“Min għandu spirtu umli jikseb il-glorja.”—PROV. 29:23.

1, 2. (a) Il-kliem bil-lingwa oriġinali għall-“glorja” għal xiex jirreferi? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

META tismaʼ l-kelma “glorja,” x’jiġik f’moħħok? Il-ġmiel liema bħalu tal-ħolqien? (Salm 19:1) It-tifħir u l-glorja li jingħataw lill-bnedmin li jkollhom ħafna ġid, għerf, jew suċċessi? Fl-Iskrittura, il-kliem bil-lingwa oriġinali għall-“glorja” jagħti sens taʼ piż. Fi żmien il-qedem—meta l-flus kienu magħmulin minn metalli bħalma huma l-fidda jew id-deheb—iktar ma kienet tkun tqila l-munita, iktar kien ikun għoli l-valur tagħha. Għalhekk, il-kliem li ġie tradott “glorja” jistaʼ jirreferi għal xi ħaġa li għandha valur kbir jew li hi impressjonanti ferm.

2 Għalkemm aħna nistgħu nibqgħu impressjonati bil-poter, il-pożizzjoni, jew ir-reputazzjoni taʼ individwu ieħor, Alla xi jfittex fil-bnedmin? L-Iskrittura fil-fatt titkellem dwar glorja li Alla jsawwab fuq il-bnedmin. Pereżempju, Proverbji 22:4 jgħid: “Ir-riżultat taʼ l-umiltà u l-biżaʼ taʼ Ġeħova hu rikkezzi u glorja u ħajja.” U d-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Umiljaw ruħkom f’għajnejn Ġeħova, u hu jeżaltakom.” (Ġak. 4:10) X’inhi l-glorja li Ġeħova jagħti lill-bnedmin? X’jistaʼ jfixkilna milli niksbuha? U kif nistgħu ngħinu lil oħrajn jiksbu din il-glorja?

3-5. Ġeħova kif jagħtina l-glorja?

3 Is-salmista esprima l-fiduċja li Ġeħova kien se jaqbadlu idu l-leminija u jmexxih lejn il-glorja vera. (Aqra Salm 73:23, 24.) Ġeħova kif jagħmlu dan? Ġeħova jmexxi lill-qaddejja umli tiegħu lejn il-glorja billi jonorahom b’ħafna modi. Hu jberikhom billi jgħinhom jifhmu r-rieda tiegħu. (1 Kor. 2:7) Lil dawk li jisimgħu l-kelma tiegħu u jobduh, jagħtihom l-unur li jkollhom relazzjoni personali mill-qrib miegħu.—Ġak. 4:8.

 4 Ukoll Ġeħova jafda lill-qaddejja tiegħu bit-teżor glorjuż tal-ministeru Kristjan. (2 Kor. 4:1, 7) U dan il-ministeru jwassal għall-glorja. Lil dawk li jużaw dan il-privileġġ taʼ servizz biex ifaħħruh u għall-benefiċċju t’oħrajn, Ġeħova jwegħedhom: “Lil dawk li jonorawni nonorahom.” (1 Sam. 2:30) Uħud bħal dawn huma onorati b’isem tajjeb maʼ Ġeħova, jiġifieri jkollhom l-approvazzjoni tiegħu. U x’aktarx li qaddejja oħrajn t’Alla se jitkellmu tajjeb dwarhom.Prov. 11:16; 22:1.

3-5. Ġeħova kif jagħtina l-glorja?

5 Xi ngħidu dwar il-futur taʼ min ‘jittama f’Ġeħova u jżomm triqtu’? Dan ġie mwiegħed: “Hu [Ġeħova] jeżaltak biex tieħu l-art. Meta l-ħżiena jitqaċċtu, int se tarah dan.” (Salm 37:34) Il-qaddejja t’Alla għandhom it-tama tal-għaġeb li jgħixu għal dejjem.Salm 37:29.

“JIEN MA NAĊĊETTAX GLORJA MINGĦAND IL-BNEDMIN”

6, 7. Ħafna nies għala ma kinux lesti li jpoġġu l-fidi f’Ġesù?

6 X’jistaʼ jfixkilna milli nirċievu l-glorja li Ġeħova hu lest li jagħtina? Ħaġa waħda hi li nagħtu wisq importanza lill-opinjonijiet taʼ dawk li m’għandhomx relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Ikkunsidra dak li kiteb l-appostlu Ġwanni dwar ċerti wħud li kellhom l-awtorità fi żmien Ġesù: “Ħafna mill-ħakkiema wkoll poġġew il-fidi [f’Ġesù], imma minħabba l-Fariżej ma kinux jistqarruh, sabiex ma jitkeċċewx mis-sinagoga; għax kienu jħobbu l-glorja tal-bnedmin saħansitra iktar mill-glorja t’Alla.” (Ġw. 12:42, 43) Kemm kien ikun aħjar li kieku dawk il-ħakkiema ma tawx daqshekk importanza għal dak li kienu jaħsbu l-Fariżej.

7 Iktar kmieni fil-ministeru tiegħu, Ġesù kien identifika b’mod ċar għala ħafna ma kinux se jilqgħuh u jpoġġu l-fidi fih. (Aqra Ġwanni 5:39-44.) Il-ġens taʼ Iżrael kien ilu jistenna l-wasla tal-Messija sekli sħaħ. Meta Ġesù beda jgħallem, xi individwi għandhom mnejn indunaw mill-profezija taʼ Danjel li kien wasal iż-żmien maħtur biex jidher Kristu. Xhur qabel, meta Ġwanni l-Għammied beda jipprietka, ħafna kienu qed jgħidu: “Forsi dan hu l-Kristu?” (Lq. 3:15) Issa l-Messija tant mistenni kien qed jgħallem f’nofshom. Imma dawk li kienu jafu l-Liġi m’aċċettawhx. Ġesù wriehom x’kienet ir-raġuni billi staqsiehom: “Kif tistgħu temmnu, meta qed taċċettaw glorja mingħand xulxin u m’intomx tfittxu l-glorja mingħand l-uniku Alla?”

8, 9. Uri kif il-glorja mill-bnedmin tistaʼ ssir iktar importanti mill-glorja mingħand Ġeħova billi tuża l-eżempju tad-dawl.

8 Aħna nistgħu nifhmu aħjar kif il-glorja mill-bnedmin tistaʼ ssir iktar importanti għalina mill-unur li jagħti Ġeħova billi nqabblu l-glorja mad-dawl. L-univers hu mimli dawl. Tiftakar meta kien l-aħħar li ħarist lejn is-sema f’lejl bla sħab u stajt tara eluf taʼ kwiekeb? “Il-glorja tal-kwiekeb” hi tal-għaġeb. (1 Kor. 15:40, 41) Iżda, meta tħares minn triq taʼ belt imdawla sew, l-istess sema kif jidher? Id-dwal tal-belt jagħmluhielna kważi impossibbli li naraw id-dawl li jiddi mill-kwiekeb fil-bogħod. Huwa dan għaliex id-dwal tat-toroq, l-istejdjums, u l-bini huma iktar b’saħħithom jew isbaħ minn dak tal-kwiekeb? Le! Dan jiġri għaliex id-dwal tal-belt huma eqreb tagħna u jtellfuna minn dak li nistgħu nosservaw mill-ħolqien taʼ Ġeħova. Għalhekk, biex naraw il-ġmiel tal-kwiekeb irridu mmorru xi mkien ’il bogħod mid-dwal artifiċjali.

9 Bl-istess mod, jekk ngħożżu żżejjed il-glorja mill-bnedmin, nistgħu ma nibqgħux napprezzaw u nfittxu l-glorja dejjiema  li Ġeħova lest li jagħtina. Ħafna ma jaċċettawx il-messaġġ tas-Saltna għax jibżgħu minn dak li jistgħu jaħsbu fuqhom il-ħbieb u l-membri tal-familja. Imma tistaʼ x-xewqa għall-glorja mingħand il-bnedmin teffettwa saħansitra lill-qaddejja dedikati t’Alla? Ejja nagħmlu mod li żagħżugħ jingħata territorju biex jipprietka fi nħawi fejn jafuh ħafna nies imma għadhom ma jafux li hu wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Se jibżaʼ u ma jippritkax? Jew xi ngħidu kieku xi ħadd jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt minħabba li qed jirsisti biex jagħmel iktar fis-servizz taʼ Ġeħova? Se jismaʼ minn dawk li ma japprezzawx is-servizz taʼ Ġeħova kemm suppost? Jew forsi Kristjan ikkommetta dnub serju. Se jaħbi hu d-dnub tiegħu għax jibżaʼ li jitlef ir-responsabbiltajiet tiegħu fil-kongregazzjoni jew għax ma jridx li jiddiżappunta lill-maħbubin tiegħu? F’każ li jkun ikkommetta dnub serju, jekk il-ħsieb ewlieni tiegħu jkun li jirranġa r-relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova, hu se “jsejjaħ għandu lill-anzjani tal-kongregazzjoni” u jfittex l-għajnuna tagħhom.—Aqra Ġakbu 5:14-16.

10. (a) X’jistaʼ jiġri jekk ninkwetaw iżżejjed dwar dak li jaħseb ħaddieħor dwarna? (b) Dwar xiex inkunu ċerti jekk naġixxu bl-umiltà?

10 Għandu mnejn li nkunu qed nagħmlu progress biex insiru Kristjani maturi imma xi ħu fil-kongregazzjoni jagħtina parir. Nistgħu naċċettaw il-parir u nibbenefikaw minnu. Jew nistgħu ninjoraw il-parir minħabba l-kburija, jew ninkwetaw iżżejjed dwar ir-reputazzjoni tagħna, jew nipprovaw niġġustifikaw ruħna. Ejja nagħmlu mod li qed taħdem fuq proġett maʼ xi ħu ieħor. Se tinkwieta int dwar min se jieħu l-krettu għall-ideat tajbin u x-xogħol iebes tiegħek? Jekk issib ruħek f’xi waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, kun ċert li “min għandu spirtu umli jikseb il-glorja.”—Prov. 29:23.

11. Kif għandna nħossuna meta xi ħadd ifaħħarna, u għala?

11 L-indokraturi u dawk li qed ‘jirsistu’ għal kariga bħal din bl-istess mod għandhom joqogħdu attenti li ma jfittxux it-tifħir mill-bnedmin. (1 Tim. 3:1; 1 Tess. 2:6) Ħu kif għandu jirreaġixxi meta jirċievi tifħir sinċier għal xi biċċa xogħol li jkun għamilha tajjeb? X’aktarx li mhux se jibni monument bħala tifkira għalih innifsu, bħalma għamel is-Sultan Sawl. (1 Sam. 15:12) Madankollu, jirrikonoxxi hu minnufih li dak li rnexxielu jwettaq kien possibbli biss bil-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova u li kwalunkwe suċċess fil-futur għadu jiddependi mill-barka u l-għajnuna t’Alla? (1 Pt. 4:11) Il-mod kif inħossuna meta xi ħadd ifaħħarna se jirrivela liema glorja qed infittxu.—Prov. 27:21.

‘INTOM TIXTIEQU TAGĦMLU X-XEWQAT TAʼ MISSIERKOM’

12. X’żamm lil ċerti Lhud milli jisimgħu lil Ġesù?

12 Ix-xewqat tagħna jistgħu jkunu xi ħaġa oħra li jfixkluna milli niksbu l-glorja mingħand Alla. Xewqat ħżiena jistgħu ma jħalluniex nisimgħu l-verità. (Aqra Ġwanni 8:43-47.) Ġesù lil ċerti Lhud qalilhom li huma ma semgħux il-messaġġ tiegħu għax ‘xtaqu jagħmlu x-xewqat taʼ missierhom, ix-Xitan.’

13, 14. (a) Xi riċerkaturi x’jgħidu dwar kif moħħna jipproċessa l-leħen uman? (b) X’jiddetermina minn min nisimgħu?

13 Dak li nixtiequ jinfluwenza l-mod kif nisimgħu. (2 Pt. 3:5) Ġeħova ħalaqna bl-abbiltà tal-għaġeb li ninjoraw xi ħsejjes. Ieqaf ftit u kkonċentra fuq kemm ħsejjes differenti tistaʼ tismaʼ preċiż issa. X’aktarx lanqas biss kont konxju taʼ ħafna minnhom mument ilu. Għala le? Għax għalkemm moħħok għandu l-abbiltà li jismaʼ dawk il-ħsejjes differenti kollha, kien qed jgħinek tikkonċentra  fuq wieħed biss. Imma huwa iktar diffiċli għall-moħħ li jagħmel dan meta nisimgħu lill-oħrajn jitkellmu. Xi riċerkaturi skoprew li nistgħu noqogħdu attenti biss għal persuna waħda. Dan ifisser li meta tnejn min-nies ikunu qed ikellmuk f’daqqa, trid tagħżel lil min minnhom se tagħti kas, lil min trid tismaʼ. Il-Lhud li xtaqu jagħmlu x-xewqat taʼ missierhom, ix-Xitan, ma semgħux lil Ġesù.

14 Il-Bibbja tgħid li sa ċertu punt, kemm “l-għerf” u kemm l-‘istupidità’ qegħdin dejjem jipprovaw iġegħluna nisimgħu minnhom. (Prov. 9:1-5, 13-17) Aħna għandna għażla. Lil min minnhom se nisimgħu? Dan jiddependi mir-rieda taʼ min irridu nagħmlu. In-nagħaġ taʼ Ġesù jisimgħu leħnu u jsegwuh. (Ġw. 10:16, 27) Huma qegħdin “fuq in-naħa tal-verità.” (Ġw. 18:37) “Leħen il-barranin ma jagħrfuhx.” (Ġw. 10:5) Uħud umli bħal dawn jiksbu l-glorja.—Prov. 3:13, 16; 8:1, 18.

“DAWN IFISSRU GLORJA GĦALIKOM”

15. It-tribulazzjonijiet taʼ Pawlu kif setgħu “jfissru glorja” għal oħrajn?

15 Jekk nipperseveraw f’li nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova, se ngħinu lil oħrajn jiksbu l-glorja. Lill-kongregazzjoni t’Efesu, Pawlu kitbilhom: “Nitlobkom biex ma taqtgħux qalbkom minħabba dawn it-tribulazzjonijiet tiegħi għan-nom tagħkom, għax dawn ifissru glorja għalikom.” (Efes. 3:13) It-tribulazzjonijiet taʼ Pawlu f’liema sens kienu “jfissru glorja” għall-Efesin? Minkejja l-problemi, Pawlu baqaʼ jaqdi lil ħutu, u b’hekk uriehom li l-iktar ħaġa prezzjuża għal Kristjan għandha tkun li jaqdi lil Alla. Li kieku Pawlu ċeda meta kien għaddej mit-tribulazzjoni, ħutu għandu mnejn kienu jaħsbu li r-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova, il-ministeru tagħhom, u t-tama tagħhom ma kinux importanti. Bl-eżempju tiegħu taʼ sabar, Pawlu wera lill-aħwa li jiswa kull sagrifiċċju li tkun dixxiplu taʼ Kristu.

16. Pawlu liema tribulazzjoni għadda minnha f’Listra?

16 Aħseb ftit dwar l-effett li kellhom iż-żelu u s-sabar taʼ Pawlu. Atti 14:19, 20 jgħid: “Waslu xi Lhud minn Antjokja u Ikonju u pperswadew lill-folol, u dawn ħaġġru lil Pawlu u kaxkruh barra l-belt [taʼ Listra], għax ħasbu li kien mejjet. Madankollu, meta daru miegħu d-dixxipli, qam u daħal il-belt. U l-għada telaq maʼ Barnaba lejn Derbe.” Immaġina, filli tħalla għal mejjet u filli l-għada vvjaġġa 100 kilometru, u dan bil-mixi!

17, 18. (a) Timotju f’liema sens setaʼ segwa mill-qrib it-tbatija li għadda minnha Pawlu f’Listra? (b) Is-sabar li wera Pawlu, x’effett kellu fuq Timotju?

17 Kien Timotju wieħed mid-“dixxipli”  li mar jagħti l-għajnuna lil Pawlu? Ir-rakkont fil-ktieb tal-Atti ma jgħidx dan b’mod speċifiku, imma huwa possibbli. Ikkunsidra dak li kiteb Pawlu fit-tieni ittra tiegħu lil Timotju: “Int segwejt mill-qrib it-tagħlim tiegħi, il-kondotta tiegħi, . . . ix-xorta t’affarijiet li ġrawli f’Antjokja [tkeċċa mill-belt], f’Ikonju [ipprovaw iħaġġruh], u f’Listra [ħaġġruh], ix-xorta taʼ persekuzzjonijiet li għaddejt minnhom; iżda l-Mulej ħelisni minnhom kollha.”—2 Tim. 3:10, 11; Atti 13:50; 14:5, 19.

18 Timotju ‘segwa mill-qrib’ dawk il-ġrajjiet u kien konxju għalkollox tas-sabar taʼ Pawlu. Dan ħalla impatt qawwi fuq moħħ Timotju. Meta Pawlu żar Listra sab li Timotju kien Kristjan eżemplari, minħabba li “l-aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwaru.” (Atti 16:1, 2) Għadda ż-żmien, u Timotju kkwalifika għal responsabbiltajiet importanti.Flp. 2:19, 20; 1 Tim. 1:3.

19. X’effett jistaʼ jkollu s-sabar tagħna fuq oħrajn?

19 Jekk nipperseveraw f’li nagħmlu r-rieda t’Alla nistgħu nħallu l-istess effett fuq oħrajn—speċjalment fuq iż-żgħar, li ħafna minnhom meta jikbru jsiru qaddejja prezzjużi t’Alla. Iż-żgħażagħ mhux talli josservawna u jitgħallmu minna kif jitkellmu u jsiru tas-sengħa fil-ministeru, imma talli jaraw ukoll kif aħna nirreaġixxu meta niltaqgħu mad-diffikultajiet tal-ħajja. Pawlu ‘baqaʼ jissaporti kollox’ sabiex dawk kollha li jibqgħu leali ‘jiksbu s-salvazzjoni flimkien mal-glorja taʼ dejjem.’—2 Tim. 2:10.

Iż-żgħażagħ japprezzaw il-perseveranza li juru l-Kristjani mdaħħlin fiż-żmien

20. Għala għandna nkomplu nfittxu l-glorja mingħand Alla?

20 Mela, m’għandniex aħna nkomplu ‘nfittxu l-glorja mingħand l-uniku Alla’? (Ġw. 5:44; 7:18) Dażgur! (Aqra Rumani 2:6, 7.) Ġeħova jagħti l-‘ħajja taʼ dejjem lil min qed ifittex il-glorja.’ Iktar minn hekk, is-sabar tagħna “f’għemil li hu tajjeb” iħeġġeġ lil oħrajn jibqgħu sodi, għall-ġid dejjiemi tagħhom. Għalhekk, tħalli xejn ifixklek milli tikseb il-glorja li jagħti Alla.