Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

‘Aċċertaw Ruħkom Minn Dak li Hu Iktar Importanti’

‘Aċċertaw Ruħkom Minn Dak li Hu Iktar Importanti’

“Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—FLP. 1:10.

1, 2. Liema profezija rigward l-aħħar jiem żgur li qajmet il-kurżità tad-dixxipli taʼ Ġesù, u għala?

PIETRU, Ġakbu, Ġwanni, u Indrì fl-aħħar kienu waħedhom maʼ Sidhom. Moħħhom kien għadu jberren fuq dak li kien għadu kif qal Ġesù rigward il-qerda tat-tempju. (Mk. 13:1-4) Għalhekk, huma staqsewh: “Għidilna, Dan meta se jseħħ, u x’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema?” (Mt. 24:1-3) Ġesù beda jgħidilhom dwar il-ġrajjiet, jew il-kundizzjonijiet, li mhux biss kellhom jirriżultaw f’bidliet kbar fil-ħajja imma wkoll jidentifikaw l-aħħar jiem tas-sistema mill-agħar taʼ Satana. Ġrajja partikulari żgur li qajmet il-kurżità tad-dixxipli taʼ Ġesù. Wara li qalilhom dwar affarijiet terribbli bħalma huma l-gwerer, in-nuqqas taʼ ikel, u ż-żieda kbira fil-ħażen, Ġesù bassar li l-aħħar jiem kellhom ikunu identifikati wkoll minn xi ħaġa pożittiva. Hu qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mt. 24:7-14.

2 Id-dixxipli taʼ Ġesù kienu ħadu pjaċir jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna flimkien maʼ Kristu. (Lq. 8:1; 9:1, 2) Għandhom mnejn ftakru li hu qal: “Tassew, il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema ftit. Għalhekk, itolbu bil-ħrara lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.” (Lq. 10:2) Imma kif kellhom jippritkaw “fl-art abitata kollha” u jagħtu “xiehda lill-ġnus kollha”? Il-ħaddiema minn fejn kellhom jiġu? Kieku setgħu jkunu jafu x’ġej fil-futur, hekk kif kienu bilqiegħda maʼ Ġesù dakinhar, bla dubju kienu jibqgħu mbellhin li jaraw it-twettiq taʼ dan il-ftit kliem li issa naqrawh f’Mattew 24:14!

3. Luqa 21:34 kif qed jitwettaq illum, u x’għandna nistaqsu lilna nfusna?

3 Qed ngħixu fi żmien it-twettiq tal-profezija taʼ  Ġesù. Miljuni taʼ nies qed jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna fl-art kollha. (Is. 60:22) Iżda Ġesù indika li xi wħud kellhom isibuha taʼ sfida li jżommu x-xogħol tal-ippritkar fl-ewwel post f’ħajjithom. Kellhom ikunu aljenati u qlubhom kellhom “jitqalu.” (Aqra Luqa 21:34.) Qed naraw it-twettiq taʼ dan il-kliem ukoll. Xi wħud mill-poplu t’Alla qed jiġu żvijati. Dan jistaʼ jidher fid-deċiżjonijiet li jieħdu rigward ix-xogħol sekulari, l-edukazzjoni ogħla, l-affarijiet materjali, kif ukoll l-ammont taʼ ħin li jqattgħu fl-isports u d-divertiment. Oħrajn qed jegħjew minħabba l-pressjonijiet u l-ansjetajiet tal-ħajja taʼ kuljum. Staqsi lilek innifsek: ‘Jien kif sejjer? Qiegħed inpoġġi r-rieda t’Alla l-ewwel f’ħajti?’

4. (a) Pawlu dwar xiex talab għall-Kristjani ġo Filippi, u għala? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu u fl-artiklu li jmiss, u dawn kif se jgħinuna?

4 Il-Kristjani li għexu fl-ewwel seklu kellhom jistinkaw biex iżommu l-affarijiet spiritwali l-ewwel f’ħajjithom. L-appostlu Pawlu ra l-ħtieġa li jitlob li dawk l-uħud f’Filippi ‘jaċċertaw ruħhom minn dak li hu iktar importanti.’ (Aqra Filippin 1:9-11.) Bħall-appostlu Pawlu, il-maġġoranza tal-aħwa lura f’dak iż-żmien kienu “qed juru iktar u iktar kuraġġ biex jitkellmu l-kelma t’Alla bla biżaʼ.” (Flp. 1:12-14) B’mod simili, il-biċċa l-kbira minna llum jippritkaw il-Kelma t’Alla bil-qlubija. Xorta waħda, konsiderazzjoni taʼ dak li qed jitwettaq issa fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tassew se tgħinna niffokaw saħansitra iktar fuq ix-xogħol tant importanti tal-ippritkar. F’dan l-artiklu, ejja nirriflettu fuq l-arranġament li għandu Ġeħova biex jitwettaq il-kliem taʼ Mattew 24:14. L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuqiex qed tiffoka, u dan kif jimmotiva lilna u lill-familji tagħna? Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw x’jistaʼ jgħinna nissaportu u nsegwu t-tmexxija tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.

IL-PARTI INVIŻIBBLI TAL-ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA

5, 6. (a) Ġeħova għala pprovda viżjonijiet tal-parti inviżibbli tal-organizzazzjoni tiegħu? (b) Eżekjel x’ra fil-viżjoni?

5 Hemm ħafna affarijiet li Ġeħova għażel li ma jinkludix fil-Kelma miktuba tiegħu. Pereżempju, hu ma tax dettalji dwar kif jaħdem il-moħħ jew l-univers, avolja din l-informazzjoni kienet tkun affaxxinanti ħafna! Minflok, Ġeħova pprovdielna tagħrif li neħtieġu sabiex nifhmu l-iskopijiet tiegħu u ngħixu ħajjitna fi qbil magħhom. (2 Tim. 3:16, 17) Kemm hu interessanti li l-Bibbja tgħidilna dwar il-parti inviżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova! Aħna nitgħaxxqu naqraw id-deskrizzjonijiet dwar l-arranġament taʼ Ġeħova fis-sema miktubin fil-kotba taʼ Isaija, Eżekjel, Danjel, u tar-Rivelazzjoni. (Is. 6:1-4; Eżek. 1:4-14, 22-24; Dan. 7:9-14; Riv. 4:1-11) Ġeħova għala ppermettielna nkunu nafu xi affarijiet li qed iseħħu fis-smewwiet?

6 Ġeħova ma jridna qatt ninsew li aħna nagħmlu parti minn organizzazzjoni universali. Qed isir ħafna xogħol minn wara l-kwinti biex jitwettqu l-iskopijiet taʼ Ġeħova. Pereżempju, Eżekjel ra l-parti inviżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova rappreżentata minn karru ċelestjali kbir ħafna. Dan il-karru setaʼ jitħarrek bil-ħeffa u jdawwar ir-rotta f’ħakka t’għajn. (Eżek. 1:15-21) Maʼ kull dawra tiegħu, il-karru setaʼ jkopri distanzi twal. Fil-viżjoni, Eżekjel setaʼ jilmaħ ukoll ir-Rikkieb tal-karru. Hu qal: “Rajt ħaġa tixgħel bħall-metall imħallat mid-deheb u l-fidda, li kienet tidher bħal nar magħluq dawramejt . . . Kienet tixbah il-glorja taʼ Ġeħova.” (Eżek. 1:25-28) Min jaf Eżekjel kif baqaʼ affaxxinat meta ra  din il-viżjoni! Hu ra lil Ġeħova jikkontrolla bis-sħiħ l-organizzazzjoni tiegħu, u jidderiġiha permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. Il-karru li jitħarrek fil-viżjoni jagħti deskrizzjoni mill-isbaħ taʼ kif taħdem il-parti inviżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova!

7. Il-viżjoni li ngħatat lil Danjel kif tagħmilna fiduċjużi?

7 Anki Danjel ra viżjoni li tagħmilna fiduċjużi. Hu setaʼ jara lil Ġeħova bħala “x-Xiħ fil-Jiem” bilqiegħda fuq tron bi fjammi tan-nar. It-tron kien fuq ir-roti. (Dan. 7:9) Ġeħova ried li Danjel jara li l-organizzazzjoni Tiegħu hi dejjem għaddejja, twettaq l-iskop Tiegħu. Danjel ra wkoll lil “xi ħadd bħal bin il-bniedem,” jiġifieri lil Ġesù, jingħata awtorità fuq il-parti viżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Il-ħakma perfetta taʼ Kristu ma teżistix biss għal ftit snin. Minflok, hija “ħakma li tibqaʼ għal dejjem u li ma tgħaddix, u saltnatu, waħda li ma tinqeridx.” (Dan. 7:13, 14) Il-viżjoni tqanqalna biex nafdaw f’Ġeħova u tgħinna nifhmu dak li qed iwettaq. U peress li Ġesù jingħata awtorità minn Ġeħova, din il-viżjoni tqanqalna wkoll biex nafdaw f’Ġesù bħala l-Mexxej tagħna.

8. (a) Il-viżjonijiet tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif ġegħluhom iħossuhom lil Eżekjel u Isaija? (b) Dawn il-viżjonijiet kif għandhom iġegħluna nħossuna?

8 Dawn il-viżjonijiet tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kif għandhom iġegħluna nħossuna? Bħal Eżekjel, żgur li nibqgħu impressjonati ferm b’dak li qed iwettaq Ġeħova. (Eżek. 1:28) Il-meditazzjoni fuq l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tistaʼ tqanqalna biex nieħdu azzjoni, eżatt bħalma qanqlet lil Isaija. Meta qamitlu l-opportunità li jgħid lil ħaddieħor  dwar x’qed jagħmel Ġeħova, hu ħatafha bla ma qagħad jaħsibha. (Aqra Isaija 6:5, 8.) Isaija kien fiduċjuż li bl-appoġġ taʼ Ġeħova setaʼ jirnexxilu jiffaċċja kwalunkwe sfida. B’mod simili, din il-lemħa tal-parti inviżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova għandha timliena b’riverenza profonda u tqanqalna naġixxu. Huwa tassew inkuraġġanti li nkunu nafu li nagħmlu parti minn organizzazzjoni li dejjem għaddejja twettaq ir-rieda taʼ Ġeħova!

IL-PARTI VIŻIBBLI TAL-ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA

9, 10. Għala hemm bżonn taʼ parti viżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

9 Permezz taʼ Ibnu, Ġeħova stabbilixxa arranġament hawn fuq l-art li jaħdem fi qbil mal-parti inviżibbli tal-organizzazzjoni. Għala hemm bżonn taʼ arranġament viżibbli biex jitwettaq ix-xogħol deskritt f’Mattew 24:14? Ikkunsidra tliet raġunijiet.

10 L-ewwel, Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu kellhom jippritkaw saħansitra “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.” (Atti 1:8) It-tieni, dawk li kellhom jagħmlu x-xogħol tal-ippritkar kellhom jiġu bżonn it-tagħlim mill-Bibbja u l-inkuraġġiment. (Ġw. 21:15-17) It-tielet, kellhom jiġu bżonn laqgħat fejn setgħu jinġabru biex iqimu lil Ġeħova u jitgħallmu kif jippritkaw. (Ebr. 10:24, 25) Biex jitwettaq dan kollu, id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom ikunu organizzati tajjeb.

11. Kif nuru li nappoġġaw l-arranġamenti li jsiru mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

11 Kif nuru li nappoġġaw l-arranġamenti li jsiru mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Mod importanti hu billi dejjem inpoġġu l-fiduċja tagħna f’dawk li Ġeħova u Ġesù qed jafdaw biex jieħdu t-tmexxija fix-xogħol tagħna tal-ippritkar. Dawn l-aħwa setgħu użaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jipprovaw isolvu l-problemi f’din id-dinja. Iżda l-parti viżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuqiex dejjem iffokat?

IFFOKATA FUQ “DAK LI HU IKTAR IMPORTANTI”

12, 13. L-anzjani Kristjani kif iwettqu l-inkarigu tagħhom, u dan għala hu inkuraġġanti għalik?

12 Anzjani Kristjani tal-esperjenza madwar id-dinja nħatru biex jindokraw ix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u jagħtuh spinta fil-pajjiżi fejn jaqdu. Meta dawn l-aħwa jieħdu deċiżjonijiet, huma jfittxu d-direzzjoni mill-Kelma t’Alla billi jagħmluha bħal ‘musbieħ għal sieqhom u dawl għal triqithom,’ u jitolbu bil-ħrara għall-gwida taʼ Ġeħova.—Salm 119:105; Mt. 7:7, 8.

13 Bħal dawk li kienu jieħdu t-tmexxija fl-ewwel seklu, l-anzjani Kristjani li jindokraw ix-xogħol tal-ippritkar illum huma devoti “għall-ministeru tal-kelma.” (Atti 6:4) Huma jifirħu bil-kbir bil-progress li qed isir fl-ippritkar tal-aħbar tajba lokalment u madwar id-dinja. (Atti 21:19, 20) Ma jagħmlux ħafna regoli u proċeduri. Minflok, huma jsegwu l-Iskrittura u t-tmexxija tal-ispirtu qaddis t’Alla hekk kif jagħmlu l-arranġamenti li hemm bżonn biex ix-xogħol tal-ippritkar jimxi ’l quddiem. (Aqra Atti 15:28.) Meta jagħmlu dan, dawn l-aħwa responsabbli jħallu eżempju mill-aqwa għal kulħadd fil-kongregazzjonijiet lokali.—Efes. 4:11, 12.

14, 15. (a) Liema arranġamenti qed isiru biex jiġi appoġġat ix-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja? (b) Kif tħossok dwar is-sehem li għandek int f’li tappoġġa x-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna?

14 Ħafna minn ħutna jaħdmu bla  heda biex iħejju l-ikel spiritwali għall-pubblikazzjonijiet, il-laqgħat, u l-konvenzjonijiet. Eluf taʼ volontieri jaħdmu bla waqfien biex jittraduċu dan l-ikel spiritwali f’madwar 600 lingwa sabiex kemm jistaʼ jkun nies ikunu jistgħu jitgħallmu dwar “l-affarijiet grandjużi t’Alla” bil-lingwa tagħhom stess. (Atti 2:7-11) Aħwa rġiel u nisa żgħażagħ jaħdmu biex jipproduċu l-letteratura tagħna b’magni tal-istampar u apparat tal-illegar li jaħdmu b’veloċità kbira. Din il-letteratura mbagħad titqassam lill-kongregazzjonijiet sal-iktar inħawi mbegħdin tal-art.

15 Isiru numru bla għadd taʼ arranġamenti sabiex inkunu nistgħu niffokaw fuq l-ippritkar tal-aħbar tajba mal-kongregazzjoni tagħna. Pereżempju, eluf jaħdmu bħala volontieri biex jgħinu fil-bini taʼ Swali tas-Saltna u taʼ Swali tal-Assemblea, biex jgħinu lil dawk l-uħud effettwati minn diżastri naturali jew li qed jiffaċċjaw emerġenzi mediċi, biex jorganizzaw l-assembleat u l-konvenzjonijiet tagħna, u biex jgħallmu fl-iskejjel teokratiċi. Dawn huma biss ftit mill-attivitajiet li jsiru minn wara l-kwinti. X’inhu l-iskop taʼ dan ix-xogħol kollu? Dan ix-xogħol isir biex jgħinna nippritkaw l-aħbar tajba, nagħmlu progress fil-verità, u ngħinu saħansitra lil iktar nies isiru aduraturi taʼ Ġeħova. Baqgħet iffokata l-parti viżibbli tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq dak li hu iktar importanti? Iva!

SEGWI L-EŻEMPJU TAL-ORGANIZZAZZJONI TAʼ ĠEĦOVA

16. Xi jkun proġett tajjeb taʼ studju tal-Bibbja għalik jew għall-familja tiegħek?

16 Nieħdu l-ħin aħna biex minn żmien għal żmien nirriflettu fuq dak li qed twettaq l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Xi wħud għażlu li jinkludu l-ħin fil-qima tal-familja jew l-istudju persunali tagħhom biex jagħmlu riċerka fuq dawn il-kwistjonijiet u jimmeditaw fuqhom. Il-viżjonijiet li ngħataw Isaija, Eżekjel, Danjel, u Ġwanni, joħolqu studju eċċitanti. Il-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom u pubblikazzjonijiet oħrajn jew DVDs disponibbli bil-lingwa tiegħek jipprovdu tagħlim dwar ħafna affarijiet interessanti rigward l-organizzazzjoni t’Alla.

17, 18. (a) Kif ibbenefikajt minn din id-diskussjoni? (b) Liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw?

17 Ikun taʼ ġid għalina li nimmeditaw fuq dak li qed iwettaq Ġeħova permezz tal-organizzazzjoni tiegħu. Flimkien maʼ din l-organizzazzjoni meraviljuża, jalla nkunu determinati li nibqgħu ffokati fuq dak li hu iktar importanti. Jekk nagħmlu dan, se niġu msaħħin biex ikollna l-istess determinazzjoni li kellu Pawlu, li kiteb: “Ladarba għandna dan il-ministeru skond il-ħniena li ntweriet magħna, ma naqtgħux qalbna.” (2 Kor. 4:1) Hu ħeġġeġ ukoll lil ħutu li ħadmu spalla maʼ spalla miegħu: “Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-żmien naħsdu jekk ma negħjewx.”—Gal. 6:9.

18 Hemm xi aġġustamenti li bħala individwi jew bħala familji għandna bżonn nagħmlu sabiex naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti fir-rutina tagħna taʼ kuljum? Nistgħu nissimplifikaw ħajjitna jew innaqqsu l-aljenazzjonijiet sabiex inkunu nistgħu nagħtu iktar attenzjoni lix-xogħol tant importanti tal-ippritkar? Fl-artiklu li jmiss, se nikkunsidraw ħames affarijiet li se jgħinuna nżommu l-pass mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.