.

L-aħwa jaħdmu maʼ Gary fil-ministeru, u spiss imexxuh bis-siġġu tar-roti li juża minħabba l-artrite. Wieħed minnhom għenu jagħmel studju tal-Bibbja maʼ persuna interessata. Gary inkuraġġixxa wkoll lil oħt li kienet ilha inattiva għal 25 sena. Dawn iż-żewġ individwi issa qed jattendu l-laqgħat Kristjani.

Taʼ disaʼ snin, in-nanna taʼ Louise għallmitha taħdem is-suf, u jien u waħda mill-assistenti li jipprovdulna l-għajnuna għallimnieha tirrakkma. Peress li għadha tieħu gost ħafna bix-xogħol tal-idejn, hi taħdem gvieret tas-suf kuluriti għat-trabi kif ukoll għall-membri anzjani tal-kongregazzjoni. Hi tagħmel ukoll kartolini billi tuża stampi żgħar li jeħlu. Kull min jirċievi l-kartolini jieħu gost bihom. Meta saret adoloxxenti tgħallmet tittajpja. Issa, bl-għajnuna taʼ kompjuter speċjali li jitkellem, hi tikkuntattja regolarment lil ħbiebha bl-e-mail. Louise tgħammdet meta kellha 17-il sena. Matul kampanji speċjali taʼ ppritkar, nieħdu gost naqdu bħala pijunieri awżiljarji flimkien. Bħal Gary, Louise titgħallem skritturi bl-amment biex tesprimi l-fidi tagħha fil-wegħdi t’Alla taʼ dinja li fiha se “jinfetħu għajnejn l-għomja,” u “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Is. 33:24; 35:5.

Kemm aħna grati għall-veritajiet prezzjużi fil-Kelma ispirata taʼ Ġeħova! Qlubna huma mimlijin gratitudni għall-appoġġ kollu mħabba tal-kongregazzjoni tagħna, għax mingħajr dan l-appoġġ ħafna mill-attivitajiet li nagħmlu ma jkunux possibbli. U speċjalment minħabba l-għajnuna taʼ Ġeħova, ħajjitna għandha skop veru.

^ Par. 5 Il-marda Laurence-Moon-Bardet-Biedl issemmiet għall-erbaʼ tobba li skoprew din il-marda ġenetika li tintiret mingħand iż-żewġ ġenituri. Illum hi magħrufa l-iktar bħala s-sindromu Bardet-Biedl. M’hemmx kura għaliha.