Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Għandek ‘Qalb li Biha Tkun Taf’ lil Ġeħova?

Għandek ‘Qalb li Biha Tkun Taf’ lil Ġeħova?

“Nagħtihom qalb li biha jkunu jafuni, li jien Ġeħova; u jsiru l-poplu tiegħi.” —ĠER. 24:7.

1, 2. Xi wħud għala għandhom mnejn ikunu jridu jitgħallmu dwar it-tin?

TĦOBB tiekol it-tin? Fiż-żminijiet Bibliċi, l-Iżraelin kienu jħobbu jikluh. (Naħ. 3:12; Lq. 13:6-9) Illum, it-tin jikber f’ħafna postijiet madwar id-dinja. Dan fih in-nutrimenti, u xi nies saħansitra jgħidu li hu tajjeb għal qalbna.

2 Ġeħova darba qabbel lin-nies mat-tin. Hu ma kienx qed jgħid lin-nies kif it-tin setaʼ jgħinhom jibqgħu f’saħħithom. Kien qed jitkellem dwar x’kien hemm f’qalbhom. Dak li qal jistaʼ jgħin lilna u l-maħbubin tagħna. Hekk kif niddiskutu dak li qal, aħseb dwar x’għandna nitgħallmu aħna bħala Kristjani.

3. Xi rrappreżenta t-tin deskritt f’Ġeremija kapitlu 24?

3 Ejja l-ewwel nikkunsidraw xi ħaġa li qal Alla fi żmien Ġeremija dwar it-tin. Fis-sena 617 Q.E.K., il-ġens taʼ Ġuda kien f’qagħda ħażina spiritwalment. Alla ta lil Ġeremija viżjoni dwar x’kien se jiġri lil Ġuda. Hu ddeskriva żewġt iqfief tin, li rrappreżentaw żewġ gruppi taʼ nies. It-tin f’qoffa minnhom kien “tajjeb ħafna” u t-tin fil-qoffa l-oħra kien “ħażin ħafna.” (Aqra Ġeremija 24:1-3.) It-tin il-ħażin kien jirrappreżenta lis-Sultan Sedekija u oħrajn bħalu li dalwaqt kienu se jiġu attakkati mis-Sultan Nebukadnessar u l-armata tiegħu. Imma xi ngħidu għal Eżekjel, Danjel u t-tliet imseħbin tiegħu li kienu diġà Babilonja, u xi Lhud li kienu se jittieħdu hemmhekk? Dawn kienu bħal tin tajjeb. Fdal minnhom kien se jmur lura Ġerusalemm u jerġaʼ jibni t-tempju. Maż-żmien, dan seħħ.—Ġer. 24:8-10; 25:11, 12; 29:10.

4. Liema inkuraġġiment nistgħu niksbu minn dak li Alla qal dwar it-tin it-tajjeb?

4 Dwar dawk rappreżentati mit-tin it-tajjeb, Ġeħova qal: “Nagħtihom qalb li biha jkunu jafuni, li jien  Ġeħova; u jsiru l-poplu tiegħi.” (Ġer. 24:7) Din hi t-tema Skritturali għal dan l-artiklu, u kemm hi inkuraġġanti! Alla jrid li jkollna ‘qalb li biha nkunu nafuh,’ jiġifieri, li nkunu t-tip taʼ persuna li trid issir tafu u li trid tkun parti mill-poplu tiegħu. Biex insiru persuna bħal din irridu nistudjaw u napplikaw il-Kelma tiegħu, nindmu u nduru lura, niddedikaw ħajjitna lil Alla, u nitgħammdu f’isem il-Missier, l-Iben, u l-ispirtu qaddis. (Mt. 28:19, 20; Atti 3:19) Forsi int diġà ħadt dawn il-passi, jew forsi qed tissieħeb regolarment max-Xhieda taʼ Ġeħova u qiegħed fil-proċess taʼ li tagħmel dan.

5. Dwar il-qalb taʼ min kiteb prinċipalment Ġeremija?

5 Kemm jekk ħadna ftit minn dawn il-passi u kemm jekk ħadniehom kollha, xorta rridu noqogħdu attenti għall-attitudni u l-kondotta tagħna. Tistaʼ tara għala minn dak li kompla jikteb Ġeremija dwar il-qalb. Ftit mill-ktieb taʼ Ġeremija kien dwar il-ġnus tal-madwar, imma kien iffokat l-iktar fuq il-ġens taʼ Ġuda matul il-ħakma taʼ ħamsa mis-slaten tiegħu. (Ġer. 1:15, 16) Iva, Ġeremija kiteb prinċipalment dwar l-irġiel, in-nisa, u t-tfal li kienu diġà dedikati lil Ġeħova. L-antenati tagħhom minn rajhom kienu għażlu li jidħlu f’din ir-relazzjoni bħala ġens. (Eżo. 19:3-8) U fi żmien Ġeremija, in-nies ikkonfermaw li kienu dedikati lil Alla. Huma qalu: “Ġejna għandek, għax int, O Ġeħova, Alla tagħna.” (Ġer. 3:22) Madankollu, kif taħseb li kienet il-kundizzjoni taʼ qalbhom?

KELLHOM BŻONN “OPERAZZJONI TAL-QALB

6. Għala għandna nkunu interessati b’mod speċjali f’dak li qal Alla dwar il-qalb?

6 Tobba moderni jistgħu jużaw teknoloġija avanzata biex jaraw f’liema kundizzjoni qiegħda l-qalb u kif qed taħdem. Però, Ġeħova jistaʼ jagħmel ferm iktar, bħalma għamel fi żmien Ġeremija. Alla hu kwalifikat b’mod tal-għaġeb, kif naraw minn kliemu: “Il-qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha? Jien, Ġeħova, qed ngħarbel il-qalb, . . . sabiex nagħti lil kulħadd skond triqatu, skond frott l-għemejjel tiegħu.” (Ġer. 17:9, 10) Biex ‘qalbna tiġi mgħarbla’ m’hemmx bżonn t’eżami mediku tal-qalb letterali, li f’70 jew 80 sena forsi tħabbat xi tliet biljun darba. Minflok, Ġeħova kien qed jitkellem dwar il-qalb figurattiva. Din “il-qalb” tirreferi għall-persuna ġewwinija kollha kemm hi, u tinkludi x-xewqat, il-ħsibijiet, il-karattru, l-attitudnijiet, u l-miri tagħha. Int għandek qalb bħal din u Alla jistaʼ jeżaminaha, u sa ċertu punt, int tistaʼ wkoll.

7. Ġeremija kif iddeskriva l-qalb tal-biċċa l-kbira mil-Lhud fi żmienu?

7 Biex nippreparaw għal dan l-eżami, forsi nistaqsu, ‘X’kienet il-kundizzjoni tal-qalb figurattiva tal-biċċa l-kbira mil-Lhud fi żmien Ġeremija?’ Biex twieġeb, ikkunsidra frażi mhux tas-soltu li uża Ġeremija: “Ħadd minn dar Israel m’hu ċirkonċiż f’qalbu.” Hu ma kienx qed jirreferi għaċ-ċirkonċiżjoni normali tas-subien Lhud, għax kien qal: “‘Ara! Ġej żmien,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘meta nitlob kont minn kulmin hu ċirkonċiż imma m’huwiex ċirkonċiż tassew.’” B’hekk, anki rġiel Lhud ċirkonċiżi ma kinux ‘ċirkonċiżi f’qalbhom.’ (Ġer. 9:25, 26) Dan x’kien ifisser?

8, 9. X’kellhom bżonn jagħmlu l-biċċa l-kbira tal-Lhud fi żmien Ġeremija?

8 Insibu ħjiel taʼ xi tfisser ‘qalb mhix ċirkonċiża’ f’dak li Alla ħeġġeġ lil-Lhud biex jagħmlu: “Agħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ’l qalbkom, nies taʼ Ġuda u abitanti  taʼ Ġerusalemm; sabiex il-korla tiegħi ma toħroġx . . . minħabba l-ħażen taʼ l-għemejjel tagħkom.” Huma kienu diżubbidjenti lejn Ġeħova għax qalbhom kienet ħażina. (Aqra Marku 7:20-23.) Kienu ribellużi u rrifjutaw li jinbidlu. Qalbhom, li inkludiet il-motivi u l-mod taʼ ħsib tagħhom, kienet ħażina f’għajnejn Ġeħova. (Aqra Ġeremija 5:23, 24; 7:24-26.) Alla qalilhom: “Kunu ċirkonċiżi għal Ġeħova, u agħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ’l qalbkom.”—Ġer. 4:4; 18:11, 12.

9 Għalhekk, il-Lhud fi żmien Ġeremija kellhom bżonn operazzjoni tal-qalb figurattiva—‘ċirkonċiżjoni tal-qalb’—bħalma kellhom bżonn ukoll dawk fi żmien Mosè. (Dt. 10:16; 30:6) Il-Lhud kif setgħu ‘jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ’l qalbhom’? Kellhom ineħħu kull ħsieb, xewqa, jew motiv li ġegħelhom jinjoraw il-kmandamenti taʼ Ġeħova.—Atti 7:51.

“KIF JISTAʼ JKOLLNA ‘QALB LI BIHA NKUNU NAFUH’?

10. Kif nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ David?

10 Kemm nistgħu nkunu grati li Alla jgħinna nifhmu l-qalb figurattiva! Xi wħud forsi jaħsbu, ‘Imma dan għala hu taʼ interess għax-Xhieda taʼ Ġeħova llum?’ Il-biċċa l-kbira taʼ dawk fil-kongregazzjonijiet qed jaqdu lil Ġeħova lealment u l-kondotta tagħhom hi nadifa. Mhumiex qed isiru ‘tin ħażin.’ Xorta waħda, irrifletti fuq it-talba bil-ħrara li David għamel lil Ġeħova: “Fittex fija, O Alla, u sir af lil qalbi. Eżaminani, u sir af il-ħsibijiet li jinkwetawni, u ara jekk hemmx fija triq mimlija wġigħ.”—Salm 17:3; 139:23, 24.

11, 12. (a) Kull wieħed minna għala għandu jeżamina lil qalbu stess? (b) X’m’għandniex nistennew mingħand Ġeħova?

11 Ġeħova jrid li lkoll kemm aħna nkunu f’qagħda aċċettabbli għalih u li nibqgħu hekk. Rigward il-ġust, Ġeremija rrikonoxxa: “Int, O Ġeħova taʼ l-armati, qed teżamina l-ġust; int tara l-kliewi u l-qalb.” (Ġer. 20:12) Jekk Dak li Jistaʼ Kollox qed jeżamina l-qalb anki tal-ġust, m’għandniex aħna nagħmlu eżami onest tagħna nfusna? (Aqra Salm 11:5.) Hekk kif nagħmlu dan, forsi naraw fina attitudni, mira, jew sentiment profond li qed jagħmel lil qalbna inqas sensittiva. Forsi m’aħniex nobdu lil Ġeħova mill-ewwel. Għandna mnejn neħtieġu operazzjoni tal-qalb spiritwali biex inneħħu l-ħażen minn qalbna. X’inhuma xi eżempji t’attitudnijiet jew sentimenti ħżiena li jistgħu jkunu f’qalbna? Kif nistgħu nagħmlu bidliet?—Ġer. 4:4.

12 Ħaġa waħda hi ċerta: M’għandniex nistennew lil Ġeħova jisforzana ninbidlu. Dwar dawk imqabblin mat-“tin it-tajjeb,” hu qal li kien se ‘jagħtihom qalb li biha jkunu jafuh.’ Ma qalx li kien se jisforzahom ibiddlu qalbhom. Huma kellhom ikunu jridu jsiru jafu lil Alla, u aħna rridu nagħmlu l-istess.

Eżamina lil qalbek u neħħi x-xewqat ħżiena ħalli tkun tistaʼ tgawdi l-barka taʼ Ġeħova

13, 14. Dak li hemm f’qalb bniedem kif jistaʼ jkun taʼ periklu għalih?

13 Ġesù qal: “Mill-qalb joħorġu rraġunar ħażin, qtil, adulterju, żína, serq,  xiehda falza, u dagħa.” (Mt. 15:19) B’mod ċar, jekk il-qalb insensittiva taʼ ħu tqanqlu jikkommetti adulterju jew fornikazzjoni u jibqaʼ ma jindimx, jistaʼ jitlef l-approvazzjoni t’Alla b’mod permanenti. Però, anki individwu li ma kkommettiex ħażen bħal dan jistaʼ jħalli xewqa mhix xierqa tikber f’qalbu. (Aqra Mattew 5:27, 28.) Huwa f’każ bħal dan li eżami persunali tal-qalb jistaʼ jkun t’għajnuna. Jekk tifli lil qalbek, se ssib int sentimenti mhux xierqa għal xi ħadd tas-sess oppost, xewqat sigrieti li Alla ma jaċċettax u li jeħtieġu jitneħħew?

14 B’mod simili, Kristjan forsi jħalli r-rabja tiegħu għal ħu ieħor tikber sal-punt li jibda jobogħdu f’qalbu. (Lev. 19:17) Għandu bżonn jistinka biex ineħħi dawn is-sentimenti.—Mt. 5:21, 22.

15, 16. (a) Agħti eżempju taʼ kif Kristjan jistaʼ ma jkunx “ċirkonċiż f’qalbu.” (b) Għala taħseb li Ġeħova jridna nkunu ‘ċirkonċiżi f’qalbna’?

15 B’ferħ, il-maġġuranza mill-Kristjani m’għandhomx ‘problema tal-qalb’ bħal din. Però, Ġesù tkellem ukoll dwar “irraġunar ħażin.” Pereżempju, forsi nħossu li l-lealtà lejn il-familja tagħna hi iktar importanti minn kwalunkwe ħaġa oħra. M’għandniex xi ngħidu, il-Kristjani jridu juru “affezzjoni naturali” lejn qrabathom, mhux bħal ħafna nies li m’għandhomx din l-affezzjoni f’dawn “l-aħħar jiem.” (2 Tim. 3:1, 3) Imma jistaʼ jkun li mmorru fl-estrem bil-mod kif nuru lealtà lejn il-familja tagħna. Ħafna jirraġunaw li “d-demm ma jsirx semm.” B’hekk, forsi jiddefendu jew iżommu maʼ qrabathom akkost taʼ kollox, u jiħduha persunali jekk xi qarib jiġi offiż. Aħseb dwar x’waslu biex jagħmlu ħut Dina minħabba sentimenti qawwijin bħal dawn. (Ġen. 34:13, 25-30) U immaġina x’kien hemm f’qalb Absalom biex wasslu joqtol lil ħuh Amnon. (2 Sam. 13:1-30) Iva, “irraġunar ħażin” jistaʼ jkun perikoluż ferm.

16 Il-Kristjani veri ma joqtlux. Imma xi wħud għandhom mnejn jirrabjaw ħafna meta membru tal-familja tagħhom jiġi trattat ħażin. Jew forsi sempliċement jaħsbu li membru tal-familja jkun ġie trattat ħażin. Allura kif iġibu ruħhom maʼ dak li jaħsbu li weġġaʼ lil qaribhom? Forsi jirrifjutaw li jqattgħu ħin miegħu jew li jistidnuh f’darhom. (Ebr. 13:1, 2) Imma Kristjan li jħobb lil ħutu ma jaġixxix b’dan il-mod. Ġeħova jaf x’hemm f’qalbna. Jekk jara  dawn is-sentimenti ħżiena f’qalbna, hu se jgħid li ‘m’aħniex ċirkonċiżi fil-qalb.’ (Ġer. 9:25, 26) Imma Ġeħova jgħid: “Agħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ’l qalbkom.”—Ġer. 4:4.

IKSEB U ŻOMM ‘QALB LI BIHA TKUN TAF’ LIL ALLA

17. Jekk nibżgħu minn Ġeħova, għala se jkun iktar faċli biex nagħmlu bidliet f’qalbna?

17 Xi ngħidu jekk eżaminajt il-qalb figurattiva tiegħek u sibt li mhijiex sensittiva għall-pariri taʼ Ġeħova daqskemm tistaʼ tkun u li sa ċertu punt ‘mhijiex ċirkonċiża’? Forsi tibżaʼ minn dak li ħaddieħor jaħseb dwarek. Jew forsi trid tkun famuż jew sinjur ħafna. Kultant għandek mnejn tkun rasek iebsa jew tinsisti li tagħmel dak li trid. Oħrajn ħassewhom bħalek. (Ġer. 7:24; 11:8) Ġeremija kiteb li l-Lhud żleali fi żmienu kellhom ‘qalb iebsa u ribelluża.’ Hu żied jgħid: “Ma qalux f’qalbhom: ‘Issa, ejjew nibżgħu minn Ġeħova Alla tagħna, Dak li qed jagħtina l-ħalbiet tax-xita u x-xita tal-ħarifa.’” (Ġer. 5:23, 24) Jekk nibżgħu minn Ġeħova, jiġifieri, jekk nirrispettawh, se nneħħu l-ħażen minn qalbna. Se jkun iktar faċli għalina biex nagħmlu bidliet f’qalbna u biex nagħmlu kulma jitlob minna Ġeħova.

18. Ġeħova x’wegħda għamel lil dawk fil-patt il-ġdid?

18 Hekk kif nibqgħu nagħmlu dan l-isforz, Ġeħova se jagħtina ‘qalb li biha nkunu nafuh.’ Fil-fatt, hekk wiegħed li se jagħmel għall-midlukin fil-patt il-ġdid: “Inqiegħed il-liġi tiegħi ġo fihom, u niktibha f’qalbhom. U nsir Alla tagħhom, u huma jsiru l-poplu tiegħi.” Xi ngħidu dwar li verament ikunu jafuh? Hu kompla jgħid: “Ma jibqgħux jgħallmu kull wieħed lil sieħbu, u kull wieħed lil ħuh, billi jgħidu, ‘Kunu afu lil Ġeħova!’ għax kollha jkunu jafuni, mill-iżgħar wieħed sa l-akbar wieħed minnhom . . . Għax naħfrilhom l-iżball tagħhom, u dnubhom ma niftakrux iktar.”—Ġer. 31:31-34. *

19. Il-Kristjani veri xi prospett meraviljuż għandhom?

19 Aħna nħarsu ’l quddiem għal dak li Alla wiegħed. Ilkoll kemm aħna għandna nkunu nixtiequ nafu lil Ġeħova u nkunu parti mill-poplu tiegħu. Imma nistgħu nkunu nafu lil Ġeħova għal dejjem biss jekk dnubietna jinħafrulna fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. Peress li nistgħu niġu maħfurin, għandna nkunu rridu naħfru lil oħrajn anki jekk forsi nħossuha bi tqila. Għandna naħdmu iebes biex inneħħu kwalunkwe rabja jew mibegħda li jkollna għal oħrajn. B’hekk, mhux biss se nuru li rridu naqdu lil Ġeħova imma wkoll li qed insiru nafuh aħjar. Se nkunu bħal dawk li Ġeħova permezz taʼ Ġeremija qalilhom: “Tfittxuni u ssibuni, għax tfittxuni b’qalbkom kollha. U jien inħallikom issibuni.”—Ġer. 29:13, 14.

^ Par. 18 Il-patt il-ġdid hu diskuss f’kapitlu 14 tal-ktieb Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija.