“Dan hu l-wirt tal-qaddejja taʼ Ġeħova.”IS. 54:17.

1. Ġeħova xi ppreserva għall-benefiċċju tal-umanità?

ĠEĦOVA, “l-Alla l-ħaj,” ippreserva l-messaġġ tiegħu li jsalva l-ħajjiet għall-benefiċċju tal-umanità. Żgur li dan se jibqaʼ għax “il-kelma taʼ Ġeħova tibqaʼ għal dejjem.” (1 Pt. 1:23-25) Kemm aħna grati li Ġeħova bi mħabba ppreserva informazzjoni vitali bħal din fil-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja!

2. Fil-Kelma miktuba tiegħu, Alla xi ppreserva biex ikun jistaʼ jużah il-poplu tiegħu?

2 Fil-Kelma tiegħu, Alla ppreserva l-istess isem li għażel għalih innifsu biex ikun jistaʼ jużah il-poplu tiegħu. L-ewwel darba li l-Iskrittura ssemmi lil “Alla Ġeħova” hu fir-“rakkont storiku tas-smewwiet u l-art.” (Ġen. 2:4) L-isem t’Alla ġie mnaqqax diversi drabi b’mod mirakoluż fuq it-twavel tal-ġebel li fuqhom inkitbu l-Għaxar Kmandamenti. Pereżempju, l-ewwel kmandament jibda: “Jien Ġeħova Alla tiegħek.” (Eżo. 20:1-17) Isem Alla jibqaʼ għal dejjem għax il-Mulej Sovran Ġeħova ppreserva Kelmtu u ismu minkejja l-isforzi sataniċi kollha biex jiġu eliminati.Salm 73:28.

3. Minkejja li hawn viżibilju taʼ ideat reliġjużi żbaljati, Alla xi ppreserva?

3 Fil-Kelma tiegħu, Ġeħova ppreserva wkoll il-verità. Minkejja li hawn viżibilju taʼ ideat reliġjużi żbaljati madwar id-dinja, kemm aħna grati li Alla tana d-dawl u l-verità spiritwali! (Aqra Salm 43:3, 4.) Filwaqt illi l-biċċa l-kbira tal-umanità timxi fid-dlam, aħna henjin li nibqgħu nimxu fid-dawl spiritwali li jagħti Alla.1 Ġw. 1:6, 7.

GĦANDNA WIRT X’NGĦOŻŻU

4, 5. Liema privileġġ ilu tagħna mill-1931?

4 Bħala Kristjani, aħna għandna wirt prezzjuż. Dizzjunarju wieħed jgħid: “Wirt taʼ pajjiż hu l-kwalitajiet, it-tradizzjonijiet, jew l-aspetti kollha tal-ħajja li jkollu u li jibqgħu sejrin fuq medda kbira  taʼ snin u li jkunu għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra.” (Collins Cobuild English Dictionary) Il-wirt spiritwali tagħna jinkludi l-barka li ngawdu l-għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla u l-fehma ċara tal-verità dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu. Jinvolvi wkoll privileġġ speċjali ħafna.

Aħna ngħatajna l-isem speċjali Xhieda taʼ Ġeħova fil-konvenzjoni tagħna fl-1931

5 Dan il-privileġġ sar parti mill-wirt spiritwali tagħna f’konvenzjoni li kellna f’Columbus, Ohio, l-Istati Uniti tal-Amerika fl-1931. Fil-programm stampat dehru l-ittri “JW.” Oħt qalet li l-aħwa kienu kurjużi u pprovaw jaqtgħu xi jfissru l-ittri JW. Iktar tard saru jafu li jfissru “Xhieda taʼ Ġeħova” (Jehovah’s Witnesses bl-Ingliż). Qabel dak iż-żmien konna nissejħu Studenti tal-Bibbja, imma waqt taħdita speċjali fis-26 taʼ Lulju, 1931, dawk kollha fl-udjenza qablu li minn dakinhar ’il quddiem nibdew nissejħu Xhieda taʼ Ġeħova. Kien eċċitanti ferm li nadottaw dak l-isem Skritturali. (Aqra Isaija 43:12.) Ħu ftakar: “Qatt m’jien se ninsa l-applaws u l-għajta taʼ ferħ tremenda li kien hemm.” Ħadd iktar fid-dinja ma ried dak l-isem, imma Alla berikna billi ħalliena nużawh għal iktar minn 80 sena. Xi privileġġ speċjali hu li tkun wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova!

6. Il-wirt spiritwali tagħna jinkludi liema informazzjoni eżatta?

6 Il-wirt spiritwali tagħna jinkludi abbundanza taʼ informazzjoni eżatta u taʼ valur mill-passat. Pereżempju, ikkunsidra lil Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Dawn il-patrijarki u l-familji tagħhom żgur li kien ikollhom diskussjonijiet dwar kif jogħġbu lil Ġeħova. Għalhekk, mhix sorpriża li Ġużeppi ċaħad l-immoralità sesswali sabiex ma ‘jidnibx kontra Alla.’ (Ġen. 39:7-9) Fl-ewwel seklu, il-Kristjani kienu jaqsmu l-informazzjoni dwar Alla maʼ xulxin. Pawlu qal lill-kongregazzjoni kulma kien għallmu Ġesù dwar l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. (1 Kor. 11:2, 23) Illum, id-dettalji meħtiġin biex inqimu lil Alla “bl-ispirtu u l-verità” huma parti mill-Kelma miktuba tiegħu. (Aqra Ġwanni 4:23, 24.) Il-Bibbja tistaʼ tgħin lill-umanità kollha, imma bħala l-poplu t’Alla aħna għandna nkunu speċjalment grati għaliha.

7. Il-wirt tagħna jinkludi liema wegħda li tqawwi l-qalb?

7 Parti mill-wirt spiritwali tagħna jikkonsisti minn rakkonti pubblikati fi żmienna li juru li ‘Ġeħova qiegħed fuq in-naħa tagħna.’ (Salm 118:7) Dan iġegħelna nħossuna fis-sigurtà, anki meta nkunu persegwitati. Xi ħaġa li tqawwilna qalbna mill-wirt spiritwali li dejjem jikber hi l-wegħda: “‘Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix, u kwalunkwe lsien li jqum kontrik fil-ġudizzju, int tikkundannah.  Dan hu l-wirt tal-qaddejja taʼ Ġeħova, u s-sewwa tagħhom ġej mingħandi,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova.” (Is. 54:17) Satana ma jistaʼ juża ebda arma li biha jweġġagħna għal dejjem.

8. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu u f’li jmiss?

8 Satana pprova jeqred il-Kelma t’Alla, jelimina isem Ġeħova, u jaħbi l-verità. Imma ċertament li hu lanqas biss jibda maʼ Ġeħova, li ġab fix-xejn dawn l-isforzi kollha. F’dan l-artiklu u f’li jmiss se naraw (1) kif Alla ppreserva Kelmtu; (2) kif Ġeħova għamel ċert li n-nies isiru jafu ismu; u (3) kif Missierna tas-sema għamilhielna possibbli li nkunu nafu l-verità llum.

ĠEĦOVA PPRESERVA KELMTU

9-11. Ġeħova kif ipproteġa l-Bibbja?

9 Ġeħova ppreserva kelmtu minkejja l-ostakli kollha. Il-Knisja Kattolika pprovat twaqqaf lin-nies milli jaqraw il-Bibbja. Fl-1229, kunsill tal-knisja fi Franza għamel liġi li kienet tgħid li kien ħażin li n-nies jaqrawha fil-lingwa tagħhom stess. Fi Spanja, fl-1234, ħarġet liġi simili. Iktar tard, fl-1559, il-Papa Pawlu IV inkluda l-Bibbja f’lista taʼ kotba li persuna ma tistax tippubblika jew ikollha mingħajr il-permess tal-knisja.

10 Minkejja d-diversi attakki fuq il-Bibbja, din ġiet preservata. Madwar is-sena 1382, John Wycliffe u sħabu pproduċew l-ewwel traduzzjoni tal-Bibbja bl-Ingliż. Traduttur ieħor tal-Bibbja kien William Tyndale, li għax għamel hekk ġie maqtul fl-1536. Marbut maʼ zokk, jintqal li għajjat, “Mulej, iftaħ għajnejn ir-re tal-Ingilterra.” Imbagħad ġie mgħallaq u maħruq.

11 Avolja kien hemm ħafna oppożizzjoni, il-Bibbja ma nqerditx. Pereżempju, fl-1535, Miles Coverdale ukoll ittraduċa l-Bibbja bl-Ingliż. Mill-verżjoni taʼ Tyndale, Coverdale uża t-“Testment il-Ġdid” u minn Ġenesi sa Kronaki tat-“Testment il-Qadim.” Ittraduċa partijiet oħra tal-Iskrittura mil-Latin u mill-Bibbja bil-Ġermaniż taʼ Martin Luther. Illum għandna t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa. Aħna ferħanin b’din it-traduzzjoni għax hi ċara, eżatta, u faċli biex nużawha fil-ministeru tagħna. La Satana u lanqas il-bnedmin ma jistgħu qatt jeqirdu l-Bibbja.

ĠEĦOVA GĦAMEL ĊERT LI NISTGĦU NSIRU NAFU ISMU

Tyndale u oħrajn ittraduċew il-Bibbja minkejja li kienu jafu li setgħu jinqatlu minħabba f’hekk

12. It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida kif għenet lin-nies isiru jafu isem Ġeħova?

12 Alla Ġeħova għamel ċert li ismu jkun preservat f’Kelmtu. F’dan ir-rigward, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida għandha rwol ewlieni. Fid-daħla,  il-kumitat taʼ tradutturi dedikati tagħha kiteb: “Fattur primarju taʼ din it-traduzzjoni huwa li l-isem divin t’Alla reġaʼ tpoġġa fil-post xieraq tiegħu fit-test tal-Bibbja. Dan seħħ billi ntuża l-isem ‘Ġeħova,’ li normalment jintuża bil-Malti, 6,973 darba fl-Iskrittura Ebrajka u 237 darba fl-Iskrittura Griega Kristjana.” It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida issa hi disponibbli, sħiħa jew parti minnha, f’iktar minn 116-il lingwa, u ġew stampati iktar minn 178,545,862 kopja.

13. Għala jistaʼ jingħad li n-nies ilhom jafu l-isem t’Alla mill-ħolqien tal-bniedem?

13 In-nies ilhom jafu l-isem t’Alla mill-ħolqien tal-bniedem. Adam u Eva kienu konxji tal-isem, u kienu jafu eżattament kif jippronunzjawh. Meta Ħam wera nuqqas taʼ rispett lejn missieru wara d-Dilluvju, Noè qal: “Ikun imbierek Ġeħova, Alla taʼ Sem, u ħa jsir Kangħan [iben Ħam] ilsir tiegħu.” (Ġen. 4:1; 9:26) Alla nnifsu ddikjara: “Jien Ġeħova. Dak hu ismi; u lil ħadd iktar ma nagħti l-glorja tiegħi.” Alla qal ukoll: “Jien Ġeħova, u m’hemm ħadd ieħor. M’hemm ebda Alla għajri.” (Is. 42:8; 45:5) Ġeħova għamel ċert li n-nies madwar id-dinja jistgħu jkunu jafu ismu. Kemm aħna privileġġati li nużaw isem Ġeħova u naqdu bħala x-Xhieda tiegħu! Dan hu li trid tfisser il-Bibbja meta tgħid: “F’isem Alla tagħna ngħollu l-bnadar tagħna.”Salm 20:5.

14. Minbarra l-Bibbja, fejn jidher ukoll l-isem t’Alla?

14 L-isem t’Alla ma jidhirx biss fil-Bibbja. Ikkunsidra l-Ġebla Mowabija li nstabet f’Dhiban (Dibon fil-Bibbja), 21 kilometru fil-Lvant tal-Baħar il-Mejjet. Il-ġebla ssemmi lis-Sultan Għomri taʼ Iżrael u tagħti l-verżjoni tal-irvell taʼ Mesa, is-sultan taʼ Mowab, kontra Iżrael. (1 Slat. 16:28; 2 Slat. 1:1; 3:4, 5) Imma l-Ġebla Mowabija hi taʼ interess speċjali għax fuqha jidher l-isem t’Alla fil-forma tat-Tetragrammaton. It-Tetragrammaton jidher ukoll kemm-il darba fl-Ittri taʼ Lakis, li kienu biċċiet tal-fuħħar li nstabu f’Iżrael.

15. X’inhi s-Settanta, u għala kien hemm bżonnha?

15 It-tradutturi bikrin tal-Bibbja kellhom sehem f’li jippreservaw l-isem divin. Wara l-eżilju tagħhom f’Babilonja mis-sena 607 Q.E.K. sas-sena 573 Q.E.K., ħafna Lhud ma marrux lura f’Ġuda u f’Iżrael. Sat-tielet seklu Q.E.K., għadd kbir taʼ Lhud li kienu jgħixu Lixandra, fl-Eġittu, kellhom bżonn traduzzjoni tal-Iskrittura Ebrajka bil-Grieg, li dak iż-żmien kien lingwa internazzjonali. Din il-verżjoni hi s-Settanta, li tlestiet sat-tieni seklu Q.E.K. Xi kopji tagħha fihom isem Ġeħova fil-forma Ebrajka.

16. Agħti eżempju taʼ kif intuża l-isem t’Alla fi ktieb li ġie pubblikat l-ewwel darba fl-1640.

16 L-ewwel ktieb pubblikat fil-kolonji Amerikani kien it-traduzzjoni tas-Salmi li fih l-isem divin. Dan ġie tradott mill-Ebrajk għall-Ingliż. Hu msejjaħ il-Bay Psalm Book, u ġie stampat l-ewwel darba fl-1640. Post wieħed fejn juża l-isem t’Alla, miktub Iehovah, hu f’Salm 1:1, 2. Hemmhekk jgħid li raġel imbierek ma jimxix fuq il-parir tal-ħżiena, imma jixxennaq għal-“liġi taʼ Iehovah.” Għal iktar informazzjoni dwar l-isem t’Alla, ara l-browxer L-Isem Divin li Se Jibqaʼ għal Dejjem.

ĠEĦOVA GĦAMEL ĊERT LI NISTGĦU NSIRU NAFU L-VERITÀ

17, 18. (a) Int kif tfisser il-kelma “verità”? (b) Fiex tikkonsisti “l-verità taʼ l-aħbar tajba”?

17 Aħna naqdu bil-ferħ lil “Ġeħova, l-Alla tal-verità.” (Salm 31:5) Collins Cobuild English Dictionary jgħid: “Il-verità  dwar xi ħaġa hi l-fatti kollha dwarha, mhux l-affarijiet li huma immaġinati jew ivvintati.” Fil-lingwi oriġinali tal-Bibbja, il-kliem li spiss jiġi tradott “verità” jirreferi għal xi ħaġa li hi minnha, vera, u taʼ min jafdaha.

18 Ġeħova ppreserva l-verità spiritwali u għamel ċert li jkollna disponibbli għarfien dwarha b’abbundanza. (2 Ġw. 1, 2) Il-fehma tagħna tal-verità bil-mod il-mod issir iktar ċara għax “il-mogħdija tan-nies sewwa hi bħal dawl qawwi li qed jiżdied iktar u iktar sal-milja tal-jum”! (Prov. 4:18) Naturalment, aħna naqblu għalkollox maʼ Ġesù, li fit-talb lil Alla qal: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġw. 17:17) Il-Kelma miktuba t’Alla fiha “l-verità taʼ l-aħbar tajba,” li tikkonsisti fil-fatti kollha li aħna nemmnu bħala Kristjani. (Gal. 2:14) X’inhuma xi ftit minn dawn il-fatti? Il-verità dwar isem Ġeħova, is-sovranità tiegħu, is-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa, l-irxoxt, u s-Saltna. Issa ejja naraw kif Alla pproteġa l-verità minkejja li Satana pprova jaħbiha.

ĠEĦOVA JWAQQAF LIL SATANA MILLI JAĦBI L-VERITÀ

19, 20 Min kien Nimrod, u l-bnedmin xi pprovaw jagħmlu meta kien qed jaħkem hu?

19 Wara d-Dilluvju, kien hemm qawl: “Bħal Nimrod, kaċċatur setgħan kontra Ġeħova.” (Ġen. 10:9) Bħala opponent t’Alla Ġeħova, Nimrod fil-fatt kien iqim lil Satana u kien bħal dawk l-opponenti li dwarhom Ġesù qal: “Intom minn missierkom ix-Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-xewqat taʼ missierkom. Dan . . . ma żammx sħiħ fil-verità.”—Ġw. 8:44.

20 Il-ħakma taʼ Nimrod inkludiet lil Babel u bliet oħrajn bejn ix-xmajjar Tigri u Ewfrat. (Ġen. 10:10) Jistaʼ jkun li kien taħt id-direzzjoni tiegħu li, madwar is-sena 2269 Q.E.K., inbeda l-bini taʼ Babel u t-torri tagħha. Kuntrarju għar-rieda taʼ Ġeħova li l-bnedmin jinfirxu mal-art kollha, dawn il-bennejja qalu: “Ejjew nibnu belt u torri bil-quċċata tiegħu fis-smewwiet, u ejjew nagħmlu isem ċelebri għalina nfusna, li ma mmorrux ninxterdu fuq il-wiċċ kollu taʼ l-art.” Imma dan il-pjan kellu jiġu abbandunat meta Alla “ħawwad il-lingwa taʼ l-art kollha” u xerred lil dawk li kienu qed jibnu t-torri. (Ġen. 11:1-4, 8, 9) Jekk Satana kien ippjana li jibda reliġjon waħda fejn kulħadd iqim lilu, il-pjan tiegħu arralu bl-ikrah. Matul l-istorja umana, il-qima taʼ Ġeħova ħarġet rebbieħa u issa kull jum li jgħaddi iktar u iktar nies qed iqimu lilu.

21, 22. (a) Ir-reliġjon falza għala qatt ma kienet taʼ theddida serja għall-qima vera? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?

21 Ir-reliġjon falza qatt ma kienet taʼ theddida serja għall-qima vera. Għala? Għax l-Istruttur Grandjuż tagħna Ġeħova għamel ċert li aħna jkollna l-Bibbja, li nkunu nafu ismu, u li nkunu nafu l-verità. (Is. 30:20, 21) Iġibilna ferħ meta nqimu lil Alla fi qbil mal-verità, imma biex nagħmlu hekk jeħtieġ li nibqgħu mqajmin spiritwalment, nistrieħu għalkollox fuq Ġeħova, u nsegwu l-gwida tal-ispirtu qaddis tiegħu.

22 Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw kif xi knejjes bdew jgħallmu affarijiet żbaljati dwar Alla. Se naraw li l-Iskrittura ma tgħallimx dawn l-affarijiet. Iktar minn hekk, se naraw kif Ġeħova berikna b’tagħlim veru dwaru. Aħna dan ngħożżuh bħala parti mill-wirt spiritwali tagħna.