Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Issa li Sirna ‘Nafu lil Alla’—X’Se Nagħmlu?

Issa li Sirna ‘Nafu lil Alla’—X’Se Nagħmlu?

“[Sirtu] tafu lil Alla.”—GAL. 4:9.

1. Pilota għala juża lista meta jkun qed jiċċekkja ajruplan?

KULL darba li pilota jipprepara biex isuq ajruplan, hu jiċċekkjah bir-reqqa. Hu juża lista biex jagħmel ċert li jkun iċċekkja kollox. Jekk ma jiċċekkjax l-ajruplan, forsi ma jindunax bi problema li tistaʼ tikkaġuna aċċident traġiku. Taf liema tip taʼ pilota jiġi mħeġġeġ b’mod partikulari biex jagħmel din il-biċċa xogħol kull darba? Huwa l-pilota li għandu ħafna esperjenza! Pilota bħal dan jistaʼ faċilment jafda wisq fih innifsu u ma jiċċekkjax l-affarijiet kollha fuq il-lista.

2. X’għandna bżonn niċċekkjaw?

2 Bħal pilota li jħobb is-sigurtà, int tistaʼ tuża tip taʼ lista biex tkun ċert li l-fidi tiegħek mhix se tiddgħajjef meta l-iktar ikollok bżonnha. Kemm jekk għadek titgħammed u kemm jekk ilek taqdi lil Alla snin sħaħ, huwa essenzjali li regolarment tiċċekkja kemm huma b’saħħithom il-fidi tiegħek f’Alla Ġeħova u d-devozzjoni tiegħek lejh. Jekk ma tiċċekkjax dan regolarment u b’mod diliġenti tistaʼ tispiċċa titlef ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova. Il-Bibbja twissina: “Min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.”—1 Kor. 10:12.

3. X’kellhom bżonn jagħmlu l-Kristjani fil-Galazja?

3 Il-Kristjani fil-Galazja kellhom bżonn jiċċekkjaw kemm kienet b’saħħitha l-fidi tagħhom u japprezzaw il-libertà spiritwali tagħhom. Permezz tas-sagrifiċċju tiegħu, Ġesù kien fetaħ it-triq għal dawk li eżerċitaw fidi fih biex isiru jafu lil Alla b’mod tal-għaġeb—setgħu jsiru wlied Alla! (Gal. 4:9) Biex jibqgħu f’dik ir-relazzjoni mbierka, il-Galatin kien se jkollhom jiċħdu t-tagħlim tal-Ġudaisti, li kienu qed jinsistu li josservaw il-Liġi Mosajka. Fil-fatt, fil-kongregazzjonijiet kien hemm xi  Ġentili mhux ċirkonċiżi li qatt ma kienu taħt il-Liġi! Kemm il-Lhud kif ukoll il-Ġentili kellhom bżonn jagħmlu progress spiritwali. Kellhom bżonn jifhmu li Alla ma kienx għadu jirrikjedi li n-nies isegwu l-Liġi.

IL-PASSI LI ĦADNA BIEX INSIRU NAFU LIL ALLA

4, 5. Pawlu liema parir ta lill-Galatin, u dan kif inhu importanti għalina?

4 Il-parir tal-appostlu Pawlu lill-Galatin tniżżel bil-miktub bi skop: biex iwaqqaf lill-Kristjani veri fi kwalunkwe perijodu taʼ żmien milli jagħtu daharhom lill-verità tal-Bibbja u milli jerġgħu lura lejn dak li ħallew warajhom. Ġeħova nebbaħ lill-appostlu biex jinkuraġġixxi mhux biss lil dawk fil-kongregazzjonijiet fil-Galazja imma wkoll lill-aduraturi Tiegħu kollha biex jibqgħu leali.

5 Kull wieħed minna jagħmel tajjeb jekk jiftakar kif inħeles mill-jasar spiritwali u sar wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Dan tistaʼ tagħmlu billi tikkunsidra dawn iż-żewġ mistoqsijiet: Tiftakar x’passi ħadt biex tikkwalifika għall-magħmudija? Tiftakar kif sirt taf lil Alla u kif ħassejtek meta hu sar jafek?

6. Dwar liema lista se nitgħallmu?

6 Meta nidħlu fil-verità, nieħdu disaʼ passi. (Ara l-kaxxa “Il-Passi li Nieħdu Biex Insiru Nafu lil Alla Jistgħu Jgħinuna Nkomplu Nagħmlu Progress.”) Nistgħu nqisu dawn il-passi bħala lista t’affarijiet li nistgħu niċċekkjaw biex inżommu l-fidi tagħna b’saħħitha u biex ma nerġgħux lura lejn l-affarijiet tad-dinja. Bħalma pilota tal-esperjenza iżda li jkun attent dejjem jiċċekkja l-lista tiegħu qabel ma jsuq ajruplan, aħna għandna nibqgħu nirrivedu l-lista tagħna.

DAWK LI ALLA JAFHOM IKOMPLU JIKBRU SPIRITWALMENT

7. Liema mudell neħtieġu nsegwu, u għala?

7 Bħalma pilota jiċċekkja lista t’affarijiet kull darba li jsuq ajruplan, aħna wkoll nistgħu nibqgħu niċċekkjaw il-progress tagħna fil-verità. Pawlu kiteb lil Timotju: “Ibqaʼ żomm il-mudell taʼ kliem mimli saħħa li smajt mingħandi bil-fidi u l-imħabba li huma fi Kristu Ġesù.” (2 Tim. 1:13) Dan il-“kliem mimli saħħa” jinsab fil-Kelma t’Alla. (1 Tim. 6:3) Tpinġija sempliċi tistaʼ tagħtina ħjiel taʼ kif tidher xi ħaġa. B’mod simili, “il-mudell taʼ kliem mimli saħħa” jgħinna nifhmu b’mod ġenerali dak li Ġeħova jirrikjedi minna. Mela issa ejja nikkunsidraw xi passi li wasslu għall-magħmudija tagħna biex naraw kemm qed insegwu mill-qrib il-mudell tal-verità.

8, 9. (a) Għala għandna nibqgħu nikbru fl-għarfien u fil-fidi? (b) Il-progress tagħna bħala Kristjani għala hu importanti? (ċ) Il-progress tagħna għala hu bħat-tkabbir taʼ siġra?

8 L-ewwel pass tagħna kien li ħadna l-għarfien. Imbagħad stajna nrawmu l-fidi. Imma għandna nkomplu nieħdu l-għarfien u nsaħħu l-fidi tagħna. (2 Tess. 1:3) Wara li nitgħammdu, ir-relazzjoni tagħna m’Alla trid tibqaʼ tikber u tissaħħaħ.

Siġra tkompli tikber u l-istess għandhom jagħmlu l-Kristjani

9 Dan hu simili għall-mod kif tikber siġra. Huwa tal-għaġeb li tara kemm siġra tistaʼ tikber, speċjalment meta jkollha l-għeruq b’saħħithom. Pereżempju, ftit miċ-ċedri sbieħ tal-Libanu jistgħu jkunu għoljin daqs bini li fih 12-il sular. Jistgħu tant ikunu kbar li ħabel taʼ 12-il metru jdur maʼ waħda minnhom biss. (Għan. 5:15) Għall-ewwel siġra tikber malajr ħafna. Hekk kif l-għeruq jinżlu iktar fil-fond u jitbiegħdu iktar mis-siġra, iz-zokk jikber iktar fil-wisaʼ u  fit-tul. Maż-żmien, ma jkunx daqshekk faċli biex tara t-tkabbir tas-siġra. Il-progress tagħna bħala Kristjani huwa simili. Għandna mnejn nagħmlu ħafna bidliet meta għall-ewwel nibdew nistudjaw il-Bibbja u mbagħad nitgħammdu. Oħrajn fil-kongregazzjoni jinnotaw kemm qed nagħmlu progress fil-verità. Forsi nibdew naqdu bħala pijunieri jew ningħataw inkarigi oħrajn fil-kongregazzjoni. Hekk kif jgħaddi ż-żmien, forsi ma jkunx daqshekk faċli għal oħrajn biex jaraw il-progress li qed nagħmlu fil-verità. Imma lkoll irridu nkomplu nikbru fl-għarfien u fil-fidi sakemm inkunu bħal “raġel li kiber għalkollox,” jiġifieri, sakemm inkunu bħalma għandu jkun Kristjan matur. (Efes. 4:13) Allura meta nagħmlu progress bħala Kristjani, aħna nkunu bħal żerriegħa żgħira li tikber u ssir siġra b’saħħitha.

10. Kristjani maturi għala jeħtieġu li jibqgħu jagħmlu progress fil-verità?

10 Imma l-progress tagħna m’għandux jieqaf hemm. L-għarfien tal-Kelma t’Alla u l-fidi tagħna huma bħal għeruq li jżommuna b’saħħitna u sodi. Dawn l-għeruq iridu jibqgħu jissaħħu. (Prov. 12:3) Fil-kongregazzjoni Kristjana, hemm ħafna aħwa li għamlu dan. Pereżempju, wieħed ħu li ilu anzjan iktar minn 30 sena nnota li għadu qed jikber spiritwalment. Hu jgħid: “L-apprezzament tiegħi għall-Bibbja kiber ferm. Dejjem insib opportunitajiet ġodda biex napplika l-prinċipji u l-liġijiet Bibliċi b’diversi modi. L-apprezzament tiegħi għall-ministeru wkoll jibqaʼ jikber.”

SAĦĦAĦ IL-ĦBIBERIJA TIEGĦEK M’ALLA

11. Kif nistgħu nsiru nafu lil Ġeħova aħjar maż-żmien?

11 Il-progress tagħna jinvolvi wkoll li nersqu eqreb lejn Ġeħova bħala Ħabibna u Missierna. Hu jridna nħossuna aċċettati. Iridna nkunu nafu li aħna maħbubin u protetti bħalma tifel iħossu maħbub u protett meta jkun imħaddan maʼ ġenitur li jħobbu jew kif inħossuna meta nkunu maʼ ħabib tal-qalb. M’għandniex xi ngħidu, din l-intimità maʼ Ġeħova ma tiżviluppax mil-lum għal għada. Irid jgħaddi ż-żmien biex insiru nafuh u nħobbuh. Allura biex issir taf aħjar lil Ġeħova bħala Persuna, kun determinat li kuljum twarrab il-ħin biex taqra l-Kelma tiegħu. U aqra kull ħarġa tat-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! kif ukoll pubblikazzjonijiet oħra bbażati fuq il-Bibbja.

12. X’neħtieġu biex Ġeħova jkun jafna?

 12 Il-ħbieb t’Alla jikbru spiritwalment permezz tat-talb sinċier u s-sħubija tajba tagħhom. (Aqra Malakija 3:16.) Widnejn Ġeħova huma “miftuħin għat-talb bil-ħerqa tagħhom.” (1 Pt. 3:12) Bħal ġenitur li jħobb, Ġeħova jismaʼ meta ngħajtulu fit-talb. Għalhekk, għandna bżonn ‘nipperseveraw fit-talb.’ (Rum. 12:12) Ma nistgħux inkomplu nkunu ħbieb t’Alla mingħajr l-għajnuna tiegħu. Jekk ma nibqgħux nitolbu lilu ma jistax ikollna s-saħħa li neħtieġu. Nistgħu nsiru skuraġġiti minħabba din is-sistema mill-agħar jew nitħajru nagħmlu xi ħaġa ħażina. Imma hu lest jagħtina l-għajnuna kollha li għandna bżonn jekk nitolbu għaliha. Titlob int lil Ġeħova bħalma kieku tkellem lil ħabib fdat? Hemm xi modi kif tistaʼ ttejjeb it-talb tiegħek?—Ġer. 16:19.

13. Is-sħubija maʼ sħabna l-Kristjani għala hi vitali biex nikbru spiritwalment?

13 Għandna bżonn nibqgħu qrib il-kongregazzjoni biex inkunu m’oħrajn li huma ħbieb taʼ Ġeħova. Hu jħobbhom għax jibqgħu “jfittxu l-kenn fih.” (Naħ. 1:7) F’dinja mimlija skuraġġiment, aħna nkunu għaqlin jekk inkunu mdawrin b’ħutna li jinkuraġġuna. X’inhuma l-benefiċċji? Fil-kongregazzjoni se ssib uħud li se jqanqluk “għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.” (Ebr. 10:24, 25) Ma jkunx possibbli li nsegwu l-parir taʼ Pawlu jekk ma nqattgħux ħin mal-aħwa. Allura, agħmel ċert li tmur il-laqgħat regolarment. U ħu sehem fil-laqgħat billi tikkummenta.

14. Il-fatt li nindmu u nieqfu ngħixu ħajja midinba kif inhu proċess kontinwu?

14 Aħna kellna nindmu u nieqfu ngħixu ħajja midinba meta sirna Kristjani. Madankollu, l-indiema hi proċess kontinwu. Ladarba aħna midinbin u għandna d-dgħufijiet, jistaʼ jkun faċli ħafna għalina li nidinbu. Id-dnub hu bħal serp li lest jigdimna kull meta jistaʼ. (Rum. 3:9, 10; 6:12-14) Ejja noqogħdu b’sebaʼ għajnejn, u ma ninjorawx in-nuqqasijiet tagħna. B’ferħ, Ġeħova hu paċenzjuż magħna waqt li b’ħerqa nissieltu biex nirreżistu d-dgħufijiet tagħna u nagħmlu l-bidliet meħtiġin. (Flp. 2:12; 2 Pt. 3:9) Uża l-ħin u l-enerġija tiegħek fis-servizz taʼ Ġeħova minflok għal raġunijiet egoistiċi. Waħda oħt tikteb: “Jien trabbejt fil-verità, imma kbirt b’ħarsa differenti lejn Ġeħova mill-biċċa l-kbira tan-nies. Ħassejt li kelli nibżaʼ ħafna minnu, u li żgur li qatt ma kien se jirnexxili nogħġbu.” Ma ħassithiex qrib tiegħu u għamlet l-iżbalji f’ħajjitha. Hi tkompli tgħid: “Mhux għax ma kontx inħobb lil Ġeħova, imma għax ma kontx nafu verament. Madankollu, wara ħafna talb intensiv, bdejt nagħmel bidliet.” Hi żiedet tgħid: “Sibt li Ġeħova mexxieni bħal tifla żgħira, u għenni negħleb ostaklu wara l-ieħor, dejjem bil-ġentilezza, u wrieni x’kelli bżonn nagħmel.”

15. X’josservaw Ġesù u Missieru?

15 “Ibqgħu għidu lin-nies” dwar l-aħbar tajba. L-anġlu t’Alla qal dan il-kliem lil Pietru u lill-appostli l-oħra wara li nħelsu mill-ħabs b’mod mirakoluż. (Atti 5:19-21) Iva, il-parteċipazzjoni tagħna taʼ kull ġimgħa fil-ministeru tal-għalqa hi xi ħaġa oħra li għandna niċċekkjaw fil-lista tagħna. Ġesù u Missieru jinnotaw il-fidi kif ukoll il-ministeru tagħna. (Riv. 2:19) Il-ministeru għandu jkun parti kbira minn ħajjitna.”

16. Għala huwa tajjeb li nimmeditaw fuq id-dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova?

16 Immedita fuq id-dedikazzjoni tiegħek. L-iktar ħaġa prezzjuża li għandna hi r-relazzjoni persunali tagħna maʼ Ġeħova. Hu jaf lil dawk li huma tiegħu.  (Aqra Isaija 44:5.) Iċċekkja r-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova, u itlob għall-għajnuna tiegħu biex iżżommha b’saħħitha. Flimkien maʼ dan, ftakar fid-data importanti tal-magħmudija tiegħek. Dan ukoll se jgħinek tiftakar li l-magħmudija tiegħek tirrappreżenta l-iktar deċiżjoni sinifikanti li qatt ħadt.

IBQAʼ QRIB TAʼ ĠEĦOVA PERMEZZ TAS-SABAR

17. Għala neħtieġu s-sabar biex nibqgħu qrib taʼ Ġeħova?

17 Meta kiteb lill-Galatin, Pawlu enfasizza l-bżonn għas-sabar. (Gal. 6:9) Dan hu vitali għall-Kristjani llum ukoll. Int se tiffaċċja l-provi, imma Ġeħova se jgħinek. Ibqaʼ itlob għall-ispirtu qaddis. Se tħoss serħan hekk kif ibiddel in-niket u d-diqa tiegħek f’ferħ u paċi. (Mt. 7:7-11) Aħseb dwar dan: Jekk Ġeħova jieħu ħsieb l-għasafar, kemm iktar jieħu ħsieb lilek li tħobbu u li ddedikajt ruħek lilu? (Mt. 10:29-31) Huma x’inhuma l-pressjonijiet li tiffaċċja, qatt tmur lura, taqtax qalbek. Aħna għandna ħafna barkiet għax issa Ġeħova jafna!

18. Issa li sirt ‘taf lil Alla,’ x’għandek tkun trid tagħmel?

18 Kemm jekk tgħammidt dan l-aħħar u kemm jekk tgħammidt ħafna snin ilu, x’għandek tagħmel issa? Ibqaʼ sir afu aħjar lil Ġeħova u ibqaʼ agħmel progress fil-verità. Għandek toqgħod attent li ma taħsibx li tafu tajjeb biżżejjed lil Alla u li m’għandekx għalfejn ittejjeb ir-relazzjoni tiegħek miegħu. Minflok, ilkoll għandna nerġgħu niċċekkjaw il-lista spiritwali tagħna minn żmien għal żmien biex inkunu ċerti li qed inkomplu nsaħħu r-relazzjoni tagħna mal-Missier, il-Ħabib, u l-Alla tagħna kollu mħabba—Ġeħova.—Aqra t-2 Korintin 13:5, 6.