Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Tħalli Xejn Ibiegħdek Minn Ġeħova

Tħalli Xejn Ibiegħdek Minn Ġeħova

“Agħżlu għalikom infuskom illum lil min se taqdu.”—ĠOŻ. 24:15.

1-3. (a) Ġożwè għala hu eżempju tajjeb għalina? (b) X’għandna nżommu f’moħħna meta niffaċċjaw deċiżjonijiet?

L-GĦAŻLIET li nagħmlu huma importanti ferm. Iħalluna nikkontrollaw kif nużaw ħajjitna. Dan hu simili għal meta individwu jkun miexi fi triq li tinqasam f’żewġ toroq separati. Ikollu jagħżel minn liema waħda se jgħaddi. X’aktarx se jagħżel it-triq li twasslu eqreb taʼ fejn irid imur minflok ma jagħżel it-triq li tbiegħdu mid-destinazzjoni tiegħu.

2 Il-Bibbja fiha għadd t’eżempji taʼ wħud li ffaċċjaw sitwazzjoni simili. Pereżempju, Kajjin kellu jiddeċiedi jekk jikkontrollax ir-rabja tiegħu jew le. (Ġen. 4:6, 7) Ġożwè kellu jagħżel bejn li jaqdi lill-Alla l-veru jew li jqim lil allat foloz. (Ġoż. 24:15) Il-mira taʼ Ġożwè kienet li jibqaʼ qrib Ġeħova; għalhekk, għażel triq li ħaditu f’din id-direzzjoni. Kajjin ma kellux mira bħal din u għażel triq li begħditu minn Ġeħova.

3 Kultant aħna wkoll ikollna nieħdu deċiżjonijiet importanti sabiex inkunu nistgħu nibqgħu fit-triq it-tajba. Irridu niftakru li l-għażliet tagħna jistgħu jew iġibu glorja lil Ġeħova u jgħinuna nibqgħu qrib tiegħu jew jistgħu jifirduna minnu. (Aqra Ebrej 3:12.) F’dan l-artiklu u f’taʼ warajh se neżaminaw sebaʼ oqsma fil-ħajja li fihom m’għandna nħallu xejn ibegħedna minn Ġeħova.

L-IMPJIEG U L-KARRIERA

4. Għala hu importanti li naħdmu?

4 Il-Kristjani għandhom l-obbligu li jmantnu lilhom infushom u lill-familji tagħhom. Il-Bibbja turi li jekk xi ħadd ma jridx jipprovdi għal dawk taʼ daru, ikun agħar minn bniedem li ma jemminx jew bniedem li ċaħad lil Ġeħova. (2 Tess. 3:10; 1 Tim. 5:8) B’mod ċar, l-impjieg sekulari hu parti importanti  mill-ħajja, imma jekk ma toqgħodx attent, l-impjieg u l-karriera jistgħu jbegħduk minn Ġeħova. Kif?

5. X’għandek tikkunsidra qabel ma taċċetta impjieg?

5 Ejja ngħidu li qed tfittex xogħol. Jekk tgħix f’pajjiż fejn hu diffiċli ssib impjieg, forsi titħajjar taċċetta l-ewwel offerta taʼ xogħol li tinqalaʼ—ikun xi jkun ix-xogħol. Però, xi ngħidu jekk it-tip taʼ xogħol imur kontra l-prinċipji tal-Bibbja? Xi ngħidu jekk l-iskeda jew l-ivvjaġġar involut se jfixkel l-attività Kristjana tiegħek jew jiħodlok mill-ħin tal-familja? Għandek int taċċetta l-offerta xorta waħda, billi tirraġuna li aħjar xogħol mhux adattat milli bla xogħol? Ftakar, l-għażla tiegħek tistaʼ jew tgħinek tibqaʼ qrib Ġeħova jew tifirdek minnu. (Ebr. 2:1) Kemm jekk għandek bżonn xogħol u kemm jekk qed taħseb biex tbiddel dak li għandek, kif tistaʼ tieħu deċiżjoni għaqlija?

6, 7. (a) Liema miri jistaʼ jkollu bniedem rigward ix-xogħol sekulari? (b) Liema mira se tressqek eqreb lejn Ġeħova, u għala?

6 Bħalma ssemma qabel, żomm f’moħħok id-destinazzjoni tiegħek. Staqsi lilek innifsek, ‘X’qed nistenna mix-xogħol tiegħi?’ Jekk l-iskop prinċipali tax-xogħol tiegħek hu biex tmantni lilek innifsek u lil familtek ħalli tkun tistaʼ tibqaʼ taqdi lil Ġeħova, hu se jbierek l-isforzi tiegħek. (Mt. 6:33) Ġeħova jaf kif jgħinek meta f’daqqa waħda titlef l-impjieg jew meta l-ekonomija tmajna. (Is. 59:1) Hu “jaf kif jeħles mill-provi lil dawk li huma devoti lejh.”—2 Pt. 2:9.

7 Mill-banda l-oħra, xi ngħidu jekk il-mira tiegħek hi biss li ssir sinjur? Forsi jirnexxilek. Imma hu perikoluż li taħdem biss biex tkun sinjur. (Aqra l-1 Timotju 6:9, 10.) Jekk il-flus u l-karriera huma l-iktar affarijiet importanti f’ħajtek, int se tispiċċa tinfired minn Ġeħova.

8, 9. Il-ġenituri x’għandhom jikkunsidraw rigward l-attitudni tagħhom lejn ix-xogħol sekulari? Spjega.

8 Jekk int ġenitur, aħseb dwar kif l-eżempju tiegħek jeffettwa lil uliedek. Huma x’jaħsbu li hi l-iktar ħaġa importanti f’ħajtek—il-karriera tiegħek jew il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova? Jekk jaraw li l-istat soċjali, il-prestiġju, u l-flus għandhom l-ewwel post f’ħajtek, jistaʼ jkun li jagħmlu bħalek u jaqbdu din it-triq li twassal għal diżastru? Jistgħu jitilfu r-rispett għalik bħala ġenitur? Żagħżugħa Kristjana tgħid: “Lil missieri dejjem nafu preokkupat b’xogħlu. Għall-ewwel, kien jidher li kien jaħdem daqstant iebes għax ried li l-familja tagħna jkollha l-aqwa u l-aħjar. Hu ried li ma jkun jonqosna xejn. Imma fis-snin reċenti, xi ħaġa nbidlet. Hu jaħdem bla waqfien, u mbagħad iġib lura d-dar affarijiet lussużi minflok il-bżonnijiet. Minħabba f’hekk, aħna magħrufin bħala l-familja li għandha ħafna flus minflok bħala l-familja li tinkuraġġixxi lil oħrajn f’affarijiet spiritwali.” Hi tgħid li tkun iktar ferħana jekk missierha jaħdem iebes biex iżomm lill-familja qrib Ġeħova minflok ma jaħdem iebes biex jaqlaʼ ħafna flus.

9 Ġenituri, tbegħdux lilkom infuskom minn Ġeħova billi tpoġġu enfasi żejda fuq il-karriera tagħkom. Bl-eżempju tagħkom, uru lil uliedkom li verament temmnu li l-akbar ġid li jistaʼ jkollna hu spiritwali, mhux materjali.—Mt. 5:3.

10. Żagħżugħ x’jistaʼ jikkunsidra meta jkun se jagħżel karriera?

10 Jekk int żagħżugħ li qed taħseb x’karriera se tagħżel, kif tistaʼ tagħmel għażla tajba? Bħalma diġà ġie diskuss,  għandek bżonn tkun taf f’liema direzzjoni sejra ħajtek. Jekk qed taħseb dwar li tiġi mħarreġ għal ċertu xogħol, se jgħinek dan ix-xogħol tagħmel is-servizz taʼ Ġeħova l-iktar ħaġa importanti f’ħajtek? Jew se jifirdek minn Ġeħova? (2 Tim. 4:10) Int trid tkun bħan-nies fid-dinja li huma ferħanin biss meta jkollhom ħafna flus? Jew se tafda f’Ġeħova bħalma għamel David? Hu kiteb: “Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, u madankollu qatt ma rajt lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-ħobż.” (Salm 37:25) Ftakar, triq waħda se tbiegħdek minn Ġeħova, filwaqt li t-triq l-oħra se twasslek għall-aqwa ħajja possibbli. (Aqra Proverbji 10:22; Malakija 3:10.) Int liema triq se tagħżel? *

IR-RIKREAZZJONI U D-DIVERTIMENT

11. Il-Bibbja x’tgħallimna dwar ir-rikreazzjoni u d-divertiment, imma x’għandna nżommu f’moħħna?

11 Il-Bibbja mhijiex kontra li nieħdu pjaċir, lanqas ma tgħid li r-rikreazzjoni u d-divertiment huma ħela taʼ ħin. Pawlu kiteb lil Timotju: “It-taħriġ tal-ġisem hu taʼ benefiċċju għal ftit.” (1 Tim. 4:8) Il-Bibbja saħansitra tgħid li hemm “żmien li tidħaq” u “żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn,” u tinkuraġġina biex nistrieħu biżżejjed. (Ekk. 3:4; 4:6) Madankollu, jekk ma toqgħodx b’sebaʼ għajnejn, ir-rikreazzjoni u d-divertiment jistgħu jbegħduk minn Ġeħova. Kif? Ħafna mill-periklu jiddependi minn żewġ aspetti—liema tip tagħżel u kemm tqattaʼ ħin fih.

Ir-rikreazzjoni hi tajba għalina meta nagħżlu t-tip xieraq u nikkontrollaw kemm inqattgħu ħin fiha

12. X’għandek tikkunsidra meta tagħżel ir-rikreazzjoni u d-divertiment?

12 L-ewwel, ikkunsidra x’tip taʼ rikreazzjoni u divertiment għandek tagħżel. Serraħ moħħok li tistaʼ ssib dawk li huma tajbin. Imma ħafna mid-divertiment fid-dinja jinvolvi affarijiet li Alla jobgħod, inkluż il-vjolenza, l-ispiritiżmu, u s-sess immorali. Għalhekk, għandek bżonn tifli t-tip taʼ rikreazzjoni u divertiment li tieħu sehem fih. X’effett għandu fuqek? Iqanqal fik spirtu taʼ vjolenza, kompetizzjoni qawwija, jew nazzjonaliżmu? (Prov. 3:31) Iħallik bla flus? Jistaʼ jfixkel lil oħrajn? (Rum. 14:21) L-għażla tiegħek taʼ rikreazzjoni u  divertiment maʼ liema tip taʼ nies iġġibek f’kuntatt? (Prov. 13:20) Tqanqal fik xewqa li tikkommetti għemejjel ħżiena?—Ġak. 1:14, 15.

13, 14. X’għandek bżonn tikkunsidra rigward kemm tqattaʼ ħin fir-rikreazzjoni?

13 Ikkunsidra wkoll l-ammont taʼ ħin li tqattaʼ fir-rikreazzjoni u d-divertiment. Staqsi lilek innifsek, ‘Inqattaʼ tant ħin fir-rikreazzjoni li ftit li xejn jifdalli ħin għall-attivitajiet spiritwali?’ Jekk tqattaʼ wisq ħin fid-divertiment, mhux se jibqaʼ daqstant pjaċevoli. Infatti, dawk li jżommu l-ħin tal-mistrieħ f’postu jgawduh saħansitra iktar. Għala? Għax jafu li l-ewwel ħadu ħsieb “dak li hu iktar importanti,” allura ma jkollhomx għalfejn iħossuhom ħatjin għax igawdu ftit.—Aqra Filippin 1:10, 11.

14 Għalkemm jistaʼ jidher taʼ pjaċir li tqattaʼ ħafna ħin fir-rikreazzjoni, dan jistaʼ jbiegħdek minn Ġeħova. Oħt taʼ 20 sena li jisimha Kim tgħallmet dan mill-esperjenza. Hi qalet li kienet toħroġ kull nhar taʼ Ġimgħa, Sibt, u Ħadd. Però, issa tara li hemm affarijiet iktar importanti li għandha tagħmel. Hi tgħid: “Pereżempju, bħala pijuniera, inqum fis-sitta taʼ filgħodu għas-servizz tal-għalqa, allura ma nistax nibqaʼ barra sas-siegħa jew is-sagħtejn taʼ filgħodu. Naf li mhux kull tip taʼ divertiment hu ħażin, imma jistaʼ jkun taʼ tfixkil kbir. Bħal kull ħaġa oħra, irid jinżamm f’postu.”

15. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom igawdu rikreazzjoni siewja?

15 Il-ġenituri huma responsabbli biex jipprovdu materjalment, spiritwalment, u emozzjonalment għalihom infushom u għal uliedhom. Dan jinkludi li jipprovdu rikreazzjoni. Jekk int ġenitur, taħsibx li r-rikreazzjoni kollha hi ħażina. Veru, xi tipi taʼ rikreazzjoni u divertiment huma ħżiena. (1 Kor. 5:6) Imma jekk tagħmel sforz biex tagħżel ir-rikreazzjoni u d-divertiment b’attenzjoni, tistaʼ ssib modi kif il-familja tiegħek tieħu pjaċir flimkien. * B’hekk, int u wliedek se tagħżlu triq li se tressaqkom eqreb lejn Ġeħova.

RELAZZJONIJIET TAL-FAMILJA

16, 17. Liema sitwazzjoni taʼ niket esperjenzaw ħafna ġenituri, u kif nafu li Ġeħova jifhem l-uġigħ tagħhom?

16 Ir-rabta bejn il-ġenituri u t-tfal hi tant b’saħħitha li Ġeħova uża din ir-relazzjoni biex juri mħabbtu għall-poplu tiegħu. (Is. 49:15) Għalhekk, huwa normali li nkunu mnikktin għall-aħħar meta membru maħbub tal-familja jitlaq lil Ġeħova. “Kelli qalbi maqsuma,” tgħid oħt li bintha ġiet maqtugħa mis-sħubija. “Ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘Għala telqet lil Ġeħova?’ Ħassejtni ħatja, u waħħalt fija nnifsi.”

17 Ġeħova jifhem l-uġigħ tiegħek. Hu nnifsu “ħassu mweġġaʼ f’qalbu” meta l-ewwel membru tal-familja umana tiegħu u iktar tard il-biċċa l-kbira min-nies li kienu jgħixu qabel id-Dilluvju rribellaw. (Ġen. 6:5, 6) Jistaʼ jkun diffiċli għal dawk li qatt ma ġarrbu telfa bħal din biex jifhmu kemm tistaʼ tkun devastanti. Minkejja dan, ikun perikoluż li tħalli l-kondotta ħażina tal-membru tal-familja tiegħek li jkun maqtugħ mis-sħubija tbiegħdek minn Ġeħova. Kif tistaʼ tkampa man-niket meta membru tal-familja jitlaq lil Ġeħova?

18. Il-ġenituri għala m’għandhomx iwaħħlu fihom infushom jekk xi ħadd minn uliedhom jitlaq lil Ġeħova?

18 Twaħħalx fik innifsek għal dak li ġara. Ġeħova ta għażla lill-bnedmin, u kull membru tal-familja dedikat u mgħammed għandu “jġorr it-tagħbija tiegħu” taʼ responsabbiltà. (Gal. 6:5)  Fl-aħħar mill-aħħar, Ġeħova jżomm lill-midneb—mhux lilek—responsabbli għall-għażla tiegħu. (Eżek. 18:20) Ukoll, twaħħalx f’ħaddieħor. Uri rispett għall-mod kif Ġeħova jiddixxiplina lil niesu. Tagħtix it-tort lill-anzjani li qed jipproteġu lill-kongregazzjoni. Imma ieqaf sod kontra x-Xitan, u tħallix lil din is-sitwazzjoni tbiegħdek minn Ġeħova.—1 Pt. 5:8, 9.

Mhuwiex ħażin li nittamaw li maħbub jerġaʼ lura għand Ġeħova

19, 20. (a) X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri taʼ tfal maqtugħin mis-sħubija biex ikampaw man-niket tagħhom? (b) Liema tama għandhom dawn il-ġenituri?

19 X’jiġri jekk tagħżel li tibqaʼ rrabjat maʼ Ġeħova għal dak li ġara lil ibnek jew bintek? Is-sentimenti tiegħek jistgħu jbegħduk minn Ġeħova. Fir-realtà, il-membru għażiż tal-familja tiegħek jeħtieġ ikun jaf li int determinat li tħobb lil Ġeħova saħansitra iktar milli tħobb lil familtek. Allura biex tkampa man-niket tiegħek, stinka biex iżżomm ir-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova b’saħħitha. Assoċja regolarment maʼ ħutek li huma leali. (Prov. 18:1) Iftaħ qalbek maʼ Ġeħova fit-talb. (Salm 62:7, 8) Tfittixx skużi biex tassoċja maʼ membru tal-familja li hu maqtugħ mis-sħubija, pereżempju, bil-messaġġi jew bl-e-mail. (1 Kor. 5:11) Ibqaʼ medhi f’attivitajiet spiritwali. (1 Kor. 15:58) L-oħt li ssemmiet hawn fuq tgħid, “Naf li rrid nibqaʼ bieżla fis-servizz taʼ Ġeħova u nżomm ruħi b’saħħti spiritwalment biex meta binti tiġi lura għand Ġeħova, jien inkun lesta biex ngħinha.”

20 Il-Bibbja tgħid li l-imħabba “kollox tittama.” (1 Kor. 13:4, 7) Mhuwiex ħażin li tittama li l-maħbub tiegħek jerġaʼ lura. Kull sena, ħafna li jkunu dinbu, jindmu u jirritornaw lejn l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ġeħova ma jibqax irrabjat magħhom wara li jindmu. Għall-kuntrarju, hu ‘lest li jaħfer.’—Salm 86:5.

AGĦMEL GĦAŻLIET GĦAQLIN

21, 22. X’inhi d-determinazzjoni tiegħek rigward l-użu tal-libertà tal-għażla?

21 Ġeħova ta lill-bnedmin il-libertà tal-għażla. (Aqra Dewteronomju 30:19, 20.) Imma din il-libertà ġġib magħha wkoll responsabbiltà li ġġegħelna naħsbu. Kull Kristjan għandu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Jien f’liema triq qiegħed? Ħallejt l-impjieg u l-karriera, ir-rikreazzjoni u d-divertiment, jew ir-relazzjonijiet tal-familja jbegħduni minn Ġeħova?’

22 Ġeħova qatt ma jieqaf iħobb lil niesu. L-uniku mod li bih nistgħu nitbiegħdu minn Ġeħova hu jekk nagħżlu li naqbdu triq ħażina. (Rum. 8:38, 39) Però, dan m’għandux għalfejn jiġri! Agħmilha d-determinazzjoni tiegħek li ma tħalli xejn ibiegħdek minn Ġeħova. L-artiklu li jmiss se jiddiskuti erbaʼ oqsma oħra li fihom tistaʼ turi din id-determinazzjoni.

^ Par. 10 Għal iktar informazzjoni dwar kif tagħżel karriera, ara kapitlu 38 tal-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2.

^ Par. 15 Għal suġġerimenti, ara paġni 17-19 tal-ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-Ingliż taʼ Novembru, 2011.