Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ġeħova—Il-Post Fejn Ngħammru Aħna

Ġeħova—Il-Post Fejn Ngħammru Aħna

“O Ġeħova, int kont għalina post fejn ngħammru minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” —SALM 90:1.

1, 2. Il-qaddejja t’Alla kif ħassewhom dwar is-sistema dinjija, u f’liema sens għandhom dar?

TĦOSSOK sigur u komdu f’din id-dinja mill-agħar, bħalma tħossok f’darek? Jekk le, int tħossok bħalma ħassewhom qaddejja oħrajn taʼ Ġeħova. Matul iż-żminijiet, dawk li verament ħabbew lil Ġeħova ħassewhom bħal stranġieri, jew barranin, f’din is-sistema dinjija. Pereżempju, waqt li marru minn post għall-ieħor fl-art taʼ Kangħan, il-qaddejja leali t’Alla “stqarrew pubblikament li kienu stranġieri u residenti temporanji.”—Ebr. 11:13.

2 Bl-istess mod, is-segwaċi midlukin taʼ Kristu, li ‘għandhom iċ-ċittadinanza tagħhom fis-smewwiet,’ iqisu lilhom infushom bħala “barranin u residenti temporanji” fis-sistema preżenti. (Flp. 3:20; 1 Pt. 2:11) In-“nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu wkoll “m’humiex parti mid-dinja, bħalma [Ġesù ma kienx] parti mid-dinja.” (Ġw. 10:16; 17:16) Madankollu, in-nies t’Alla għandhom “dar.” Fil-fatt, aħna ngawdu l-protezzjoni tal-iktar dar sigura u taʼ mħabba li wieħed jistaʼ jimmaġina, dar li tingħaraf permezz tal-għajnejn tal-fidi. Mosè kiteb: “O Ġeħova, int kont għalina post fejn ngħammru minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” (Salm 90:1) Ġeħova kif ta prova li kien ‘post fejn jgħammru’ l-qaddejja leali tiegħu fi żmien il-qedem? Kif inhu ‘post fejn jgħammru’ n-nies tiegħu llum? U kif se jagħti prova li jkun l-uniku post fejn ngħammru fil-futur?

ĠEĦOVA—‘POST FEJN GĦAMMRU’ L-QADDEJJA TIEGĦU TAL-QEDEM

3. Maʼ xiex jitqabbel Ġeħova f’Salm 90:1, u għala?

3 Kultant, il-Bibbja tqabbel lil Ġeħova m’affarijiet li nistgħu naraw sabiex inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-personalità tiegħu. Pereżempju, Salm 90:1  iqabbel lil Ġeħova maʼ “post fejn ngħammru,” jew dar. Meta naħsbu f’dar, inġibu quddiem għajnejna post fejn hemm l-imħabba, il-paċi, u l-protezzjoni. Ġeħova għala jitqabbel maʼ dar? Il-Bibbja tgħid li Ġeħova hu mħabba. (1 Ġw. 4:8) Tgħid ukoll li hu l-Alla tal-paċi u li jipproteġi lill-qaddejja tiegħu. (Salm 4:8) Bħala eżempju, ejja nikkunsidraw kif Ġeħova kien bħal dar għall-patrijarki, jiġifieri l-qaddejja leali tiegħu bħal Abraham, Iżakk, u Ġakobb.

4, 5. Alla kif wera li kien ‘post fejn jgħammar’ għal Abraham?

4 Nistgħu biss nimmaġinaw kif ħassu Abraham meta Ġeħova qallu: “Itlaq minn artek u minn qrabatek . . . u mur fl-art li se nurik.” Jekk Abraham ħass xi ansjetà, bla dubju li din għosfrot bil-kliem li Ġeħova qallu wara: “Nagħmel ġens kbir minnek u nbierkek u nagħmel ismek kbir . . . U nbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek.”—Ġen. 12:1-3.

5 B’dan il-kliem, Ġeħova wiegħed li jsir post sigur fejn jgħammar għal Abraham u d-dixxendenti tiegħu. (Ġen. 26:1-6) Ġeħova wettaq il-wegħda tiegħu. Pereżempju, hu ma ħalliex li l-Fargħun tal-Eġittu u li s-Sultan Abimelek taʼ Gerar jisirqu lil Sara u joqtlu lil Abraham. Hu pproteġa lil Iżakk u Rebekka bl-istess mod. (Ġen. 12:14-20; 20:1-14; 26:6-11) Naqraw: “[Ġeħova] ma ħalla lil ebda bniedem jimbroljahom, imma minħabba fihom hu widdeb lis-slaten, u qal: ‘Tmissux lill-midlukin tiegħi, u tagħmlux deni lill-profeti tiegħi.’”—Salm 105:14, 15.

“Mhux se nitilqek”

6. Iżakk x’qallu jagħmel lil Ġakobb, u kif għandu mnejn ħassu Ġakobb?

6 Dawn il-profeti inkludew lin-neputi t’Abraham, Ġakobb. Meta wasal iż-żmien biex Ġakobb jiżżewweġ mara, Iżakk, missieru, qallu: “Tiħux mara mill-bniet taʼ Kangħan. Qum, mur il-Fiddien-aram fid-dar taʼ Betwel, missier ommok, u minn hemmhekk ħu mara għalik mill-bniet taʼ Laban.” (Ġen. 28:1, 2) Fil-pront, Ġakobb obda lil Iżakk. Hu ħalla s-sigurtà taʼ familtu f’Kangħan u vvjaġġa mijiet taʼ kilometri lejn l-inħawi taʼ Ħaran, aktarx waħdu. (Ġen. 28:10) Forsi beda jaħseb: ‘Kemm se ndum ma niġi lura? Se jieħu pjaċir jarani zijuwi u jagħtini mara li għandha l-biżaʼ t’Alla?’ Jekk Ġakobb kien qed jinkwieta b’dan il-mod, l-inkwiet tiegħu żgur li għosfor meta wasal Luż, xi 100 kilometru bogħod minn Bir-xeba. X’ġara f’Luż?

7. Alla kif serraħ moħħ Ġakobb permezz taʼ ħolma?

7 F’Luż, Ġeħova deher f’ħolma lil Ġakobb  u qallu: “Ara, jien miegħek u se nħarsek fit-triq kollha li sejjer fiha u se nġibek lura lejn din l-art, għax mhux se nitilqek sakemm inkun fil-fatt wettaqt kulma għedtlek.” (Ġen. 28:15) Min jaf kemm dan il-kliem inkuraġġanti farraġ lil Ġakobb u serraħlu moħħu! Tistaʼ ġġibu quddiem għajnejk wara din il-ġrajja, ħerqan biex jara kif Alla kien se jwettaq kelmtu? Jekk ħallejt darek, forsi biex taqdi f’pajjiż barrani, x’aktarx li tifhem l-emozzjonijiet taʼ Ġakobb. Iżda, bla dubju, int rajt b’għajnejk stess kemm Ġeħova ħa ħsiebek.

8, 9. B’liema modi Ġeħova wera li kien ‘post fejn jgħammar’ għal Ġakobb, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

8 Meta Ġakobb wasal Ħaran, zijuh Laban laqgħu bil-ferħ u iktar tard tah lil Lea u lil Rakele b’nisa tiegħu. Iżda maż-żmien, Laban ipprova jieħu vantaġġ minn Ġakobb billi biddillu ħlasu għaxar darbiet. (Ġen. 31:41, 42) Madankollu, Ġakobb issaporta dawn l-inġustizzji u kien fiduċjuż li Ġeħova kien se jkompli jieħu ħsiebu—u hekk għamel! Tabilħaqq, sa meta Alla qal lil Ġakobb biex imur lura Kangħan, il-patrijarka kellu “mrieħel kbar ħafna, qaddejja nisa u rġiel, iġmla, u ħmir.” (Ġen. 30:43) B’apprezzament profond, Ġakobb talab: “Jien ma jistħoqqulix il-qalb tajba bl-imħabba kollha u l-fedeltà kollha li int urejt mal-qaddej tiegħek, għax meta qsamt dan il-Ġordan kelli biss il-ħatar tiegħi u issa sirt żewġ kampijiet.”—Ġen. 32:10.

9 Dawn l-eżempji juru kemm kien minnu l-kliem taʼ Mosè: “O Ġeħova, int kont għalina post fejn ngħammru minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni”! (Salm 90:1) Dan il-kliem bl-istess mod japplika llum għaliex Ġeħova, li “ma jinbidilx u m’huwiex bħal dell li jiċċaqlaq,” jibqaʼ jkun post taʼ sigurtà u mħabba fejn jgħammru l-uħud leali tiegħu. (Ġak. 1:17) Ejja naraw kif.

ĠEĦOVA—“POST FEJN NGĦAMMRU” AĦNA LLUM

10. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jkompli jkun post sigur fejn jgħammru l-qaddejja tiegħu?

10 Immaġina din is-sitwazzjoni: Tinsab il-qorti biex tixhed kontra organizzazzjoni kriminali globali. Il-mexxej tagħha hu giddieb u qattiel intelliġenti, setgħan, u kiefer ħafna. Kif kont se tħossok fi tmiem il-ġurnata meta toħroġ mill-qorti? Protett? Xejn affattu! Tabilħaqq, kien ikollok raġuni tajba biex titlob għal protezzjoni. Dan kollu juri s-sitwazzjoni tal-qaddejja taʼ Ġeħova, li bil-qlubija jagħtu xhieda dwar Ġeħova u bla biżaʼ jikxfu lill-ikbar għadu krudil tiegħu, Satana! (Aqra Rivelazzjoni 12:17.) Imma rnexxielu Satana jagħlaq ħalq il-poplu t’Alla? Le! Fil-fatt, aħna nkomplu mexjin ’il quddiem spiritwalment—realtà li jistaʼ jkollha spjegazzjoni waħda biss: Ġeħova għadu l-kenn tagħna, “post fejn ngħammru” aħna, speċjalment matul dawn l-aħħar jiem. (Aqra Isaija 54:14, 17.) Madankollu, Ġeħova ma jistax ikun post sigur fejn ngħammru jekk inħallu lil Satana jħajjarna nitbiegħdu mill-post fejn ngħammru.

L-anġli t’Alla jappoġġaw u jipproteġu lill-qaddejja tiegħu

11. Liema lezzjoni nistgħu nitgħallmu mill-patrijarki?

11 Għal darb’oħra, ejja nitgħallmu lezzjoni mill-patrijarki. Għalkemm kienu jgħixu fl-art taʼ Kangħan, huma baqgħu separati min-nies tal-pajjiż u bagħdu l-ħajja immorali li kienu jgħixu dawn in-nies. (Ġen. 27:46) Huma kienu rġiel taʼ prinċipju li ma ddependewx minn lista twila t’affarijiet taʼ x’kellhom jew x’ma kellhomx jagħmlu. Kienu jafu dak li Ġeħova jħobb u jobgħod. Għalhekk, għamlu dak kollu li setgħu biex  ma jsirux parti mid-dinja. X’eżempju mill-aħjar ħallewlna! Tistinka int biex timita lill-patrijarki leali fl-għażla tiegħek tal-ħbieb u d-divertiment? B’sogħba, xi wħud fil-kongregazzjoni Kristjana juru li, għall-inqas sa ċertu punt, huma jħossuhom komdi fid-dinja taʼ Satana. Anke jekk tħossok xi ftit b’dan il-mod, itlob dwar din il-ħaġa. Ftakar, din id-dinja hi taʼ Satana. Bħalu, hi egoista u ma jimpurtahiex minna.—2 Kor. 4:4; Efes. 2:1, 2.

12. (a) Ġeħova kif jipprovdi għall-qaddejja tiegħu? (b) Kif tħossok int dwar dawn il-provvedimenti?

12 Sabiex inżommu sod kontra t-tnassis taʼ Satana, jeħtieġ li nieħdu vantaġġ sħiħ mill-provvedimenti spiritwali li Ġeħova jagħti lill-qaddejja tiegħu, lil dawk li jagħmluh il-post fejn jgħammru. Dawn il-provvedimenti jinkludu l-laqgħat Kristjani, il-qima tal-familja, u l-“irġiel bħala għotjiet”—ir-rgħajja maħturin minn Alla biex ifarrġuna u jappoġġawna hekk kif nissieltu mal-isfidi tal-ħajja. (Efes. 4:8-12) Ħuna George Gangas, li kien membru tal-Ġemgħa li Tiggverna għal snin sħaħ, kiteb: “Meta nkun fost [il-poplu t’Alla] nħossni bħallikieku qiegħed id-dar maʼ familti, f’ġenna spiritwali.” Tħossok bħalu?

13. Liema lezzjoni importanti nistgħu nisiltu minn Ebrej 11:13?

13 Kwalità oħra tal-patrijarki taʼ min jimitaha hi li m’għandniex nibżgħu nkunu differenti min-nies taʼ madwarna. Bħalma rajna fl-ewwel paragrafu, huma “stqarrew pubblikament li kienu stranġieri u residenti temporanji f’dik l-art.” (Ebr. 11:13) Determinat int biex turi li int differenti? Ngħiduha kif inhi, mhuwiex dejjem faċli li nagħmlu dan. Imma bl-għajnuna t’Alla u bl-appoġġ mingħand sħabek il-Kristjani tistaʼ tirnexxi. Ftakar, m’intix waħdek. Dawk kollha li jridu jaqdu lil Ġeħova għandhom ġlieda x’jiffaċċjaw. (Efes. 6:12) Xorta waħda, hija ġlieda li nistgħu nirbħu jekk nafdaw f’Ġeħova u nagħmluh il-post sigur fejn ngħammru.

14. Abraham liema “belt” stenna?

14 Dan ukoll huwa importanti: Imita lil Abraham billi żżomm għajnejk fuq il-premju. (2 Kor. 4:18) L-appostlu Pawlu kiteb li Abraham “kien qed jistenna l-belt li għandha sisien taʼ veru, li l-bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.” (Ebr. 11:10) Dik il-“belt” hija s-Saltna Messjanika. M’għandniex xi ngħidu, Abraham kellu jistenna din il-“belt.” F’ċertu sens, aħna le. Din qed taħkem issa fis-sema. Iżjed minn hekk,  il-profeziji tal-Bibbja juru ċar li dalwaqt se jkollha kontroll sħiħ tad-dinja. Hija din is-Saltna reali għalik? Teffettwalek hi l-attitudni tiegħek lejn il-ħajja, kif tqis din id-dinja, u l-prijoritajiet tiegħek?—Aqra t-2 Pietru 3:11, 12.

IL-“POST FEJN NGĦAMMRU” HEKK KIF JOQROB IT-TMIEM

15. Liema futur hemm jistenna lil dawk li jafdaw f’din id-dinja?

15 Il-problemi f’din id-dinja se jmorru għall-agħar qabel it-tmiem. (Mt. 24:7, 8) L-affarijiet żgur li se jmorru għall-agħar matul it-tribulazzjoni l-kbira. Madwar id-dinja, se jkun hemm qerda u konfużjoni, u n-nies se jkunu mwerwrin. (Ħab. 3:16, 17) Iddisprati għall-aħħar, huma bħallikieku se jfittxu kenn “fl-għerien u fil-blat tal-muntanji.” (Riv. 6:15-17) Imma l-ebda għar mhu se jipproteġihom, lanqas mhu se jipproteġihom xi negozju jew organizzazzjoni politika kbira.

16. Kif għandna nqisu l-kongregazzjoni Kristjana, u għala?

16 Madankollu, fit-tribulazzjoni l-kbira n-nies taʼ Ġeħova se jkomplu jgawdu s-sigurtà tal-‘post fejn jgħammru,’ Alla Ġeħova. Bħall-profeta Ħabakkuk, huma ‘se jifirħu b’Ġeħova.’ Huma ‘se jithennew bl-Alla tas-salvazzjoni tagħhom.’ (Ħab. 3:18) B’liema modi Ġeħova se juri li jkun ‘post fejn ngħammru’ matul dak iż-żmien diffiċli? Ikollna nistennew u naraw. Imma nistgħu nkunu ċerti minn dan: Bħall-Iżraelin fi żmien l-Eżodu, il-“folla kbira” se tibqaʼ organizzata, dejjem għassa għad-direzzjoni divina. (Riv. 7:9; aqra Eżodu 13:18.) Din id-direzzjoni se tiġi b’mod teokratiku, probabbilment permezz tal-arranġament tal-kongregazzjoni. Isaija 26:20 isemmi “l-kmamar taʼ ġewwa” li se jipproteġu lill-poplu t’Alla. Dawn jistgħu jirreferu għall-kongregazzjonijiet madwar id-dinja. (Aqra Isaija 26:20.) Tapprezza int il-laqgħat tal-kongregazzjoni? Taġixxi fil-pront għad-direzzjoni li Ġeħova jipprovdi permezz tal-arranġament tal-kongregazzjoni?—Ebr. 13:17.

17. B’liema mod Ġeħova hu ‘post fejn jgħammru’ anke l-qaddejja leali tiegħu li mietu?

17 Anke dawk li forsi jmutu leali qabel tibda t-tribulazzjoni l-kbira jibqgħu siguri maʼ Ġeħova, il-‘post fejn jgħammru.’ Kif? Ħafna wara li mietu l-patrijarki leali, Ġeħova qal lil Mosè: “Jien l-Alla . . . t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.” (Eżo. 3:6) Wara li kkwota dan il-kliem, Ġesù kompla jgħid: “Hu mhux Alla tal-mejtin, imma tal-ħajjin, għax kollha ħajjin għalih.” (Lq. 20:38) Iva, għal Ġeħova, l-uħud leali li mietu huma daqslikieku ħajjin; l-irxoxt tagħhom hu ċertezza.—Ekk. 7:1.

18. Fid-dinja l-ġdida, Ġeħova kif se juri li jkun ‘post fejn jgħammar’ il-poplu tiegħu b’mod speċjali?

18 Fid-dinja l-ġdida li tinsab fil-qrib, Ġeħova se jsir ‘post fejn jgħammar’ il-poplu tiegħu b’mod speċjali. Rivelazzjoni 21:3 jgħid: “Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom.” Ġeħova se juża lil Ġesù Kristu biex jaħkem għal fuq l-art għall-ewwel elf sena. Fi tmiem l-elf sena, Ġesù se jagħti s-Saltna lura lil Missieru, wara li jkun wettaq bis-sħiħ l-iskop t’Alla għall-art. (1 Kor. 15:28) Minn hemm ’il quddiem, il-bnedmin perfetti ma jkollhomx iżjed bżonn lil Ġesù bħala interċessur; Ġeħova se jkun magħhom. Xi prospett meraviljuż għandna quddiemna! Mela, sadanittant, ejja nistinkaw biex nimitaw lill-ġenerazzjonijiet leali tal-passat billi nagħmlu lil Ġeħova l-“post fejn ngħammru.”