“Ġeħova se . . . jiggwerra kontra dawk il-ġnus bħal f’jum il-gwerra tiegħu, f’jum il-ġlied.”—ŻAK. 14:3.

1, 2. Liema gwerra reali se sseħħ dalwaqt, u l-qaddejja t’Alla x’mhux se jagħmlu f’din il-gwerra?

FIT-30 t’Ottubru, 1938, miljuni taʼ nies fl-Istati Uniti kienu qed jisimgħu programm popolari tar-radju li kien jittrasmetti d-drammi. Dakinhar id-dramm kien meħud mill-ktieb tal-fantaxjenza The War of the Worlds. Atturi li kienu qed jagħmluha taʼ qarrejja tal-aħbarijiet iddeskrivew invażjoni minn Marte li kienet se teqred id-dinja kollha. Għalkemm kien ixxandar li l-programm kien sempliċement reċta, ħafna semmiegħa ħasbu li l-attakk kien reali u beżgħu. Xi wħud saħansitra ħadu passi biex jipprovaw jipproteġu lilhom infushom minn aljeni immaġinarji.

2 Gwerra reali dalwaqt se sseħħ. Imma l-maġġoranza tan-nies mhumiex qed jippreparaw għaliha. Din il-gwerra mhix imbassra f’xi ktieb tal-fantaxjenza, imma fil-Kelma ispirata t’Alla, il-Bibbja. Hi l-gwerra t’Armageddon—il-gwerra t’Alla kontra din is-sistema mill-agħar. (Riv. 16:14-16) F’din il-gwerra, il-qaddejja t’Alla fuq l-art mhux se jiddefendu ruħhom minn aljeni minn pjaneta oħra. Minflok, Ġeħova se juża l-qawwa tiegħu biex isalvahom b’mod tal-għaġeb.

3. Liema profezija se nikkunsidraw, u għala hi importanti għalina llum?

3 Profezija li naqraw f’Żakkarija kapitlu 14 tgħidilna ħafna dwar il-gwerra t’Armageddon. Għalkemm inkitbet xi 2,500 sena ilu, din il-profezija hi importanti għalina llum. (Rum. 15:4) Din titkellem dwar l-affarijiet li ġraw lin-nies t’Alla mindu beda jirrenja Kristu fis-sema fl-1914. Titkellem ukoll fuq ġrajjiet eċċitanti li se jseħħu fil-futur qarib. Din il-profezija tgħidilna dwar “wied kbir ferm” u “ilmijiet ħajjin.” (Żak. 14:4, 8)  F’dan l-artiklu, se nitgħallmu x’inhu dan il-wied u kif l-aduraturi taʼ Ġeħova jistgħu jsibu protezzjoni hemmhekk. Se nitgħallmu wkoll x’inhuma dawn l-ilmijiet ħajjin u kif nistgħu nibbenefikaw minnhom. B’hekk, mhux biss se nirrealizzaw li għandna nixorbu minn dawn l-ilmijiet, imma se nkunu rridu nixorbu minnhom. Mela, ħalli nagħtu l-attenzjoni sħiħa tagħna lil din il-profezija.—2 Pt. 1:19, 20.

JIBDA ‘JUM LI HU TAʼ ĠEĦOVA’

4. (a) Meta beda l-‘jum li hu taʼ Ġeħova’? (b) Minn ħafna snin qabel l-1914, x’kienu qed jiddikjaraw l-aduraturi taʼ Ġeħova, u l-mexxejja dinjin kif irreaġixxew?

4 Kapitlu 14 taʼ Żakkarija jiftaħ b’referenza għal ‘jum li hu taʼ Ġeħova.’ (Aqra Żakkarija 14:1, 2.) X’inhu dan il-jum? Huwa “jum il-Mulej,” li beda meta “s-saltna tad-dinja saret is-saltna tal-Mulej tagħna u tal-Kristu tiegħu.” (Riv. 1:10; 11:15) Dak il-jum beda fl-1914 mat-twelid tas-Saltna Messjanika fis-smewwiet. Minn ħafna snin qabel l-1914, l-aduraturi taʼ Ġeħova ddikjaraw lill-ġnus li t-tmiem taż-“żminijiet stabbiliti tal-ġnus” se jiġi f’dik is-sena u li d-dinja se tidħol f’perijodu taʼ inkwiet li qatt ma kien hawn bħalu. (Lq. 21:24) Kif irreaġixxew il-ġnus? Minflok ma taw kas dik it-twissija f’waqtha, il-mexxejja politiċi u reliġjużi waqqgħu għaċ-ċajt u ppersegwitaw lil dawk l-evanġelizzaturi midlukin żelużi. Billi għamlu hekk, dawn il-mexxejja dinjin żebilħu lill-Alla li Jistaʼ Kollox innifsu, għax l-ambaxxaturi midlukin tas-Saltna jirrappreżentaw lil “Ġerusalemm tas-sema”—is-Saltna Messjanika—li jagħmlu parti minnha.—Ebr. 12:22, 28.

5, 6. (a) Liema azzjoni mbassra ħadu l-ġnus kontra “l-belt” u ċ-‘ċittadini’ tagħha? (b) Min kienu l-uħud ‘li baqaʼ mill-poplu’?

5 Żakkarija bassar x’azzjoni kienu se jieħdu l-ġnus meta qal: “Il-belt [Ġerusalemm] se tinqabad.” “Il-belt” tissimbolizza s-Saltna Messjanika t’Alla. Fuq l-art din hi rrappreżentata miċ-‘ċittadini’ tagħha, il-fdal tal-Kristjani midlukin. (Flp. 3:20) Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, membri prominenti minn fost l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-art ġew ‘maqbudin,’ jew arrestati, u mibgħutin f’ħabs f’Atlanta, Georgia, l-Istati Uniti tal-Amerika. L-għedewwa kienu inġusti u krudili mal-Kristjani midlukin, ipprojbew il-letteratura tagħhom, u pprovaw iwaqqfuhom milli jagħmlu x-xogħol tal-ippritkar. Kien bħallikieku l-għedewwa ‘serqu,’ jew ħatfu bil-vjolenza, id-djar tal-belt.

6 Għalkemm dawn l-għedewwa potenti ppersegwitaw lin-nies t’Alla u gidbu fuqhom, ma setgħux jeqirdu l-qima vera. Kien hemm Kristjani midlukin li baqgħu leali. Bħalma semma Żakkarija, dawn kienu l-uħud ‘li baqaʼ mill-poplu’ li rrifjutaw li ‘jittieħdu mill-belt.’

7. X’eżempju ħallew il-Kristjani midlukin għalina llum?

7 Wara li spiċċat l-Ewwel Gwerra Dinjija, waqfu l-għedewwa jippersegwitaw lill-poplu t’Alla? Le. Il-persekuzzjoni li bassar Żakkarija kompliet. (Riv. 12:17) Pereżempju, kien hemm persekuzzjoni tal-biżaʼ kontra ħutna matul it-Tieni Gwerra Dinjija. L-eżempju taʼ fedeltà tal-Kristjani midlukin jinkuraġġina biex nissaportu kwalunkwe prova li nistgħu ngħaddu minnha llum. Dawn il-provi jinkludu oppożizzjoni fid-dar, fuq ix-xogħol, u fl-iskola minn dawk li jwaqqgħuna għaċ-ċajt minħabba t-twemmin tagħna.  (1 Pt. 1:6, 7) Noqogħdu fejn noqogħdu, aħna determinati li nibqgħu leali u li ma nibżgħux minn min jopponina. (Flp. 1:27, 28) Imma fejn nistgħu nsibu s-sigurtà f’dinja li tobgħodna?—Ġw. 15:17-19.

ĠEĦOVA JIFFORMA “WIED KBIR FERM”

8. (a) Il-muntanji x’jistgħu jirrappreżentaw fil-Bibbja? (b) “Il-muntanja tas-siġar taż-żebbuġ” x’tirrappreżenta?

8 Ladarba Ġerusalemm—“il-belt”—tissimbolizza lil Ġerusalemm tas-sema, “il-muntanja tas-siġar taż-żebbuġ, li qiegħda quddiem Ġerusalemm,” ukoll trid tinftiehem b’mod simboliku. Dik il-muntanja x’tirrappreżenta? Kif se “tinqasam minn nofsha” u ssir żewġ muntanji? Ġeħova għala jirreferi għalihom bħala “l-muntanji tiegħi”? (Aqra Żakkarija 14:3-5.) Fil-Bibbja, il-muntanji jistgħu jirrappreżentaw saltniet, jew gvernijiet. Anki l-barkiet u l-protezzjoni huma assoċjati mal-muntanja t’Alla. (Salm 72:3; Is. 25:6, 7) B’hekk, il-muntanja tas-siġar taż-żebbuġ tirrappreżenta l-ħakma taʼ Ġeħova fuq il-ħolqien kollu tiegħu.

9. Xi jfisser li l-muntanja tas-siġar taż-żebbuġ “tinqasam minn nofsha”?

9 Il-profezija tgħid li l-muntanja tas-siġar taż-żebbuġ “tinqasam minn nofsha.” Dan xi jfisser? Li Ġeħova joħloq ħakma oħra għal skop speċjali. Din il-ħakma hi t’Alla wkoll, u Ġesù Kristu hu s-Sultan tagħha. Minħabba li ż-żewġ ħakmiet huma taʼ Ġeħova, hu jsejjaħ iż-żewġ muntanji “l-muntanji tiegħi.”—Żak. 14:4.

10. Il-“wied kbir ferm” bejn iż-żewġ muntanji x’jirrappreżenta?

10 Meta l-muntanja simbolika tinqasam, nofsha lejn it-Tramuntana u nofsha lejn in-Nofsinhar, saqajn Ġeħova jibqgħu fuq iż-żewġ muntanji. Din il-qasma tifforma “wied kbir ferm” taħt saqajn Ġeħova. Dan il-wied simboliku jirrappreżenta l-protezzjoni t’Alla. Sewwasew bħalma n-nies huma protetti f’wied bejn żewġ muntanji, il-qaddejja taʼ Ġeħova huma protetti taħt il-ħakma tiegħu u taʼ Ibnu. Ġeħova se jagħmel ċert li l-qima pura qatt ma se tinqered. Il-muntanja tas-siġar taż-żebbuġ meta nqasmet? Dan ġara meta s-Saltna Messjanika ġiet stabbilita meta ntemmew Żminijiet il-Ġentili fl-1914. L-aduraturi veri meta bdew jaħarbu lejn il-wied simboliku?

TIBDA L-ĦARBA LEJN IL-WIED!

11, 12. (a) Il-ħarba lejn il-wied simboliku meta bdiet? (b) X’juri li d-driegħ b’saħħtu taʼ Ġeħova qiegħed mal-poplu tiegħu?

11 Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu: “Tkunu mibgħudin mill-ġnus kollha minħabba ismi.” (Mt. 24:9) Matul l-aħħar jiem taʼ din is-sistema, mill-1914 ’l hawn, dik il-mibegħda ħraxet iktar. Minkejja l-attakk sfrenat kontra l-fdal midluk mill-għedewwa tagħhom matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, dan il-grupp leali ma nqeridx. Fl-1919, huma ġew liberati minn taħt idejn Babilonja l-Kbira—l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Riv. 11:11, 12) * Dan kien meta bdiet il-ħarba lejn il-wied tal-muntanji taʼ Ġeħova.

12 Mill-1919 ’l hawn, il-wied taʼ protezzjoni divina jkompli jipproteġi lill-aduraturi veri madwar id-dinja. F’ħafna partijiet tad-dinja, matul is-snin kien hemm projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq il-ministeru tal-għalqa u l-letteratura Biblika tax-Xhieda taʼ  Ġeħova. Restrizzjonijiet bħal dawn għadhom jeżistu f’ċerti pajjiżi. Madankollu, jipprovaw kemm jipprovaw, il-ġnus qatt mhu se jirnexxilhom jeqirdu l-qima vera! Id-driegħ b’saħħtu taʼ Ġeħova se jkun mal-poplu tiegħu.—Dt. 11:2.

13. Kif nistgħu nibqgħu fil-wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova, u għala hu importanti iktar minn qatt qabel li nagħmlu dan?

13 Jekk nibqgħu qrib Ġeħova u nibqgħu sodi fil-verità, hu u Ibnu, Ġesù Kristu, se jagħmlu l-parti tagħhom. Alla mhu se jħalli xejn u ’l ħadd ‘jaħtafna minn idu.’ (Ġw. 10:28, 29) Ġeħova hu lest li jagħtina kwalunkwe għajnuna meħtieġa biex inkunu nistgħu nobduh bħala s-Sovran Universali u nibqgħu sudditi leali tas-Saltna Messjanika. Se jkollna bżonn l-għajnuna t’Alla saħansitra iktar matul it-tribulazzjoni l-kbira li dalwaqt tasal. Għalhekk, issa hu importanti iktar minn qatt qabel li nibqgħu fil-wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova.

JASAL “JUM IL-GWERRA”

14, 15. F’“jum il-gwerra” t’Alla kontra l-għedewwa tiegħu, x’se tkun is-sitwazzjoni taʼ dawk barra l-wied?

14 Minn issa sa tmiem din id-dinja mill-agħar, l-attakki taʼ Satana fuq il-poplu t’Alla se jiħraxu iktar. Imma Satana dalwaqt se jagħmel l-aħħar attakk tiegħu. Dakinhar, Ġeħova se jiġġieled kontra l-għedewwa kollha tal-poplu tiegħu u jeqridhom. Dak se jkun “jum il-gwerra tiegħu” kif imbassar minn Żakkarija. Din il-gwerra, iktar minn kwalunkwe gwerra oħra, se turi xi Gwerrier glorjuż hu Ġeħova.—Żak. 14:3.

15 F’jum il-gwerra t’Alla, x’se tkun is-sitwazzjoni taʼ dawk li huma barra l-“wied kbir” taʼ protezzjoni? Dawn mhu se jkollhom “ebda dawl prezzjuż,” jew approvazzjoni divina, jiddi fuqhom. F’dak il-jum taʼ ġlied li ġej, ‘iż-żiemel, il-bagħal, il-ġemel, u l-ħmar, u kull xorta t’annimal domestiku’—simboli tat-tagħmir militari tal-ġnus—se jiġu effettwati. Dan it-tagħmir se ‘jagħqad,’ jew fi kliem ieħor ma jibqax jaħdem, bħallikieku se jiġġammja bil-kesħa. Żakkarija jgħid li Ġeħova se jikkastiga lill-għedewwa tiegħu bi “flaġell,” jew pesta. Għajnejhom u lsienhom “se jitmermru għalkollox.” Ma nafux jekk din hix se tkun marda letterali imma dak li nafu hu li mhumiex se jkunu jistgħu jagħmlulna l-ħsara jew jitkellmu kontra Alla. (Żak. 14:6, 7, 12, 15) “Is-slaten [kollha] taʼ l-art u l-armati tagħhom” se jkunu fuq in-naħa taʼ Satana. Imma jkunu fejn ikunu fuq l-art huma se jinqerdu. (Riv. 19:19-21) “Dakinhar, dawk maqtulin minn Ġeħova se jkunu minn tarf sat-tarf l-ieħor taʼ l-art.”—Ġer. 25:32, 33.

16. X’mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna meta naraw riesaq jum il-gwerra t’Alla, u x’se jkollna bżonn nagħmlu?

16 Il-gwerra dejjem iġġib magħha s-sofferenza, anke lil min eventwalment jirbaħ. L-ikel għandu mnejn jiskarsa. Forsi tinqered xi proprjetà. Il-livelli t’għajxien jistgħu jitbaxxew. Nistgħu nitilfu d-drittijiet li għandna issa. Kif se nirreaġixxu jekk insofru tbatijiet bħal dawn? Se nippanikjaw? Se nkunu skuraġġiti u nitilfu kull tama? Se nieqfu naqdu lil Ġeħova? Matul it-tribulazzjoni l-kbira se jkun vitali li nżommu l-fidi tagħna fil-qawwa li Ġeħova għandu biex isalvana u nibqgħu fil-wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova.—Aqra Ħabakkuk 3:17, 18.

 “ILMIJIET ĦAJJIN JOĦORĠU”

17, 18. (a) X’inhuma l-“ilmijiet ħajjin”? (b)  “Il-baħar tal-lvant” u “l-baħar tal-punent” għal xiex jirreferu? (ċ) X’inti determinat li tagħmel hekk kif tħares ’il quddiem lejn il-futur?

17 Wara Armageddon, “ilmijiet ħajjin joħorġu” kontinwament mis-Saltna taʼ Kristu. Dawn l-“ilmijiet ħajjin” huma l-provvedimenti taʼ Ġeħova għall-ħajja taʼ dejjem. “Il-baħar tal-lvant” jirreferi għall-Baħar il-Mejjet, u “l-baħar tal-punent” jirreferi għall-Baħar Mediterran. It-tnejn li huma jirreferu għan-nies. Il-Baħar il-Mejjet jirrappreżenta lil dawk kollha li huma fil-qabar komuni tal-umanità. Ladarba l-Baħar Mediterran hu miżgħud bil-ħajja, bix-xieraq jirrappreżenta lill-‘folla l-kbira’ li tibqaʼ ħajja matul Armageddon. (Aqra Żakkarija 14:8, 9; Riv. 7:9-15) B’hekk, iż-żewġ gruppi se jibbenefikaw billi jinħelsu mill-kundanna tal-mewt taʼ Adam waqt li jibqgħu jaqtgħu l-għatx għax jixorbu mill-ilmijiet ħajjin simboliċi, jew mix-“xmara taʼ ilma tal-ħajja.”—Riv. 22:1, 2.

Kun determinat li tibqaʼ fil-wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova

18 Taħt il-protezzjoni taʼ Ġeħova, se nsalvaw mit-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar u nidħlu fid-dinja l-ġdida ġusta t’Alla. Għalkemm il-ġnus kollha jobogħduna, ejja dejjem inkunu determinati li nibqgħu sudditi leali tas-Saltna t’Alla u nibqgħu fil-wied taʼ protezzjoni taʼ Ġeħova.

^ Par. 11 Ara l-ktieb Revelation—Its Grand Climax at Hand! paġni 169-170.