Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Ħamsin Sena ta’ Servizz Full-Time Qrib iċ-Ċirku Artiku

Ħamsin Sena ta’ Servizz Full-Time Qrib iċ-Ċirku Artiku

“Huwa faċli għalik li taqdi bħala pijuniera. Il-ġenituri tiegħek it-tnejn fil-verità, u jistgħu jappoġġawk.” Dan il-kliem għednieh lill-ħabiba tagħna li kienet qed taqdi fil-ministeru full-time. “Stenna ftit! Aħna lkoll għandna l-istess Missier,” wieġbet hi. Fit-tweġiba tagħha kien hemm lezzjoni importanti: Missierna tas-sema jieħu ħsieb il-qaddejja tiegħu u jsaħħaħhom. Tabilħaqq, l-esperjenzi li għaddejna minnhom tul ħajjitna wrewna kemm hu minnu dan il-fatt.

 AĦNA trabbejna ġo razzett f’familja b’għaxart itfal fit-Tramuntana taʼ Ostrobothnia, il-Finlandja. It-tfulija tagħna kienet effettwata mit-Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm l-eqqel tal-ġlied kien ’il bogħod ħafna minn fejn konna noqogħdu aħna, il-ħruxijiet tal-gwerra ħallew impatt qawwi fuqna. Meta darba minnhom intefgħu l-bombi bil-lejl fuq il-bliet fil-viċin taʼ Oulu u Kalajoki, rajna dija ħamra fis-swidija tas-sema. Il-ġenituri tagħna kienu jħeġġu lilna t-tfal biex nistaħbew appena naraw l-ajruplani tal-gwerra jittajru fuqna. Għalhekk, l-aħbar li tana ħuna l-kbir Tauno dwar art magħmula ġenna mingħajr inġustizzji, messitilna qalbna.

Tauno tgħallem il-veritajiet Bibliċi meta kellu 14-il sena permezz tal-letteratura tal-Istudenti tal-Bibbja. Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, hu rrifjuta li jidħol fis-servizz militari minħabba l-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja. Ġie mitfugħ il-ħabs fejn ġie ttrattat bi ħruxija. Dan serva biss biex isaħħaħlu d-determinazzjoni tiegħu li jaqdi lil Ġeħova, u wara li nħeles mill-ħabs hu kien saħansitra iktar żeluż fil-ministeru. L-eżempju mill-aqwa taʼ ħuna inkuraġġiena biex immorru l-laqgħat li x-Xhieda kienu jorganizzaw f’raħal fil-viċin. Konna nattendu wkoll il-konvenzjonijiet, għalkemm ridna nagħmlu sforz kbir biex infaddlu biżżejjed flus ħalli nħallsu għall-vjaġġ. Konna nħitu l-ħwejjeġ għall-ġirien tagħna, niżirgħu l-basal, u naqtgħu l-frott mill-foresti. Peress li kien ikollna ħafna x’nagħmlu fir-razzett, normalment ma kienx ikun possibbli li nattendu l-konvenzjonijiet it-tnejn flimkien. Allura, darba tmur waħda, u darba tmur l-oħra.

Mix-xellug: Matti (missier), Tauno, Saimi, Maria Emilia (omm), Väinö (tarbija), Aili, u Annikki fl-1935

Il-veritajiet li tgħallimna dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu saħħewlna mħabbitna lejh, u ddeċidejna li niddedikaw ħajjitna lilu. Fl-1947, it-tnejn li aħna ssimbolizzajna d-dedikazzjoni tagħna bil-magħmudija fl-ilma—Annikki taʼ 15-il sena u Aili taʼ 17-il sena. Anki oħtna Saimi tgħammdet dik is-sena. Studjajna l-Bibbja maʼ oħtna Linnea wkoll, li kienet diġà miżżewġa. Hi u l-familja tagħha saru Xhieda taʼ Ġeħova wkoll. Wara l-magħmudija, iddeċidejna li minn żmien għal żmien naqdu bħala pijunieri għall-vaganzi (jew, awżiljarji).

NIDĦLU FIL-MINISTERU FULL-TIME

Mix-xellug: Eeva Kallio, Saimi Mattila-Syrjälä, Aili, Annikki, u Saara Noponen fl-1949

Fl-1955, morna noqogħdu Kemi, belt li tinsab iktar lejn it-Tramuntana. Għalkemm it-tnejn li aħna konna naħdmu full-time, xorta xtaqna naqdu bħala pijunieri imma konna nibżgħu li mhux se naqilgħu biżżejjed flus biex immantnu lilna nfusna. Kellna l-ħsieb li l-ewwel nitfgħu sold taħt rasna. Kien f’dak iż-żmien li kellna d-diskussjoni mal-pijuniera li ssemmiet fil-bidu. Dan għenna naraw li s-servizz lil Ġeħova full-time ma jiddependix biss minn dak li jkollna jew mill-appoġġ tal-familja tagħna. L-iktar ħaġa importanti hi li nistrieħu fuq Missierna tas-sema.

Fuq vjaġġ għall-konvenzjoni f’Kuopio fl-1952. Mix-xellug: Annikki, Aili, u Eeva Kallio

Dak iż-żmien, kellna biżżejjed flus imfaddlin biex immantnu lilna nfusna għal xahrejn. Għalhekk,  f’Mejju tal-1957, applikajna biex naqdu bħala pijunieri għal xahrejn f’Pello, il-Lapponja, ’il fuq miċ-Ċirku Artiku. Wara xahrejn, kien għad kellna l-flus kollha li konna faddalna, u għalhekk applikajna biex naqdu bħala pijunieri għal xahrejn oħra. Xahrejn wara, xorta kien għad fadlilna l-flus kollha. Issa konna ċerti li Ġeħova kien se jieħu ħsiebna. Wara 50 sena taʼ servizz bħala pijunieri, għad għandna l-flus li konna faddalna! Meta nħarsu lura, inħossu bħallikieku Ġeħova kien qed jaqbdilna jdejna u jgħidilna: ‘Tibżgħux. Jien stess ngħinkom.’—Is. 41:13.

Wara 50 sena taʼ servizz bħala pijunieri, għad għandna l-flus li konna faddalna!

Kaisu Reikko u Aili fil-ministeru tal-għalqa

Fl-1958, l-indokratur tas-circuit staqsiena jekk stajniex immorru naqdu bħala pijunieri speċjali f’Sodankylä, il-Lapponja. F’dak iż-żmien, f’dawk l-inħawi ma kienx hemm Xhieda, ħlief oħt waħda biss. Huwa pjuttost interessanti l-mod kif saret taf bil-verità. Binha kellu ħarġa, organizzata mill-iskola, f’Ħelsinki, il-belt kapitali tal-Finlandja. Hekk kif il-grupp kien għaddej mill-belt, oħt imdaħħla fiż-żmien offriet It-Torri tal-Għassa lit-tifel, li kien l-aħħar wieħed fil-filliera, u talbitu jagħtih lil ommu. It-tifel hekk għamel, u ommu mill-ewwel intebħet li hi l-verità.

Krejna kamra li kienet tinsab fuq impjant għall-isserrar tal-injam. Fiha konna nagħmlu l-laqgħat. Għall-ewwel, konna nkunu biss aħna t-tnejn, l-oħt tal-lokal, u bintha. Konna naqraw il-materjal għall-istudju flimkien. Iktar tard, fl-impjant ġie jaħdem raġel li kien studja l-Bibbja max-Xhieda. Hu u familtu bdew jattendu l-laqgħat magħna. Maż-żmien, kemm hu u kemm martu tgħammdu. Dan il-ħu kien jieħu t-tmexxija fil-laqgħat tagħna. Iktar minn hekk, xi rġiel oħrajn li kienu qed jaħdmu fl-impjant bdew jattendu l-laqgħat u ħaddnu l-verità tal-Bibbja. Ftit tas-snin wara, il-grupp tagħna tant kien kiber li ġiet ifformata kongregazzjoni.

L-IPPRITKAR F’KUNDIZZJONIJIET DIFFIĊLI

Konna nivvjaġġaw distanzi twal biex immorru nippritkaw. Fis-sajf konna mmorru bil-mixi, bir-roti, u saħansitra bid-dgħajjes biex nilħqu lin-nies fit-territorju tagħna. Ir-roti kienu utli ħafna. Konna nużawhom ukoll biex nattendu l-konvenzjonijiet u biex inżuru lill-ġenituri tagħna, li kienu jgħixu mijiet taʼ kilometri ’l bogħod. Fix-xitwa, konna naqbdu tal-linja kmieni filgħodu biex immorru f’xi raħal f’dawk l-inħawi u mbagħad konna nimxu minn dar għal dar. Wara li konna nlestu raħal wieħed, konna nerħulha bil-mixi lejn ir-raħal li jkun imiss. Kultant it-toroq kienu jimtlew b’ħafna borra. Jekk kien ikun diġà għadda xi ħadd mit-triq u jkun ħalla  passaġġ warajh fil-borra, kien ikun iktar faċli għalina biex nimxu. Imma jekk kienet terġaʼ tinżel il-borra, il-passaġġi kienu jerġgħu jinksew. Kmieni fir-rebbiegħa, il-borra kienet taqbad iddub u tirtab, tant li kienet tagħmilhielna diffiċli biex nimxu.

Flimkien fil-ministeru f’ġurnata kiesħa tax-xitwa

Minħabba t-temperaturi kesħin ħafna u l-borra tgħallimna nilbsu b’tali mod li nissaħħnu sew. Konna nilbsu tights tas-suf, żewġ pari kalzetti jew tlieta, u bwiez għoljin. Il-bwiez xorta waħda kienu jimtlew bil-borra. Meta konna naslu ħdejn it-taraġ taʼ xi dar, konna nneħħu l-bwiez u nfarfru l-borra minn ġo fihom. Biex tkompli tgħaxxaqha, aħna u nimxu bi tbatija fil-borra, it-truf tal-kowtijiet twal kienu jixxarrbulna. Meta kienet tagħmel iktar kesħa, it-truf kienu jiffriżaw u jsiru ebsin stanga. Darba, mara tad-dar qaltilna, “Bilfors li għandkom fidi taʼ vera biex ħriġtu tiġġerrew f’dan it-temp minn jeddkom.” Konna mxejna iktar minn 11-il kilometru biex naslu sa dik id-dar.

Minħabba d-distanzi twal, spiss konna ngħaddu l-lejl għand in-nies tal-lokal. Meta kien ikun ħa jaqbad jidlam, konna nibdew nistaqsu lin-nies jekk nistgħux noqogħdu għandhom. Id-djar kienu sempliċi, imma n-nies kienu dħulin u ospitabbli, u mhux talli kienu joffrulna post fejn noqogħdu imma talli kienu joffrulna anki xi ħaġa x’nieklu. Spiss is-sodda tagħna kienet tkun il-ġilda taċ-ċerv jew tal-ors. Kultant konna nieħdu pjaċir għax kien ikollna ftit kumdità. Pereżempju, darba minnhom waħda mara li kienet tgħix f’dar kbira ħaditna fuq u daħħlitna f’kamra u sibna tistenniena sodda sabiħa b’lożor tal-bizzilla nodfa u bojod. Ħafna drabi konna niddiskutu l-Bibbja man-nies tad-dar sa tard filgħaxija. Darba minnhom, aħna u l-koppja li kienu jgħixu fid-dar irqadna f’kamra waħda, huma naħa u aħna oħra. Id-diskussjoni tagħna fuq il-Bibbja magħhom baqgħet għaddejja minn tard bil-lejl sas-sigħat bikrin taʼ filgħodu. Ir-raġel u martu bdew jistaqsuna saħansitra iktar mistoqsijiet, waħda wara l-oħra—darba hu u darba hi.

MINISTERU PREMJANTI

Il-Lapponja hi pajjiż b’ħafna xagħri vojt imma mill-isbaħ, u s-sbuħija tiegħu tvarja skont l-istaġun. Iżda għalina n-nies li tgħallmu dwar Ġeħova kienu saħansitra isbaħ. Fost in-nies sinċieri li tajniehom xhieda kienu rġiel li ġew il-Lapponja biex jaqtgħu s-siġar. Kultant aħna, li t-tnejn ma fina xejn, konna nidħlu f’xi dar u nsibu bosta rġiel m’ogħla hawn. Dawn kienu jilqgħu l-messaġġ tal-Bibbja u jieħdu pjaċir jaqraw il-letteratura tagħna.

Kellna diversi esperjenzi eċċitanti. Jum fost l-oħrajn, l-arloġġ tal-venda tal-karozzi tal-linja kellu ħames minuti ’l quddiem, u allura tlifna tal-linja. Iddeċidejna li naqbdu tal-linja oħra u mmorru f’raħal ieħor. Qatt ma konna ħdimna f’dawk l-inħawi qabel. Fl-ewwel dar iltqajna maʼ mara żagħżugħa li qaltilna, “Hemm intom! Kont qed nistenniekom.” Konna qed nikkonduċu studju tal-Bibbja m’oħtha u kienet talbet lil oħtha tirranġalha biex inżuruha dakinhar stess. Madankollu, dan il-messaġġ qatt ma waslilna. Inbeda studju tal-Bibbja magħha u maʼ  qrabatha li kienu jgħixu f’dar fil-viċin. Ftit wara, għaqqadna dawn l-istudji kollha fi studju wieħed u kien ikollna attendenza taʼ madwar għaxra min-nies. Minn dakinhar ’l hawn, ħafna minn din il-familja saru Xhieda taʼ Ġeħova.

Fl-1965, ġejna assenjati fil-kongregazzjoni fejn qed naqdu bħalissa f’Kuusamo, ftit ’l isfel miċ-Ċirku Artiku. Dak iż-żmien, il-kongregazzjoni kienet tikkonsisti minn ftit pubblikaturi biss. Għall-ewwel, it-territorju l-ġdid tagħna kien jidher kemxejn diffiċli. In-nies kienu reliġjużi ħafna u preġudikati kontrina. Xorta waħda, ħafna wħud kienu jirrispettaw il-Bibbja, u dan kien jipprovdi bażi komuni biex nibnu konversazzjoni. Għalhekk, ftit ftit ipprovajna nsiru nafu lin-nies, u wara madwar sentejn, kien iktar faċli biex nibdew studji tal-Bibbja.

GĦADNA ATTIVI FIL-MINISTERU

Xi wħud li studjajna magħhom

Illum, m’għadx għandna l-enerġija biex inqattgħu ġranet sħaħ fis-servizz tal-għalqa, imma xorta nieħdu sehem fil-ministeru kważi kuljum. Ix-xandir tal-aħbar tajba lin-nies fit-territorju kbir tagħna sar iktar faċli meta Aili, bl-inkuraġġiment tan-neputi tagħna, bdiet titgħallem issuq il-karozza u ġabet il-liċenzja tas-sewqan fl-1987, fl-età taʼ 56 sena. Ksibna iktar għajnuna meta nbniet Sala tas-Saltna ġdida, u morna ngħixu f’appartament maġenbha.

Iż-żieda li rajna b’għajnejna stess iġġibilna ferħ kbir. Meta bdejna naqdu fis-servizz full-time fit-Tramuntana tal-Finlandja, kien hemm biss ftit pubblikaturi mxerrdin ’l hawn u ’l hinn f’dak il-post vast. Issa hemm diversi kongregazzjonijiet f’circuit wieħed. Spiss jiġri li fl-assembleat jew fil-konvenzjonijiet, individwu jintroduċi lilu nnifsu magħna u jistaqsina jekk niftakruhx. F’xi każijiet, konna nikkonduċu studju tal-Bibbja fid-dar tiegħu meta kien għadu żgħir. Iż-żerriegħa li kienet inżergħet bosta snin, jew saħansitra għaxriet taʼ snin, qabel kienet tat il-frott!—1 Kor. 3:6.

Nieħdu pjaċir fis-servizz tal-għalqa saħansitra fi ġranet bix-xita

Fl-2008, għalaqna 50 sena taʼ servizz bħala pijunieri speċjali. Nirringrazzjaw lil Ġeħova talli stajna ninkuraġġixxu lil xulxin biex nibqgħu għaddejjin bix-xogħol prezzjuż tiegħu. Ħajjitna kienet sempliċi, imma qatt ma naqasna xejn. (Salm 23:1) Għalxejn konna qgħadna naħsbuha fil-bidu! B’ferħ, matul dawn is-snin kollha, Ġeħova saħħaħna fi qbil mal-wegħda tiegħu f’Isaija 41:10: “Jien inqawwik. Jien ngħinek verament. Jien inżommok sod tassew b’idi l-leminija tas-sewwa.”