Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Taqtax Qalbek!

Taqtax Qalbek!

Ilek għal ħafna snin wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova u tixtieq li martek tingħaqad miegħek fil-qima taʼ Ġeħova?

Jew ġejt skuraġġit meta l-istudent tiegħek tal-Bibbja, li għall-ewwel kien tant interessat, naqas milli jieħu waqfa għall-verità?

 Xi esperjenzi mill-Britannja se jgħinuk tifhem għala qatt m’għandek taqtaʼ qalbek. Int se tara x’tistaʼ tagħmel biex ix-xogħol iebes tiegħek ikollu riżultati tajbin. B’hekk, tgħin lil dawk li għadhom ma wiġbux għall-verità.—Ekk. 11:1.

IL-PERSEVERANZA—FATTUR IMPORTANTI

Fattur importanti min-naħa tiegħek hu l-perseveranza. Jeħtieġ li tibqaʼ żżomm mal-verità u tintrabat maʼ Ġeħova. (Dt. 10:20) Hekk għamlet Georgina. Meta bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova fl-1970, żewġha, Kyriacos, kien irrabjat ħafna. Hu pprova jwaqqafha milli tistudja, ma kienx idaħħal ix-Xhieda d-dar, u kien jiħdilha l-letteratura tax-Xhieda taʼ Ġeħova li kien isib.

Meta Georgina bdiet tattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni, Kyriacos sar saħansitra iktar irrabjat. Darba minnhom mar is-Sala tas-Saltna biex jaqlaʼ argument. Meta oħt irrealizzat li Kyriacos kien jitkellem aħjar bil-Grieg milli bl-Ingliż, ċemplet lil ħu Grieg li kien jattendi kongregazzjoni oħra biex imur jgħinhom. Kyriacos wieġeb tajjeb għall-manjiera dħulija tal-ħu u, għal xi ftit xhur, saħansitra studjaw il-Bibbja flimkien. Imma mbagħad Kyriacos waqaf jistudja.

Għat-tliet snin taʼ wara, Georgina kompliet tħabbat wiċċha mal-oppożizzjoni. Kyriacos heddidha li jitlaqha jekk xi darba titgħammed. Dakinhar tal-magħmudija tagħha, Georgina talbet bil-ħerqa lil Ġeħova biex Kyriacos ma jitlaqhiex. Meta x-Xhieda waslu biex jiħduha l-assemblea, Kyriacos qalilhom: “Morru, iss’aħna nsuqu warajkom.” Hu attenda s-sessjoni taʼ filgħodu u ra lil martu titgħammed!

Kważi 40 sena wara li ltaqgħet max-Xhieda għall-ewwel darba, Georgina rat lil żewġha jitgħammed

Wara dan, l-oppożizzjoni taʼ Kyriacos naqset, u bil-mod il-mod għamel kambjamenti kbar. Kważi 40 sena wara li ltaqgħet max-Xhieda għall-ewwel darba, Georgina rat lil żewġha jitgħammed! X’għen lil Kyriacos? Hu jgħid: “Kont kuntent ħafna b’Georgina minħabba li kienet tant determinata.” Georgina tgħid: “Minkejja l-oppożizzjoni taʼ żewġi, ma kontx se nieqaf inqim lill-Alla tiegħi. Sadanittant, bqajt nitlob lil Ġeħova u qatt ma qtajt qalbi.”

IL-VALUR TAL-PERSONALITÀ L-ĠDIDA

Fattur ieħor biex tgħin lil żewġek jew lil martek huwa li tikkultiva l-personalità Kristjana. L-appostlu Pietru wissa lin-nisa Kristjani: “Kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-kondotta tan-nisa tagħhom.” (1 Pt. 3:1) Christine ħadet dan il-parir, għalkemm għaddew ħafna snin biex tirbaħ lil żewġha. Meta hi saret Xhud iktar minn 20 sena ilu, żewġha, John, ħass li ma kellux bżonn ’l Alla f’ħajtu. John ma riedx ikun involut f’xi reliġjon, imma setaʼ jara kemm il-fidi ġdida taʼ Christine kienet tfisser għaliha. Hu jgħid: “Stajt nara li għamlitha ferħana. Hi saret iktar taʼ min joqgħod fuqha u żviluppat karattru sod. Dan għenni biex negħleb ħafna sitwazzjonijiet diffiċli.”

Christine qatt ma sforzat lil żewġha biex jaċċetta t-twemmin tagħha. Hu jammetti: “Christine indunat mill-bidu nett li kien ikun aħjar li ma tkellimnix dwar ir-reliġjon tagħha, u hi bil-paċenzja kollha ħallietni nitgħallem bil-pass tiegħi u bil-mod tiegħi.” Meta Christine kienet tara artikli fit-Torri tal-Għassa jew Stenbaħ! fuq suġġetti li kienet taf li jinteressaw lil John, bħal dawk fuq ix-xjenza u n-natura, kienet turihomlu u tgħidlu, “Naħseb li tieħu pjaċir taqrahom dawn.”

Maż-żmien, John irtira u beda xi xogħol taʼ ġardinaġġ. Minħabba li kellu iktar ħin biex jaħseb dwar il-mistoqsijiet iktar profondi tal-ħajja, hu beda jitħasseb, ‘Il-bnedmin bdew jeżistu b’kumbinazzjoni, jew ġew maħluqin bi skop?’ Darba minnhom, ħu li kien qed jitkellem maʼ John staqsieh, “X’taħseb dwar studju?” John jgħid, “Issa li kont bdejt nemmen f’Alla, aċċettajt l-offerta tiegħu.”

Kemm kien importanti li Christine qatt ma qatgħet qalbha! Wara li kienet talbet għal 20 sena biex John forsi jaċċetta l-verità, hu tgħammed. Issa, flimkien qed jaqdu lil Ġeħova biż-żelu. John jgħid: “Kien hemm żewġ affarijiet partikulari li ġibduni lejn il-verità—il-fatt li x-Xhieda huma kemm qalbhom tajba kif ukoll dħulin. U meta tkun miżżewweġ lil waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, ikollok mara leali, li tistaʼ tafdaha, u mhux egoista.”  Iva, Christine poġġiet fil-prattika l-kliem li nsibu fl-1 Pietru 3:1 u kellha riżultati tajbin!

XI ŻRIERAGĦ JAGĦTU L-FROTT SNIN WARA

Xi ngħidu għal studenti tal-Bibbja li għal raġuni jew oħra għandhom mnejn jitilfu l-interess tal-bidu? Is-Sultan Salamun kiteb: “Iżraʼ ż-żerriegħa tiegħek fil-għodu u tħallix idek tistrieħ sa fil-għaxija; għax ma tafx fejn se tirnexxi, jekk hux hawnhekk jew hemmhekk, jew jekk hux it-tnejn se jkunu tajbin indaqs.” (Ekk. 11:6) Kultant, iż-żrieragħ tal-verità jieħdu ħafna snin biex jinbtu. Minkejja dan, maż-żmien individwu jistaʼ jirrealizza l-importanza taʼ li jersaq qrib lejn Alla. (Ġak. 4:8) Iva, xi darba jistaʼ jkollok sorpriża sabiħa.

Ikkunsidra lil Alice, li mill-Indja marret toqgħod l-Ingilterra. Fl-1974 bdiet tistudja l-Bibbja. Kienet titkellem bil-Ħindi imma riedet ittejjeb l-Ingliż tagħha. L-istudju kompla għal xi snin, u Alice attendiet ftit laqgħat f’kongregazzjoni tal-Ingliż. Kienet taf li dak li kienet qed tistudja kien il-verità, imma ma rrealizzatx kemm din kienet importanti. Barra minn hekk, kienet iffokata mhux ħażin fuq il-flus u kienet tħobb tmur il-parties. Maż-żmien, Alice waqqfet l-istudju tagħha.

Kważi 30 sena wara, Stella, li kienet tikkonduċi l-istudju maʼ Alice, irċiviet ittra mingħandha. Din kienet tgħid: “Ninsab ċerta li tkun ferħana ħafna meta tismaʼ li l-istudenta tal-Bibbja li kellek fl-1974 tgħammdet fl-aħħar konvenzjoni distrettwali. Kellek effett kbir fuq ħajti. Int żrajt iż-żerriegħa tal-verità fija, u għalkemm dak iż-żmien ma kontx lesta biex niddedika lili nnifsi lil Alla, żammejt dik iż-żerriegħa tal-verità f’moħħi u f’qalbi.”

L-ittra li Stella rċiviet mingħand Alice tgħid: “Ninsab ċerta li tkun ferħana ħafna meta tismaʼ li l-istudenta tal-Bibbja li kellek fl-1974 tgħammdet fl-aħħar konvenzjoni distrettwali”

X’kien ġara? Alice tispjega li saret dipressa ħafna wara l-mewt taʼ żewġha fl-1997. Hi talbet ’l Alla. F’għaxar minuti, żewġ Xhieda li jitkellmu bil-Punġabi marru għandha u ħallewlha l-fuljett X’Tama Hemm għall-Maħbubin Mejtin? Alice ħasset li t-talba tagħha ġiet imwieġba u ddeċidiet li kellha tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma fejn setgħet issibhom? Sabet djarju antik li fih kien hemm l-indirizz tal-kongregazzjoni tal-Punġabi li Stella kienet tatha. Alice żaret is-Sala tas-Saltna u ġiet milqugħa tajjeb mill-aħwa li jitkellmu bil-Punġabi. “Bqajt inħoss l-imħabba li ntwerejt saħansitra wara li tlaqt mis-sala u ma bqajtx inħossni daqshekk dipressa,” tgħid Alice.

Hi bdiet tattendi l-laqgħat regolarment u reġgħet bdiet tistudja l-Bibbja. Barra minn hekk, tgħallmet titkellem u taqra bil-Punġabi b’mod fluwenti. Fl-2003 tgħammdet. L-ittra tagħha lil Stella kkonkludiet hekk, “Grazzi ħafna talli żrajt dawk iż-żrieragħ 29 sena ilu u talli kont t’eżempju tajjeb għalija biex nimitak.”

“Grazzi ħafna talli żrajt dawk iż-żrieragħ 29 sena ilu u talli kont t’eżempju tajjeb għalija biex nimitak.”—Alice

X’tistaʼ titgħallem minn dawn l-esperjenzi? Jistaʼ jkun li jieħu iktar ħin milli tissopponi, imma jekk persuna tkun onesta, umli, u trid issir taf ’l Alla, Ġeħova se jgħinha tifhem il-verità u taċċettaha. Ftakar f’dak li qal Ġesù fit-tixbiha tiegħu: “Iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif [ir-raġel li jiżraʼ]. L-art tagħti l-frott minnha nfisha bil-mod il-mod, l-ewwel in-nebbieta, imbagħad is-sbula, fl-aħħarnett il-qamħ mimli fis-sbula.” (Mk. 4:27, 28) Tkabbir bħal dan isir gradwalment u jseħħ ‘minnu nnifsu.’ Fir-realtà, ebda proklamatur tas-Saltna individwali ma jaf kif jistaʼ jiġri dan. Għaldaqstant, kompli iżraʼ bil-kotra. Int forsi għad taħsad bil-kotra.

U tinsiex l-importanza tat-talb. Georgina u Christine baqgħu jitolbu lil Ġeħova. Jekk int ‘tippersevera fit-talb’ u qatt ma taqtaʼ qalbek, “wara ħafna jiem,” ix-xogħol iebes tiegħek jistaʼ jkollu riżultati tajbin.—Rum. 12:12; Ekk. 11:1.