Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Tapprezzah Int il-Wirt Spiritwali Tagħna?

Tapprezzah Int il-Wirt Spiritwali Tagħna?

“Alla dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.”ATTI 15:14.

1, 2.(a) X’kien “l-għarix taʼ David,” u kif kien se jerġaʼ jinbena? (b) Illum, min jaqdi flimkien bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova?

MATUL laqgħa sinifikanti tal-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm fis-sena 49 E.K., id-dixxiplu Ġakbu qal: “Simgħon [Pietru] irrakkonta bir-reqqa kif għall-ewwel darba Alla dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu. U maʼ dan jaqbel kliem il-Profeti, bħalma hu miktub, ‘Wara dan nerġaʼ niġi lura u nibni mill-ġdid l-għarix taʼ David li ġġarraf; u nibni mill-ġdid ir-rovini tiegħu u nerġaʼ ntellgħu, sabiex dawk li jibqgħu mill-bnedmin ifittxu lil Ġeħova bil-ħeġġa, flimkien maʼ nies mill-ġnus kollha, nies li jissejħu b’ismi, jgħid Ġeħova li qed jagħmel dan li kien magħruf sa mill-qedem.’”Atti 15:13-18.

2 “L-għarix [jew, id-dar irjali] taʼ David” iġġarraf meta s-Sultan Sedekija tneħħa mit-tron. (Għam. 9:11) Imma dik il-profezija spjegat li Alla kien se jerġaʼ ‘jibnih.’ Dan juri li kien se jkun hemm sultan ieħor, id-dixxendent taʼ David, Ġesù. (Eżek. 21:27; Atti 2:29-36) Bħalma spjega Ġakbu f’dik il-laqgħa storika, dik il-profezija t’Għamos kienet qed titwettaq bil-ġbir tal-werrieta tas-Saltna kemm mil-Lhud kif ukoll mill-Ġentili. Illum, fdal tal-Kristjani midlukin u miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù jiddikjaraw flimkien il-verità tal-Bibbja bħala qaddejja taʼ Ġeħova.Ġw. 10:16.

IL-POPLU TAʼ ĠEĦOVA JIFFAĊĊJA SFIDA

3, 4. Il-poplu taʼ Ġeħova kif baqaʼ leali f’Babilonja?

3 Meta l-Lhud ittieħdu fil-jasar f’Babilonja, kien ċar li “l-għarix taʼ David” kien iġġarraf. Ladarba r-reliġjon falza kienet tant mifruxa, il-poplu t’Alla kif baqaʼ leali matul is-70 sena f’Babilonja?  Bl-istess mod kif il-poplu taʼ Ġeħova llum jibqaʼ leali fid-dinja taʼ Satana. (1 Ġw. 5:19) Il-qaddejja taʼ Ġeħova għandhom wirt speċjali li jgħinhom jibqgħu leali.

4 Bħala parti mill-wirt spiritwali tagħna, aħna għandna l-Kelma miktuba t’Alla. L-eżiljati Lhud f’Babilonja ma kellhomx l-Iskrittura Mqaddsa kollha kemm hi, imma kellhom għarfien tal-Liġi Mosajka, bl-Għaxar Kmandamenti tagħha. Kienu jafu “l-għanjiet taʼ Sijon,” setgħu jiftakru għadd taʼ proverbji, u kienu familjari maʼ dak li għamlu l-qaddejja taʼ Ġeħova fil-passat. Iva, dawn l-eżiljati bkew meta kienu jiftakru f’Sijon, u ma nsewx lil Ġeħova. (Aqra Salm 137:1-6.) Dan kollu żammhom leali lejn Ġeħova minkejja li kienu f’Babilonja, bil-ħafna duttrini u prattiki foloz tagħha.

IT-TRINITÀ MHIX TAGĦLIM ĠDID

5. Il-Babiloniżi u l-Eġizzjani tal-qedem, f’liema trinitajiet kienu jemmnu?

5 It-tagħlim taʼ tliet allat, jew trinità, kien aspett prominenti tal-qima f’Babilonja. Waħda mit-trinitajiet Babiloniżi kienet magħmula minn Sin (alla-qamar), Shamash (alla-xemx), u Ishtar (alla mara tal-fertilità u l-gwerra). L-Eġizzjani kienu jqimu familji taʼ tliet allat, b’missier, omm, u iben. Għalkemm dawn l-allat kienu trinità, mhux dejjem kienu meqjusin ugwali. Trinità waħda Eġizzjana kienet tikkonsisti mill-alla Osiris, l-alla mara Isis, u binhom Ħorus.

6. X’inhi t-Trinità, u l-poplu taʼ Ġeħova għala ma jemminx fiha?

6 Illum, il-Kristjaneżmu wkoll jgħallem li hemm Trinità, jew Alla wieħed magħmul mill-Missier, l-Iben, u l-ispirtu qaddis. Imma dan it-twemmin jagħti x’jifhem li Ġeħova mhuwiex Alla li jistaʼ kollox għax kieku jkun ifisser li hu biss parti minn Alla. Il-poplu taʼ Ġeħova ġie protett minn dan it-tagħlim falz. Aħna tgħallimna li “Ġeħova Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.” (Dt. 6:4) Ġesù rripeta dan il-kliem, u l-Kristjani veri jemmnu dak li qal Ġesù.—Mk. 12:29.

7. Għala xi ħadd li jemmen fit-Trinità ma jistax jitgħammed b’simbolu taʼ dedikazzjoni valida lil Alla?

7 Id-duttrina tat-Trinità tmur kontra l-inkarigu li Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, jgħammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-ispirtu qaddis.’ (Mt. 28:19) Biex individwu jitgħammed bħala Kristjan ġenwin u jsir wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, għandu jirrikonoxxi s-supremazija tal-Missier, Ġeħova, kif ukoll il-pożizzjoni u l-awtorità tal-Iben t’Alla, Ġesù. Il-kandidat tal-magħmudija għandu jemmen ukoll li l-ispirtu qaddis hu l-forza attiva t’Alla, mhux parti minn Trinità. (Ġen. 1:2) Xi ħadd li jibqaʼ jemmen fit-Trinità ma jistax jitgħammed b’simbolu taʼ dedikazzjoni valida lil Alla Ġeħova. Kemm aħna grati li l-wirt spiritwali tagħna pproteġiena milli nemmnu dan it-tagħlim li jiddiżonora lil Alla!

L-ISPIRITIŻMU JIEĦU ŻVOLTA

8. Il-Babiloniżi x’kienu jemmnu dwar l-allat u d-demonji?

8 In-nies f’Babilonja mhux biss kienu jemmnu fl-allat tagħhom imma wkoll fid-demonji u l-ispiritiżmu. The International Standard Bible Encyclopaedia tgħid li l-Babiloniżi kienu jemmnu li d-demonji setgħu jmarrdu  lin-nies. Għalhekk, in-nies kienu jitolbu lill-allat tagħhom biex jipproteġuhom mid-demonji.

9. (a) Wara l-eżilju tagħhom f’Babilonja, ħafna Lhud kif sfaw vittma taʼ ideat reliġjużi foloz? (b) Kif aħna protetti mill-perikli li ninvolvu ruħna mad-demonji?

9 Wara l-eżilju tagħhom f’Babilonja, ħafna Lhud sfaw vittma taʼ ideat mhux skritturali. Hekk kif bdew jinfirxu ideat Griegi fost il-Lhud, ħafna saru vulnerabbli għall-kontroll demoniku minħabba li adottaw il-ħarsa li d-demonji jistgħu jkunu tajbin jew ħżiena. Il-wirt spiritwali tagħna jipproteġina mill-perikli li ninvolvu ruħna mad-demonji, għax nafu li Alla kkundanna l-prattiki spiritistiċi taʼ Babilonja. (Is. 47:1, 12-15) Iktar minn hekk, aħna gwidati mill-ħarsa t’Alla dwar l-ispiritiżmu.Aqra Dewteronomju 18:10-12; Rivelazzjoni 21:8.

10. X’jistaʼ jingħad dwar il-prattiki u t-twemmin taʼ Babilonja l-Kbira?

10 L-ispiritiżmu ma ġiex prattikat biss mill-Babiloniżi imma wkoll minn dawk li jappoġġaw lill-Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Riv. 18:21-24) Dawn ir-reliġjonijiet foloz huma verament bħar-reliġjon taʼ Babilonja tal-qedem għax minn hemmhekk oriġinaw l-ideat żbaljati u l-prattiki ħżiena. Peress li hi invażata bl-ispiritiżmu, l-idolatrija, u dnubiet oħrajn, Babilonja l-Kbira dalwaqt se tinqered.Aqra Rivelazzjoni 18:1-5.

11. Liema twissijiet ippubblikajna dwar l-ispiritiżmu?

11 Ġeħova ddikjara: “Ma nifilħux l-użu tal-qawwa maġika.” (Is. 1:13) Fis-seklu 19, ħafna nies kienu jipprattikaw l-ispiritiżmu. Għalhekk, Zion’s Watch Tower taʼ Mejju, 1885, iddiskuta din il-kwistjoni. Dan qal li r-reliġjonijiet tal-qedem għallmu li l-mejtin kienu ħajjin u li l-mitoloġija tal-kulturi kollha kienet ibbażata fuq l-idea li l-mejtin kienu f’dinja oħra. Qal ukoll li d-demonji jagħmluha taʼ nies mejtin li qed jipprovaw jikkomunikaw mal-ħajjin, u minħabba f’hekk id-demonji influwenzaw il-ħsib u l-azzjonijiet taʼ ħafna. Il-ktejjeb li ħareġ fl-1897, What Say the Scriptures About Spiritism? ta twissijiet simili, u l-istess jagħmlu ħafna pubblikazzjonijiet iktar reċenti tagħna.

IL-MEJTIN QED ISOFRU F’DINJA OĦRA?

12. Taħt ispirazzjoni, Salamun x’qal dwar il-kundizzjoni tal-mejtin?

12 “Dawk kollha li saru jafu l-verità” jistgħu jwieġbu din il-mistoqsija. (2 Ġw. 1) Ċertament li naqblu mal-kliem taʼ Salamun: “Kelb ħaj aħjar minn iljun mejjet. Għax il-ħajjin jafu li għad imutu; imma l-mejtin ma jafu assolutament xejn . . . Kulma idek issib x’tagħmel, agħmlu bil-qawwa tiegħek kollha, għax la hemm xogħol, la ppjanar, la għarfien, u lanqas għerf fil-Qabar, il-post fejn int sejjer.”Ekk. 9:4, 5, 10.

13. Il-Lhud liema twemmin aċċettaw mir-reliġjon u l-kultura Griega?

13 Ġeħova lil-Lhud kien qalilhom il-verità dwar il-mejtin. Madankollu, meta l-Greċja nqasmet bejn il-Ġenerali taʼ Alessandru l-Kbir, saru sforzi biex jgħaqqdu lil Ġuda mas-Sirja permezz tar-reliġjon u l-kultura Griega. Minħabba f’hekk, il-Lhud aċċettaw it-tagħlim falz li r-ruħ tal-bniedem hi immortali u li hemm dinja oħra taʼ turment. Il-Griegi ma kinux l-ewwel nies li bdew jemmnu f’post taʼ sofferenza  inviżibbli. Il-ktieb The Religion of Babylonia and Assyria jgħid li l-Babiloniżi kienu jemmnu li kien hemm dinja oħra fejn allat b’saħħithom u demonji kienu jittorturaw lin-nies. Huwa ċar li l-Babiloniżi kienu jemmnu fl-immortalità tar-ruħ.

14. Ġob u Abraham x’kienu jafu dwar il-mewt u l-irxoxt?

14 Għalkemm ir-raġel ġust Ġob ma kellux l-Iskrittura, hu kien jaf il-verità dwar il-mewt. Hu rrealizza wkoll li Ġeħova hu Alla kollu mħabba li kien se jixxennaq biex jirxoxtah. (Ġob 14:13-15) Abraham ukoll kien jemmen fl-irxoxt. (Aqra Ebrej 11:17-19.) Ladarba hu impossibbli li jiġi rxoxtat xi ħadd li ma jistax imut, dawn l-irġiel li kienu jibżgħu minn Alla ma kinux jemmnu fl-immortalità tar-ruħ umana. Mingħajr dubju, l-ispirtu t’Alla għen lil Ġob u lil Abraham biex jifhmu l-istat tal-mejtin u biex jeżerċitaw il-fidi fl-irxoxt. Dawn il-veritajiet huma wkoll parti mill-wirt tagħna.

NEĦTIEĠU “L-ĦELSIEN BIL-FIDWA”

15, 16. Kif ġejna meħlusin mid-dnub u l-mewt?

15 Aħna grati li Alla rrivelalna wkoll il-verità dwar kif se jeħlisna mid-dnub u l-mewt li writna minn Adam. (Rum. 5:12) Nirrealizzaw li Ġesù “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mk. 10:45) Kemm hu sew li nafu dwar “il-ħelsien bil-fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù”!Rum. 3:22-24.

16 Il-Lhud u l-Ġentili tal-ewwel seklu kellhom bżonn jindmu minn dnubiethom u jeżerċitaw il-fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. Inkella, ma kienu jiksbu l-ebda maħfra. Is-sitwazzjoni hi l-istess illum. (Ġw. 3:16, 36) Jekk xi ħadd jibqaʼ ggranfat mad-duttrini foloz, bħat-Trinità u  l-immortalità tar-ruħ, ma jistax jibbenefika mill-fidwa. Imma aħna nistgħu. Aħna nafu l-verità dwar l-Iben t’Alla, “li permezz tiegħu għandna l-ħelsien tagħna bil-fidwa, il-maħfra taʼ dnubietna.”—Kol. 1:13, 14.

IBQAʼ AQDI LIL ĠEĦOVA!

17, 18. Fejn nistgħu nsibu informazzjoni t’għajnuna dwar l-istorja tagħna, u kif nistgħu nibbenefikaw milli nitgħallmu dwarha?

17 Hemm ħafna iktar x’nistgħu ngħidu dwar it-tagħlim veru li nħaddnu, l-esperjenzi tagħna bħala l-qaddejja t’Alla, u l-barkiet spiritwali u materjali li ngawdu. Il-Yearbooks tagħna ilhom bosta snin jgħidulna dwar kif in-nies taʼ Ġeħova madwar id-dinja baqgħu jaqduh. Nistgħu nitgħallmu dwar l-istorja tax-Xhieda taʼ Ġeħova mill-vidjows Faith in Action, l-1 u t-2 parti, u minn pubblikazzjonijiet bħall-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom. U r-rivisti tagħna spiss jirrakkontaw esperjenzi persunali li jqawwu l-qalb dwar ħutna fit-twemmin.

18 Huwa taʼ benefiċċju għalina li nitgħallmu dwar l-istorja tax-Xhieda taʼ Ġeħova, sewwasew bħalma kien taʼ benefiċċju għall-poplu taʼ Iżrael li jsir jaf kif Alla ħelsu mill-jasar Eġizzjan. (Eżo. 12:26, 27) Bħala raġel imdaħħal fiż-żmien li setaʼ jixhed għall-atti meraviljużi t’Alla, Mosè ħeġġeġ lill-Iżraelin: “Ftakar f’jiem il-qedem, ikkunsidraw is-snin taʼ qabel minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni; staqsi lil missierek, u jgħidlek; lix-xjuħ tiegħek, u jgħidulek.” (Dt. 32:7) Bħala ‘l-poplu taʼ Ġeħova u l-merħla tal-mergħa tiegħu,’ ilkoll kemm aħna nfaħħruh bil-ferħ u ngħidu lil oħrajn dwar l-atti setgħanin tiegħu. (Salm 79:13) Iktar minn hekk, il-lezzjonijiet li nitgħallmu mill-istorja tagħna bħala l-poplu taʼ Ġeħova se jgħinuna nibqgħu naqduh.

19. Ladarba ngawdu dawl spiritwali, x’għandna nagħmlu?

19 Aħna grati li m’aħniex qed inteftfu fid-dlam imma ngawdu dawl spiritwali mingħand Alla. (Prov. 4:18, 19) Mela ejja nistudjaw b’diliġenza l-Kelma t’Alla u b’żelu naqsmu l-verità m’oħrajn. Aħna għandna l-istess sentiment tas-salmista li faħħar lill-Mulej Sovran Ġeħova bil-kliem: “Se nsemmi s-sewwa tiegħek, tiegħek biss. O Alla, int għallimtni minn żgħożiti ’l quddiem, u s’issa għadni nitkellem dwar l-għemejjel tiegħek taʼ l-għaġeb. Sakemm nixjieħ u xagħri jsir griż, O Alla, titlaqnix, sakemm inkun nistaʼ ngħid dwar driegħek lill-ġenerazzjoni, lil dawk kollha li għad iridu jiġu, dwar is-setgħa tiegħek.”Salm 71:16-18.

20. Liema kwistjonijiet relatati jeżistu, u kif tħossok dwarhom?

20 Bħala l-poplu dedikat taʼ Ġeħova, aħna nirrikonoxxu l-kwistjonijiet relatati tas-sovranità divina u l-integrità umana. Tabilħaqq, aħna nipproklamaw il-verità li ħadd ma jistaʼ jiċħadha li Ġeħova hu s-Sovran Universali u li jistħoqqlu d-devozzjoni tagħna b’qalb sħiħa. (Riv. 4:11) Bl-ispirtu tiegħu fuqna, niddikjaraw l-aħbar tajba lill-ġwejdin, ninfaxxaw lil dawk b’qalbhom maqsuma, u nfarrġu lill-imnikktin. (Is. 61:1, 2) Minkejja l-attakki fiergħa taʼ Satana biex jiddomina lill-poplu t’Alla u lill-umanità kollha, aħna napprezzaw bil-kbir il-wirt spiritwali li għandna u determinati li nżommu l-integrità tagħna lejn Alla u nfaħħru l-Mulej Sovran Ġeħova issa u għal dejjem.Aqra Salm 26:11; 86:12.