Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ibbenefika bis-Sħiħ mill-Qari tal-Bibbja

Ibbenefika bis-Sħiħ mill-Qari tal-Bibbja

“Jien tassew nitgħaxxaq bil-liġi t’Alla.”—RUM. 7:22.

1-3. X’benefiċċji tikseb meta taqra l-Bibbja u tapplika t-tagħlim tagħha?

“NIRRINGRAZZJA lil Ġeħova kull filgħodu talli jgħinni nifhem il-Bibbja.” L-oħt avanzata fl-età li għamlet din l-istqarrija qrat il-Bibbja minn qoxra sa qoxra iktar minn 40 darba, u mhix beħsiebha tieqaf. Oħt iktar żagħżugħa kitbet li permezz tal-qari tal-Bibbja, Ġeħova sar iktar reali għaliha. Minħabba f’hekk, resqet eqreb lejn Missierha tas-sema. Hi qalet, “Qatt ma ħassejtni daqshekk ferħana f’ħajti!”

2 L-appostlu Pietru ħeġġeġ lil kulħadd biex ‘jifforma xenqa għall-ħalib safi tal-kelma.’ (1 Pt. 2:2) Dawk li jissodisfaw din ix-xenqa billi jistudjaw il-Bibbja u japplikaw it-tagħlim tagħha jkollhom kuxjenza nadifa u skop f’ħajjithom. Huma jiżviluppaw ħbiberiji dejjiema m’oħrajn li bħalhom iħobbu u jaqdu lil Alla l-veru. Dawn huma lkoll raġunijiet tajbin biex wieħed ‘jitgħaxxaq bil-liġi t’Alla.’ (Rum. 7:22) Imma hemm saħansitra iktar benefiċċji. X’inhuma xi ftit minnhom?

3 Iktar ma titgħallem dwar Ġeħova u dwar Ibnu, iktar se tikber imħabbtek lejhom u lejn sħabek il-bnedmin. Għarfien Skritturali eżatt jgħinek tifhem kif Alla dalwaqt se jsalva lill-bnedmin ubbidjenti minn din is-sistema li riesqa lejn tmiemha. Int għandek aħbar tajba x’taqsam man-nies fil-ministeru tiegħek. Ġeħova se jbierkek hekk kif tgħallem lil oħrajn dak li tgħallimt mill-qari tal-Kelma t’Alla.

AQRA U MMEDITA

4. Xi jfisser li taqra l-Bibbja “minn taħt l-ilsien”?

4 Ġeħova ma jridx li l-qaddejja tiegħu jaqraw Kelmtu bl-għaġla. Hu qal lil Ġożwè tal-qedem: “Dan il-ktieb tal-liġi m’għandux jitbiegħed minn fommok, u trid taqrah u timmedita fuqu [jew, ‘trid taqrah  minn taħt l-ilsien’] lejl u nhar.” (Ġoż. 1:8, ntt.; Salm 1:2) Ifisser dan li letteralment trid tlissen minn taħt l-ilsien kull kelma li taqra minn Ġenesi sa Rivelazzjoni? Le. Ifisser li għandek taqra bil-mod biżżejjed biex timmedita dwar dak li tkun qed taqra. Il-qari tal-Bibbja “minn taħt l-ilsien” se jgħinek tiffoka fuq siltiet li b’mod partikulari jkunu utli u taʼ inkuraġġiment għalik f’dak il-waqt. Meta ssib frażijiet, versi, jew rakkonti bħal dawn, aqrahom bil-mod, forsi anke billi tlissen il-kliem minn taħt l-ilsien. B’hekk, dak li tkun qed taqra jistaʼ verament imisslek qalbek. Dan għala hu importanti? Għax meta tassew tifhem il-parir t’Alla, se tkun trid tapplikah f’ħajtek.

5-7. Spjega kif il-qari tal-Kelma t’Alla minn taħt l-ilsien jistaʼ jgħinek biex (a) tibqaʼ nadif moralment; (b) tittratta lil oħrajn bil-paċenzja u l-qalb tajba; (ċ) tibni fiduċja f’Ġeħova saħansitra matul żminijiet diffiċli.

5 Ikun t’għajnuna li taqra minn taħt l-ilsien meta tikkunsidra kotba tal-Bibbja li m’intix midħla tagħhom. Pereżempju, immaġina tliet sitwazzjonijiet. L-ewwel, aħseb dwar ħu żagħżugħ li fil-qari persunali tiegħu jasal fil-profezija taʼ Ħosea. F’kapitlu 4, wara li jaqra versi 11 sa 13 minn taħt l-ilsien, jieqaf biex jaħseb ftit. (Aqra Ħosea 4:11-13.) Għala? Dawn il-versi jolqtuh fil-laħam il-ħaj għax fl-iskola kellu pressjoni biex jagħmel affarijiet immorali. Hu jimmedita fuq il-versi u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Ġeħova jara l-affarijiet ħżiena li n-nies jagħmlu anke fil-privat. Ma rridx inweġġgħu.’ Il-ħu jiddeċiedi li jibqaʼ nadif moralment quddiem Alla.

6 Fit-tieni sitwazzjoni, oħt Kristjana qed taqra l-profezija taʼ Ġoel u tasal f’kapitlu 2, vers 13. (Aqra Ġoel 2:13.) Hekk kif taqra minn taħt l-ilsien, hi timmedita dwar kif għandha timita lil Ġeħova, li hu “grazzjuż u ħanin, bil-mod biex jirrabja u għani fil-qalb tajba bl-imħabba.” Tiddeċiedi li tipprova ma titkellimx b’sarkażmu jew b’rabja kif ġieli tagħmel meta titkellem maʼ żewġha u m’oħrajn.

7 It-tielet, immaġina missier Kristjan li tilef l-impjieg u li qed jinkwieta dwar kif se jieħu ħsieb martu u wliedu. F’Naħum 1:7, hu jaqra minn taħt l-ilsien li Ġeħova “jaf b’dawk li jfittxu l-kenn fih” u li jipproteġihom bħal “post taʼ sigurtà f’jum l-hemm.” Dan il-ħsieb iserraħlu moħħu. Hu jirrealizza li Ġeħova jħobb lilu u lil familtu, u għalhekk ma jibqax jinkwieta żżejjed. Imbagħad jaqra vers 15 minn taħt l-ilsien. (Aqra Naħum 1:15.) Il-ħu jinduna li meta jipprietka l-aħbar tajba fi żminijiet diffiċli, ikun qed juri li hu tabilħaqq iqis lil Ġeħova bħala l-post taʼ sigurtà tiegħu. Filwaqt li l-ħu jkompli jfittex xogħol sekulari, issa jħossu mqanqal ukoll biex jappoġġa s-servizz tal-għalqa matul il-ġimgħa.

8. Semmi fil-qosor “djamant” spiritwali li skoprejt fil-qari tal-Bibbja tiegħek.

8 Il-punti t’għajnuna li għadna kemm semmejna huma minn kotba Bibliċi li xi wħud forsi jsibuha diffiċli biex jifhmuhom. Hekk kif teżamina l-kotba taʼ Ħosea, Ġoel, u Naħum bix-xewqa li titgħallem, se tkun tixtieq taqra minn taħt l-ilsien versi oħra minnhom. Immaġina kemm hemm għerf u faraġ maħżunin għalik fil-kitbiet taʼ dawn il-profeti! U xi ngħidu għall-bqija tal-Bibbja? Il-Kelma t’Alla hi bħal minjiera fejn hemm ħafna djamanti fil-fond taħt l-art. Int u taqra l-Bibbja kollha, ibqaʼ fittex id-“djamanti,” jiġifieri, il-gwida u l-inkuraġġiment taʼ valur li fiha!

STINKA BIEX TIFHEM DAK LI TAQRA

9. Kif nistgħu nkabbru l-fehma tagħna dwar ir-rieda t’Alla?

9 Filwaqt li hu importanti li taqra silta mill-Bibbja kuljum, għandek ukoll tikseb  fehma u dehen. Għalhekk, uża tajjeb il-pubblikazzjonijiet tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova biex tagħmel riċerka dwar in-nies, il-postijiet, u l-ġrajjiet li taqra dwarhom. Jew jekk m’intix ċert dwar kif ċertu tagħlim Bibliku jistaʼ jeffettwa ’l ħajtek, tistaʼ titlob l-għajnuna t’anzjan fil-kongregazzjoni jew taʼ Kristjan matur ieħor. Biex nagħtu eżempju li juri l-importanza taʼ li nkabbru l-fehma tagħna, ejja nikkunsidraw l-eżempju taʼ Kristjan fl-ewwel seklu li stinka biex jagħmel preċiż hekk. Kien jismu Apollo.

10, 11. (a) Apollo kif ġie megħjun jitjieb bħala ministru tal-aħbar tajba? (b) X’nistgħu nitgħallmu mir-rakkont dwar Apollo? (Ara l-kaxxa “It-Tagħlim Tiegħek Aġġornat?”)

10 Apollo kien Kristjan Lhudi li kien “midħla sew taʼ l-Iskrittura” u “mħeġġeġ bl-ispirtu.” Il-ktieb tal-Atti jirrakkonta hekk dwaru: “Beda jitkellem u jgħallem b’eżattezza dwar Ġesù, imma kien jaf biss bil-magħmudija taʼ Ġwanni.” Mingħajr ma induna, Apollo kien qed jgħallem fehma mhix aġġornata dwar il-magħmudija. Wara li semgħuh jgħallem f’Efesu, koppja Kristjana jisimhom Prixilla u Akwila spjegaw “it-triq t’Alla iktar eżatt.” (Atti 18:24-26) Dan kif kien taʼ benefiċċju għal Apollo?

11 Wara li pprietka f’Efesu, Apollo mar l-Akaja. “Meta wasal hemmhekk, kien t’għajnuna kbira għal dawk li kienu emmnu minħabba l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla; għax b’ħeġġa kbira kien jagħti prova bis-sħiħ quddiem kulħadd li l-Lhud kienu żbaljati, waqt li kien juri mill-Iskrittura li Ġesù kien il-Kristu.” (Atti 18:27, 28) Sa dak iż-żmien, Apollo setaʼ jispjega b’mod korrett x’kienet tfisser il-magħmudija Kristjana. B’din il-fehma ġdida, “kien t’għajnuna kbira” għall-uħud ġodda biex jagħmlu progress fil-qima vera. X’nistgħu nitgħallmu minn  dan ir-rakkont? Bħal Apollo, nistinkaw biex nifhmu dak li naqraw mill-Bibbja. Madanakollu, meta ħu jew oħt tal-esperjenza tagħtina xi suġġeriment dwar kif nistgħu ngħallmu b’mod iktar effettiv, aħna rridu naċċettaw din l-għajnuna b’umiltà u gratitudni. Jekk nagħmlu hekk, se nsiru għalliema aħjar.

UŻA DAK LI TITGĦALLEM BIEX TGĦIN LIL ĦADDIEĦOR

12, 13. Kif nistgħu nużaw l-Iskrittura bit-tattika ħalli ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja jagħmlu progress?

12 Bħal Prixilla, Akwila, u Apollo, aħna nistgħu ngħinu lil oħrajn. Kif tħossok meta l-inkuraġġiment tiegħek jgħin lil xi ħadd interessat jegħleb ostaklu li jkun żammu milli jagħmel progress spiritwali? Jew bħala anzjan, kif tħossok meta xi ħadd mill-aħwa jirringrazzjak għal parir Skritturali li għenu matul żmien diffiċli? Bla dubju, il-fatt li nużaw il-Kelma t’Alla biex ngħinu lil ħaddieħor itejjeb ħajtu hu sors taʼ sodisfazzjon u ferħ. * Kif nistgħu nagħmlu dan?

13 Fi żmien Elija, ħafna Iżraelin kienu bejn ħaltejn dwar jekk isegwux il-qima vera jew dik falza. Il-parir taʼ Elija lil dawn in-nies jistaʼ jgħin lil student tal-Bibbja indeċiż li jkun qed iżomm lura milli jagħmel progress spiritwali. (Aqra l-1 Slaten 18:21.) Ikkunsidra sitwazzjoni oħra: Jekk xi ħadd li juri interess jibżaʼ mir-reazzjoni tal-ħbieb jew tal-familja, forsi tistaʼ ssaħħaħlu d-determinazzjoni biex iqim lil Ġeħova billi tirraġuna fuq Isaija 51:12, 13.Aqra.

14. X’se jgħinek tiftakar il-versi tal-Bibbja ħalli tkun tistaʼ tgħin lil ħaddieħor?

14 Jidher ċar li l-Bibbja fiha ħafna kliem li jistaʼ jinkuraġġixxi, jikkoreġi, jew isaħħaħ lil min jaqraha. Imma għandek mnejn taħseb dwar kif tistaʼ tkun taf liema skritturi għandek tuża meta tiġi bżonnhom. Aqra l-Bibbja u mmedita fuq il-ħsibijiet t’Alla kuljum. B’dan il-mod, se ssir iktar u iktar midħla tal-Bibbja, u Ġeħova se jkun jistaʼ juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinek tiftakar dak li tgħid il-Bibbja.—Mk. 13:11; aqra Ġwanni 14:26. *

15. X’se jgħinek tifhem iktar bis-sħiħ il-Kelma t’Alla?

15 Bħas-Sultan Salamun, itlob lil Ġeħova għall-għerf biex twettaq responsabbiltajiet teokratiċi. (2 Kron. 1:7-10) Bħalma għamlu l-profeti tal-qedem, agħmel “stħarriġ bil-għaqal” dwar il-Kelma t’Alla, u ‘fittex bir-reqqa’ fiha għall-għarfien eżatt dwar Ġeħova u r-rieda tiegħu. (1 Pt. 1:10-12) L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex jistudja “l-kliem tal-fidi u taʼ l-aqwa tagħlim.” (1 Tim. 4:6) Billi tagħmel dan, se tkun f’pożizzjoni mill-aqwa biex tgħin lil oħrajn spiritwalment. Fl-istess ħin, se tkattar il-fidi tiegħek stess.

IL-QARI TAL-BIBBJA JIPPROTEĠINA

16. (a) Il-Bereani kif ibbenefikaw għax “eżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum”? (b) Għala hu importanti li naqraw il-Bibbja kuljum?

16 Il-Lhud li kienu jgħixu fil-belt taʼ Berea kellhom id-drawwa li ‘jeżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura kuljum.’ Meta Pawlu pprietka l-aħbar tajba lil dawn il-Lhud, huma qabblu dak li qal maʼ dak li kienu jafu dwar l-Iskrittura. X’kien ir-riżultat? Ħafna minnhom saru konvinti li kien qed jgħallem il-verità u “emmnu.” (Atti 17:10-12) Dan jurina li l-qari tal-Bibbja  kuljum jgħinna nibnu fidi soda f’Ġeħova. Fidi bħal din, “l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom,” hi vitali jekk irridu ngħaddu ħajjin għal ġod-dinja l-ġdida t’Alla.—Ebr. 11:1.

17, 18. (a) Il-fidi soda u l-imħabba kif jipproteġu lill-qalb figurattiva taʼ Kristjan? (b) It-tama kif tipproteġina mill-periklu?

17 Mhux taʼ b’xejn li Pawlu kiteb: “Aħna li aħna tal-jum, ħa nibqgħu f’sensina u nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba u bħala elmu t-tama tas-salvazzjoni.” (1 Tess. 5:8) Jeħtieġ li l-qalb taʼ suldat ikollha l-protezzjoni mill-għadu. Bl-istess mod, jeħtieġ li l-qalb figurattiva taʼ Kristjan tiġi mħarsa mill-qawwa tad-dnub. X’jiġri meta qaddej taʼ Ġeħova jkollu kemm fidi soda fil-wegħdi t’Alla kif ukoll imħabba Lejh u lejn il-proxxmu? Qaddej bħal dan ikun qed jilbes kurazza spiritwali tal-ogħla kwalità. Hu jagħmel kulma jistaʼ biex jibqaʼ jkun approvat minn Alla.

18 Pawlu semma wkoll elmu, “it-tama tas-salvazzjoni.” Fi żminijiet Bibliċi, jekk suldat ma kienx jipproteġi rasu, setaʼ faċilment jitlef ħajtu fil-battalja. Imma b’elmu tajjeb, anke jekk kien jaqlaʼ xi daqqiet f’rasu, ma kien ikollu l-ebda ferita gravi. Meta nistudjaw il-Kelma taʼ Ġeħova, aħna nibnu l-fidi fl-abbiltà tiegħu li jsalvana. Fidi soda tgħinna nirreżistu l-apostati u d-“diskors vojt” tagħhom li jinxtered bħall-kankru. (2 Tim. 2:16-19) It-tama tagħna se ssaħħaħna wkoll biex nevitaw kondotta ħażina.

IL-QARI TAL-BIBBJA JGĦINNA NISSAPORTU FL-AĦĦAR JIEM

19, 20. Għala napprezzaw bil-kbir il-Kelma t’Alla, u kif nuru dan l-apprezzament? (Ara l-kaxxa “Ġeħova Jagħtini Eżatt Dak li Neħtieġ.”)

19 Hekk kif noqorbu iktar lejn tmiem din is-sistema, irridu nistrieħu saħansitra iktar fuq il-Kelma taʼ Ġeħova. Il-pariri li niksbu minnha jgħinuna naqtgħu vizzji ħżiena u nikkontrollaw it-tendenzi midinba tagħna. L-inkuraġġiment u l-faraġ li tagħtina se jgħinuna negħlbu l-provi li jgħadduna minnhom Satana u d-dinja tiegħu. Aħna nistgħu nibqgħu fit-triq li tagħti għall-ħajja grazzi għall-gwida li Ġeħova jipprovdi f’Kelmtu.

20 Ftakar li r-rieda t’Alla hi li l-“bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati.” Il-qaddejja taʼ Ġeħova huma fost dawn il-“bnedmin taʼ kull xorta”—l-istess bħalma huma dawk li forsi ngħinu permezz tax-xogħol tagħna tal-ippritkar u t-tagħlim. Imma kull min jixtieq jikseb is-salvazzjoni jrid jikseb “l-għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Tim. 2:4) Għaldaqstant, li nsalvaw fl-aħħar jiem imur id f’id maʼ li naqraw il-Bibbja u napplikaw l-istruzzjonijiet imnebbħin tagħha. Iva, il-fatt li naqraw il-Bibbja kuljum juri li aħna verament napprezzaw il-Kelma prezzjuża taʼ Ġeħova!—Ġw. 17:17.

^ Par. 12 Naturalment, m’għandniex nużaw il-pariri tal-Bibbja biex nagħmlu pressjoni lil ħaddieħor jew biex nikkundannawh. Għandna nkunu paċenzjużi u nuru qalb tajba maʼ student tal-Bibbja, l-istess bħalma jagħmel magħna Ġeħova.—Salm 103:8.

^ Par. 14 X’tistaʼ tagħmel jekk tiftakar il-kliem ewlieni taʼ xi skrittura imma ma tiftakarx il-ktieb, il-kapitlu, u l-vers? Jekk tfittex dan il-kliem fl-indiċi li hemm fuq wara tal-Bibbja x’aktarx li se ssib l-iskrittura.