Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

‘Tegħjewx’

‘Tegħjewx’

“Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb.”—GAL. 6:9.

1, 2. Il-fiduċja tagħna kif tiżdied meta nimmeditaw fuq l-organizzazzjoni universali taʼ Ġeħova?

HUWA tal-għaġeb meta nqisu li aħna parti minn organizzazzjoni universali vasta. Il-viżjonijiet li hemm f’Eżekjel kapitlu 1 u f’Danjel kapitlu 7 jagħtu stampa ċara daqs il-kristall taʼ kif Ġeħova qed jaħdem biex iwettaq l-iskop tiegħu. Ġesù qed jieħu t-tmexxija tal-parti viżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Hu qed jidderiġiha biex tiffoka fuq li tipprietka l-aħbar tajba, tieħu ħsieb spiritwalment dawk li qed iwettqu dan ix-xogħol, u tippromwovi l-qima vera taʼ Ġeħova. X’fiduċja jagħtina dan fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova!—Mt. 24:45.

2 Qegħdin aħna personalment inżommu l-pass maʼ din l-organizzazzjoni meraviljuża? L-entużjażmu tagħna għall-verità qiegħed dejjem jiżdied jew qed jonqos? Meta nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet, forsi ninnotaw li bdejna negħjew jew forsi tlifna xi ftit miż-żelu tagħna. Dan jistaʼ jiġri. Fl-ewwel seklu, l-appostlu Pawlu kellu jħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani biex jikkunsidraw l-eżempju żeluż taʼ Ġesù. Pawlu qal li dan kien se jgħinhom biex ‘ma jegħjewx u jċedu f’ruħhom.’ (Ebr. 12:3) Fl-aħħar artiklu ddiskutejna x-xogħol meraviljuż li qed tagħmel illum l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Sewwasew bħalma l-eżempju taʼ Kristu inkuraġġixxa lill-Kristjani fl-ewwel seklu, l-eżempju tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova jistaʼ jgħinna llum sabiex nissaportu fis-servizz t’Alla u nżommu ż-żelu tagħna.

3. X’inhu meħtieġ sabiex ma negħjewx, u x’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

3 Madankollu, Pawlu indika li għandna bżonn xi ħaġ’oħra sabiex ma negħjewx. Hu stqarr li rridu nibqgħu “nagħmlu dak li hu tajjeb.” (Gal. 6:9) B’hekk, għandna bżonn naġixxu. Ejja nikkunsidraw ħames affarijiet li rridu nagħmlu biex nibqgħu żelużi u nżommu l-pass mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Imbagħad inkunu nistgħu niddeċiedu personalment  jekk aħna jew il-familji tagħna għandhomx bżonn jaħdmu biex jitjiebu f’xi ftit minn dawn l-affarijiet.

NILTAQGĦU FLIMKIEN GĦALL-INKURAĠĠIMENT U GĦALL-QIMA

4. Għala nistgħu ngħidu li l-laqgħat tagħna flimkien huma parti importanti mill-qima vera?

4 Il-laqgħat minn dejjem kienu attività prinċipali għall-qaddejja taʼ Ġeħova. Fis-sema, Ġeħova jiltaqaʼ mal-anġli. (1 Slat. 22:19; Ġob 1:6; 2:1; Dan. 7:10) F’Iżrael tal-qedem, il-ġens kellu jinġabar ‘sabiex jismaʼ u sabiex jitgħallem.’ (Dt. 31:10-12) Il-Lhud fl-ewwel seklu kellhom id-drawwa li jmorru fis-sinagogi biex jaqraw mill-Iskrittura. (Lq. 4:16; Atti 15:21) Il-laqgħat baqgħu jkunu importanti meta ġiet ifformata l-kongregazzjoni Kristjana, u għadhom importanti ferm fil-qima tagħna. Il-Kristjani veri ‘jagħtu kas xulxin biex jitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.’ Għandna bżonn nibqgħu ‘ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif naraw joqrob il-jum taʼ Ġeħova.’—Ebr. 10:24, 25.

5. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin fil-laqgħat tagħna?

5 Mod importanti kif ninkuraġġixxu lil xulxin hu billi nieħdu sehem fil-laqgħat tagħna. Pereżempju, nistgħu nwieġbu l-mistoqsija għall-paragrafu, nikkummentaw fuq xi skrittura, jew ngħidu xi esperjenza fil-qosor li turi kif jgħinuna l-prinċipji tal-Bibbja. (Salm 22:22; 40:9) Żgur li taqbel li ilek kemm ilek tattendi l-laqgħat, tibqaʼ tinkuraġġixxi ruħek meta tismaʼ kummenti mill-qalb li jagħmlu ħutna rġiel u nisa—mill-kbir saż-żgħir.

6. Il-laqgħat tagħna kif jgħinuna nibqgħu attivi spiritwalment?

6 Il-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet tagħna jgħinuna b’ħafna modi oħrajn. Pereżempju, jgħinuna biex ikollna l-kuraġġ nippritkaw saħansitra meta n-nies fit-territorju tagħna jopponuna jew ma jkunux iridu jagħtuna widen. (Atti 4:23, 31) It-taħditiet u partijiet oħrajn ibbażati fuq il-Bibbja jsaħħulna l-fidi. (Atti 15:32; Rum. 1:11, 12) It-tagħlim u l-inkuraġġiment li nirċievu fil-laqgħat għall-qima jgħinuna nesperjenzaw l-hena veru u jagħtuna “l-kwiet saħansitra f’jiem taʼ gwaj.” (Salm 94:12, 13) Il-Kumitat tat-Tagħlim tal-Ġemgħa li Tiggverna jindokra l-preparazzjoni tal-programmi spiritwali kollha għall-istruzzjoni tal-poplu taʼ Ġeħova madwar id-dinja. Kemm nistgħu nkunu grati għall-provvedimenti li jsiru għalina biex ingawdu tagħlim li jibnina fil-laqgħat tagħna kull ġimgħa tas-sena!

7, 8. (a) X’inhu l-iskop primarju tal-laqgħat tal-kongregazzjoni tagħna? (b) Il-laqgħat kif jgħinuk spiritwalment?

7 Madankollu, hemm xi ħaġa saħansitra iktar importanti mill-benefiċċji persunali li nirċievu mil-laqgħat tagħna. L-iskop primarju tal-laqgħat flimkien hu biex inqimu lil Ġeħova. (Aqra Salm 95:6.) Xi privileġġ għandna li nfaħħru lil Alla meraviljuż tagħna! (Kol. 3:16) Ġeħova jixraqlu li nqimuh regolarment permezz tal-attendenza u tal-parteċipazzjoni tagħna fil-laqgħat teokratiċi. (Riv. 4:11) Mela, mhux taʼ b’xejn li niġu mħeġġin biex “ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud”!—Ebr. 10:25.

8 Narawhom il-laqgħat Kristjani tagħna bħala provvediment li jgħinna nissaportu sakemm Ġeħova jaġixxi kontra din is-sistema mill-agħar? Jekk iva, il-laqgħat se jkunu fost “dak li hu iktar importanti” u li nagħmlu l-wisaʼ għalih fil-ħajja mgħaġġla tagħna. (Flp. 1:10) Dment li ma jkunx hemm raġuni serja, qatt m’għandna nitilfu xi laqgħa.

 FITTEX LIL DAWK TAʼ QALB ONESTA

9. Kif nafu li x-xogħol tal-ippritkar hu importanti?

9 Is-sehem sħiħ tagħna fix-xogħol tal-ippritkar jgħinna wkoll biex inżommu l-pass mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ġesù beda dan ix-xogħol meta kien fuq l-art. (Mt. 28:19, 20) Minn dakinhar ’l hawn, l-ippritkar u x-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli kienu u għadhom fost l-iktar attivitajiet importanti tal-organizzazzjoni kollha taʼ Ġeħova. Ħafna esperjenzi juruna li l-anġli qed jappoġġaw ix-xogħol tagħna u qed jiggwidawna biex insibu lil ‘dawk kollha li għandhom attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem.’ (Atti 13:48; Riv. 14:6, 7) U l-iskop kollu tal-parti viżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova hu li torganizza u tappoġġa x-xogħol tal-ippritkar. Huwa dan ix-xogħol fost l-iktar affarijiet importanti għalik ukoll?

10. (a) Agħti eżempju taʼ kif nistgħu nibqgħu entużjasti għall-verità. (b) Il-ministeru kif għenek biex ma tegħjiex?

10 Iż-żelu fil-ministeru jgħinna nibqgħu entużjasti għall-verità. Ikkunsidra l-kummenti taʼ Mitchel, li ilu żmien twil jaqdi bħala anzjan u pijunier regulari. Hu jgħid: “Inħobb nitkellem man-nies dwar il-verità. Naħseb dwar xi artiklu ġdid fit-Torri tal-Għassa jew fi Stenbaħ! u nibqaʼ mmeraviljat bl-għerf, id-dehen, u l-bilanċ perfett f’kull ħarġa. Ikolli sebaʼ mitt sena biex noħroġ fil-ministeru ħalli nara kif se jirreaġixxu n-nies u kif nistaʼ nqanqlilhom l-interess. Il-ministeru jżommni stabbli. Inwarrab ħin għall-ministeru u nagħmel ċert li kull ħaġ’oħra ssir qabel  jew wara dak il-ħin.” Bl-istess mod, li jkollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz sagru jistaʼ jgħinna nissaportu f’dawn l-aħħar jiem.—Aqra l-1 Korintin 15:58.

IBBENEFIKA MILL-PROVVEDIMENTI SPIRITWALI

11. Għala għandna naqraw il-pubblikazzjonijiet tagħna u nimmeditaw fuq dak li naqraw?

11 Ġeħova pprovdielna abbundanza taʼ ikel spiritwali biex isaħħaħna. Bla dubju, tistaʼ taħseb f’meta qrajt xi pubblikazzjoni u mbagħad għedt: ‘Dak kien preċiż dak li kelli bżonn! Huwa bħallikieku Ġeħova kitbu proprju għalija persunali!’ Dan ma jiġrix b’kumbinazzjoni. Permezz taʼ dawn il-provvedimenti, Ġeħova tassew jistruwina u jiggwidana. Hu qal: “Se nagħtik id-dehen u nistruwik dwar it-triq li għandek taqbad.” (Salm 32:8) Nagħmlu aħna l-almu tagħna biex naqraw il-pubblikazzjonijiet kollha li nirċievu u nimmeditaw fuq dak li naqraw? Dan se jgħinna nissaportu u nżommu ż-żelu tagħna fis-servizz t’Alla f’dawn l-aħħar jiem diffiċli.—Aqra Salm 1:1-3; 35:28; 119:97.

12. X’jistaʼ jgħinna napprezzaw il-provvedimenti spiritwali tagħna?

12 Aħna se napprezzaw iktar il-pubblikazzjonijiet tagħna jekk naħsbu dwar ix-xogħol kollu involut biex isiru. Il-Kumitat tal-Kitba tal-Ġemgħa li Tiggverna jindokra l-proċess tar-riċerka, tal-kitba, tal-qari tal-provi, tal-għażla tal-istampi, u tat-traduzzjoni taʼ kull pubblikazzjoni li nistampaw jew li nitfgħu fil-Websajt tagħna. Il-fergħat tal-istampar jibagħtu l-letteratura lill-ħafna kongregazzjonijiet fit-territorju tagħhom. Dan ix-xogħol kollu għala jsir? Sabiex in-nies taʼ Ġeħova jiġu mitmugħin sewwa spiritwalment. (Is. 65:13) Jalla nibbenefikaw mill-ikel spiritwali kollu li nirċievu permezz tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.—Salm 119:27.

APPOĠĠA L-ARRANĠAMENTI TAL-ORGANIZZAZZJONI

13, 14. Min qed jappoġġa l-arranġamenti taʼ Ġeħova fis-smewwiet, u kif nistgħu nuru appoġġ simili fuq l-art?

13 Fil-viżjoni li ngħatat lill-appostlu Ġwanni, lil Ġesù narawh riekeb fuq żiemel abjad biex jirbaħ lil dawk li jirribellaw kontra Ġeħova. (Riv. 19:11-15) Kemm isaħħilna l-fidi li nkunu nafu li preċiż wara Ġesù hemm l-anġli leali u miegħu hemm il-midlukin leali li ġew irxoxtati biex imorru fis-sema! (Riv. 2:26, 27) X’eżempju mill-aqwa għalina biex nappoġġaw l-arranġamenti taʼ Ġeħova!

14 Bl-istess manjiera, il-folla l-kbira jappoġġaw bis-sħiħ ix-xogħol taʼ ħut Kristu l-midlukin li għadhom fuq l-art u li llum jieħdu t-tmexxija fl-organizzazzjoni. (Aqra Żakkarija 8:23.) Kif nistgħu nuru individwalment li nappoġġaw l-arranġamenti taʼ Ġeħova? Mod wieħed hu billi nkunu sottomessi lejn dawk li jieħdu t-tmexxija. (Ebr. 13:7, 17) Dan jibda fil-kongregazzjoni tagħna stess. B’dak li ngħidu dwar l-anzjani ninkuraġġixxu aħna lil ħaddieħor biex jirrispetta lilhom u x-xogħol li jagħmlu? Ngħallmu aħna lil uliedna biex jirrispettaw lil dawn l-irġiel leali u biex jagħtu widen għall-pariri tagħhom? Iżjed minn hekk, niddiskutu aħna bħala familja kif nistgħu nużaw il-finanzi tagħna ħalli nappoġġaw ix-xogħol madwar id-dinja permezz tad-donazzjonijiet tagħna? (Prov. 3:9; 1 Kor. 16:2; 2 Kor. 8:12) Barra minn hekk, ngħinu biex is-Sala tas-Saltna nżommuha nadifa u fi stat tajjeb? Meta Ġeħova jara li qed nappoġġaw lill-organizzazzjoni b’dawn il-modi, hu jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu. Permezz taʼ dan l-ispirtu nirċievu għajnuna kontinwa biex ma negħjewx f’dawn l-aħħar jiem.—Is. 40:29-31.

 GĦIX B’TALI MOD LI JOGĦĠOB LIL ALLA

15. Għala rridu nikkumbattu kontinwament biex nagħmlu dak li hu tajjeb?

15 Finalment, biex nissaportu u nibqgħu nżommu l-pass mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova, irridu ngħixu b’tali mod li jogħġob lil Alla billi ‘naċċertaw ruħna dwar x’inhu aċċettabbli għall-Mulej.’ (Efes. 5:10, 11) Minħabba l-imperfezzjoni tagħna u l-isforzi taʼ Satana u taʼ din id-dinja mill-agħar, qed nikkumbattu kontinwament kontra l-influwenzi negattivi f’ħajjitna. Xi wħud minnkom, għeżież ħutna, għandkom ġlieda iebsa kuljum biex iżżommu l-ħbiberija tagħkom maʼ Ġeħova. Ġeħova jħobbkom minħabba l-isforzi li tagħmlu. Taqtgħux qalbkom! Li ngħixu ħajjitna f’armonija mal-iskop taʼ Ġeħova jagħtina sodisfazzjon kbir u jiżgurana li l-qima tagħna mhijiex għalxejn.—1 Kor. 9:24-27.

Stinka biex tgħin lil oħrajn jifhmu li huma wkoll jistgħu jagħmlu parti mill-organizzazzjoni vasta taʼ Ġeħova

16, 17. (a) X’għandna nagħmlu jekk inkunu kkommettejna xi dnub serju? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju taʼ Anne?

16 Madankollu, x’għandna nagħmlu jekk inkunu kkommettejna xi dnub serju? Niksbu l-għajnuna malajr kemm jistaʼ jkun. Jekk inħallu l-kwistjoni moħbija, inkunu qed niggravaw l-affarijiet. Ftakar li David qal li meta baqaʼ sieket dwar dnubietu, ‘għadmu ttiekel minħabba l-krib tiegħu l-jum kollu.’ (Salm 32:3) Iva, li naħbu dnubiet serji sempliċement se jġegħelna negħjew emozzjonalment u spiritwalment, imma jekk ‘nistqarruhom u nitilquhom nintwerew ħniena.’—Prov. 28:13.

17 Ikkunsidra l-eżempju taʼ Anne. * Meta Anne kienet fl-aħħar snin tal-adoloxxenza tagħha kienet taqdi bħala pijuniera regulari. Madankollu, bdiet tgħix ħajja doppja. Dan effettwaha ħafna, u kellha kuxjenza ħatja. Hi tgħid, “Ma kont ferħana xejn u ħassejtni dipressa l-ħin kollu.” X’għamlet? Hi tistqarr li darba minnhom fil-laqgħa ġiet diskussa l-iskrittura taʼ Ġakbu 5:14, 15. Anne rrealizzat li kellha bżonn l-għajnuna, u għalhekk marret għand l-anzjani. Meta tħares lura, hi tgħid: “Dawk l-iskritturi huma bħal riċetta tat-tabib miktuba minn Ġeħova għall-fejqan spiritwali. Il-mediċina ma tkunx faċli biex tniżżilha, imma tassew tfejjaq. Jien tajt kas il-parir li hemm f’dawn il-versi, u rnexxieli nfiq.” Għaddew xi snin u Anne qed terġaʼ taqdi lil Ġeħova biż-żelu u b’kuxjenza nadifa.

18. X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?

18 Xi privileġġ li ngħixu f’dawn l-aħħar jiem u li nkunu parti mill-organizzazzjoni inkredibbli taʼ Ġeħova! Ejja nkunu determinati li dejjem napprezzaw dak li għandna. Għalhekk, ejja naħdmu flimkien bħala familja biex inkunu regulari fil-laqgħat għall-qima mal-kongregazzjoni tagħna, biex infittxu bir-reqqa lil dawk taʼ qalb onesta fit-territorju tagħna, u biex ngħożżu l-provvedimenti regulari taʼ ikel spiritwali li nirċievu. Ejja wkoll nappoġġaw lil dawk li jieħdu t-tmexxija u ngħixu b’tali mod li jogħġob lil Ġeħova. Jekk nagħmlu dan, mhux biss inkunu qed inżommu l-pass mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova imma wkoll qatt ma se negħjew nagħmlu dak li hu tajjeb!

^ Par. 17 L-isem ġie mibdul.