Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom—Fin-Norveġja

Offrew Lilhom Infushom Minn Rajhom—Fin-Norveġja

XI FTIT tas-snin ilu, Roald u Elsebeth, koppja li dak iż-żmien kellhom qrib il-50 sena, kienu qed jgħixu fil-kumdità f’Bergen, it-tieni l-ikbar belt tan-Norveġja. Flimkien maʼ binthom u binhom, Isabel u Fabian, kienu jieħdu sehem b’mod leali fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni. Roald kien qed jaqdi bħala anzjan u Elsebeth bħala pijuniera, mentri Isabel u Fabian kienu sejrin tajjeb bħala pubblikaturi.

Madankollu, f’Settembru 2009, il-familja ddeċidiet li tagħmel xi ħaġa differenti—li tipprietka għal ġimgħa f’post iżolat. Allura Roald u Elsebeth flimkien maʼ Fabian, li dak iż-żmien kellu 18-il sena, ivvjaġġaw lejn Nordkyn, peniżola fl-istat taʼ Finnmark, ’il fuq miċ-Ċirku Artiku. Hemmhekk, fir-raħal taʼ Kjøllefjord, ippritkaw flimkien maʼ aħwa oħra li wkoll kienu marru f’dan ir-reġjun iżolat biex jieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar. “Fil-bidu taʼ dik il-ġimgħa,” jiftakar Roald, “ħassejtni sodisfatt mhux ħażin li rnexxieli nirranġa l-affarijiet b’tali mod li stajt nieħu sehem f’din l-attività speċjali għal ġimgħa sħiħa.” Imma  iktar tard dik l-istess ġimgħa, Roald beda jħossu inċert. X’ġara?

MISTOQSIJA MHUX MISTENNIJA

“Bla mistenni,” jgħid Roald, “Mario, pijunier li jaqdi f’Finnmark, talabna jekk konniex lesti mmorru ngħixu f’belt jisimha Lakselv biex ngħinu lill-kongregazzjoni taʼ 23 pubblikatur.” Roald kien sorpriż għall-aħħar b’din il-mistoqsija mhux mistennija. Hu jispjega: “Jien u Elsebeth konna ħsibna dwar il-possibbiltà li naqdu fejn il-bżonn kien akbar—imma fil-futur, meta t-tfal ikunu telqu mid-dar.” Minkejja dan, anki matul il-ftit jiem li kien qattaʼ jipprietka f’dan ir-reġjun iżolat, Roald setaʼ jara li n-nies kienu lesti biex jitgħallmu dwar Ġeħova. Kellhom bżonn l-għajnuna issa—mhux fil-futur. “Il-mistoqsija niggżitli l-kuxjenza u saħansitra ma ħallitnix norqod għal diversi ljieli,” hu jiftakar. Imbagħad Mario ħa lil Roald u lil familtu Lakselv, xi 240 kilometru lejn in-nofsinhar taʼ Kjøllefjord. Mario ried li l-viżitaturi jaraw għalihom infushom il-kongregazzjoni żgħira t’hemmhekk.

F’Lakselv, Andreas, wieħed miż-żewġ anzjani lokali, wera lill-viżitaturi l-akkwata u s-Sala tas-Saltna. L-aħwa laqgħuhom tajjeb u qalu lil Roald u Elsebeth li kienu se jieħdu pjaċir jekk il-familja tmur toqgħod hemm biex tgħin fix-xogħol tas-Saltna. Bi tbissima, Andreas qal li diġà kien irranġa għal xi impjieg għal Roald u Fabian! Il-viżitaturi x’kienu se jagħmlu?

LIEMA GĦAŻLA SE JAGĦMLU?

L-ewwel reazzjoni taʼ Fabian kienet: “M’għandix xewqa li mmur noqgħod hemm.” Il-ħsieb li jitlaq lil ħbiebu tal-qalb li kien trabba magħhom fil-kongregazzjoni tiegħu u li jgħix f’raħal żgħir ma laqtux. Barra minn hekk, kien għadu ma spiċċax it-taħriġ biex isir elektrixin. Madankollu, meta lil Isabel (li dak iż-żmien kellha 21 sena) staqsewha x’taħseb dwar li tmur tgħix hemm, hi qalet: “Minn dejjem xtaqt nagħmel hekk!” Imma mbagħad, Isabel tgħid: “Meta ħsibt iktar dwarha bdejt ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Hija din verament idea tajba? Se nimmissjahom lil sħabi? Għandi nibqaʼ fil-kongregazzjoni tiegħi fejn inħossni komda u drajt ’l-aħwa?’” X’kienet ir-reazzjoni taʼ Elsebeth rigward l-istedina? “Ħassejt li Ġeħova kien ta inkarigu lill-familja tagħna,” tgħid hi, “imma ħsibt ukoll dwar ix-xogħol li konna għadna kif għamilna fid-dar u l-affarijiet kollha taʼ ġo fiha li konna ksibna matul dawn l-aħħar 25 sena.”

Elsebeth u Isabel

Meta għaddiet il-ġimgħa speċjali, Roald u familtu marru lura Bergen, imma ma setgħux jieqfu milli jaħsbu dwar ħuthom il-Kristjani f’Lakselv, xi 2,100 kilometru ’l bogħod. “Tlabt ħafna lil Ġeħova,” tgħid Elsebeth, “u bqajt f’kuntatt mal-ħbieb li ltqajna magħhom billi bgħatna ritratti u esperjenzi lil xulxin.” Roald jgħid: “Kelli bżonn il-ħin biex nidra l-idea li se mmorru noqogħdu hemmhekk. Ridt nikkunsidra wkoll jekk kienx prattiku. Biex konna se ngħixu? Tlabt ħafna lil Ġeħova u tkellimt mal-familja tiegħi u m’aħwa t’esperjenza.” Fabian jiftakar: “Iktar kemm ħsibt dwar dan, iktar irrealizzajt li ma kellix raġuni valida biex ngħid le. Tlabt spiss lil Ġeħova, u maż-żmien ix-xewqa biex immur ngħix hemm saret iktar qawwija.” U Isabel? Sabiex tipprepara lilha nfisha għall-possibbiltà li tmur tgħix Lakselv, hi bdiet taqdi bħala pijuniera fil-belt fejn toqgħod. Wara sitt xhur bħala pijuniera, li matulhom qattgħet ħafna ħin tagħmel studju personali tal-Bibbja, hi ħassitha lesta biex tagħmel dal-pass kbir.

X’GĦAMLU BIEX LAĦQU L-MIRA TAGĦHOM?

Hekk kif kibret ix-xewqa biex jaqdu fejn hemm bżonn akbar għall-pubblikaturi, il-familja ħadet passi biex tilħaq il-mira tagħha. Roald kellu xogħol li jħallas tajjeb u li kien għal qalbu, iżda talab għal sena leave. Madankollu, l-imgħallem tiegħu talbu biex jaqaʼ part-time—billi jaħdem ġimagħtejn iva u sitta le. “Id-dħul tiegħi tnaqqas bil-qabda, imma rnexxielna nkampaw,” jgħid Roald.

Elsebeth tgħid: “Ir-raġel talabni nfittex dar f’Lakselv u nikri d-dar tagħna taʼ Bergen. Għamilna sforz kbir u ħadilna ħafna ħin, imma rnexxielna. Wara ftit, it-tfal sabu xogħol part-time,” u żżid tgħid, “u jgħinuna nkopru l-ispejjeż tal-ikel u t-trasport.”

 Isabel tgħid: “Minħabba li l-belt li morna noqogħdu fiha hi żgħira, l-ikbar sfida tiegħi kienet biex insib xogħol li jmantnini bħala pijuniera. Xi kultant, kien donnu impossibbli.” Xorta waħda, billi aċċettat kwalunkwe xogħol part-time li setgħet issib—disgħa matul l-ewwel sena—Isabel setgħet tkopri l-ispejjeż tagħha. U xi ngħidu għal Fabian? “Sabiex inlesti t-taħriġ tiegħi bħala elektrixin, xorta kelli bżonn naħdem bħala apprendist. Għamilt dan f’Lakselv. Iktar tard, għaddejt mill-eżami u sibt xogħol part-time bħala elektrixin.”

KIF OĦRAJN ŻIEDU FIS-SERVIZZ TAGĦHOM

Marelius u Kesia jagħtu xhieda lil mara Sami fin-Norveġja

Marelius u martu Kesia wkoll riedu jaqdu fejn kien hemm bżonn akbar għall-pubblikaturi. Marelius, li issa għandu 29 sena, jgħid: “Taħditiet fil-konvenzjoni u intervisti dwar ix-xogħol taʼ pijunier qanqluni naħseb dwar li nkabbar is-servizz tiegħi.” Madankollu, għal Kesia, li issa għandha 26 sena, l-idea li tmur toqgħod ’il bogħod minn familtha kienet ostaklu. “Il-ħsieb li nkun ’il bogħod minn dawk li nħobb kien tal-biżaʼ,” tgħid hi. Iktar minn hekk, Marelius kien jaħdem full-time biex jaqtaʼ d-dejn fuq id-dar tagħhom. Hu jgħid: “Bl-għajnuna taʼ Ġeħova u b’ħafna talb għall-għajnuna biex nagħmlu t-tibdiliet, stajna mmorru ngħixu f’post ieħor.” L-ewwel, huma qattgħu aktar ħin fi studju tal-Bibbja. Imbagħad, il-koppja biegħu darhom, telqu xogħolhom, u f’Awwissu 2011 marru jgħixu fil-Belt taʼ Alta, fit-Tramuntana tan-Norveġja. Hemmhekk, sabiex imantnu lilhom infushom bħala pijunieri, Marelius jaħdem bħala accountant u Kesia f’ħanut.

Knut u Lisbeth, koppja li issa għandhom madwar 35 sena, ġew imqanqlin mir-rakkonti li jinsabu fil-Yearbook rigward dawk li jaqdu fejn hemm bżonn akbar għall-pubblikaturi tas-Saltna. “Dawn l-esperjenzi ġegħluna naħsbu dwar li naqdu f’pajjiż barrani,” tgħid Lisbeth, “iżda żammejt lura għax iddubitajt jekk xi ħadd komuni bħali setax jagħmel dan.” Xorta waħda, ħadu passi biex jilħqu l-mira tagħhom. Knut jgħid: “Begħna l-appartament tagħna u, biex infaddlu, morna ngħixu m’ommi. Iktar tard, biex induqu s-servizz f’territorju barrani, morna naqdu għal sena f’kongregazzjoni tal-Ingliż f’Bergen, fejn qgħadna m’omm Lisbeth.” Knut u Lisbeth ma damux ma ħassewhom lesti biex jagħmlu l-pass, u kien wieħed kbir—għall-Uganda. Huma jmorru lura n-Norveġja xahrejn fis-sena biex jaħdmu. B’dan il-mod għandhom biżżejjed flus biex jgħixu u jippritkaw full-time fl-Uganda għall-kumplament tas-sena.

“DUQU U ARAW LI ĠEĦOVA HU TAJJEB”

“Il-familja tagħna saret iktar magħquda.”—Roald

Kif żvolġew l-affarijiet għal dawn il-ħaddiema ħerqana? Roald jgħid: “Aħna nqattgħu ħafna aktar ħin flimkien bħala familja f’dan il-post iżolat milli meta konna f’Bergen. Il-familja tagħna saret iktar magħquda. Hija barka li nara l-progress spiritwali taʼ wliedna.” Hu jżid jgħid: “Ukoll, issa l-attitudni  tagħna nbidlet lejn l-affarijiet materjali. M’għandhomx valur daqskemm ħsibna li kellhom.”

Elsebeth rat il-bżonn li titgħallem lingwa oħra. Għala? It-territorju tal-Kongregazzjoni taʼ Lakselv jinkludi r-raħal taʼ Karasjok, fil-qalba tal-art tas-Sami—in-nies indiġeni fir-reġjuni tat-Tramuntana tan-Norveġja, l-Isvezja, il-Finlandja, u r-Russja. Allura biex ikun iktar faċli ħalli tkellem lil dawn in-nies indiġeni, Elsebeth ħadet kors tal-lingwa Sami. Issa kapaċi tagħmel konversazzjoni sempliċi b’din il-lingwa. Qed tieħu pjaċir f’dan it-territorju ġdid? Bi tbissima, hi tgħid: “Għandi sitt studji tal-Bibbja. Fejn irrid inkun jekk mhux hawnhekk!”

Fabian, li issa jaqdi bħala pijunier u qaddej ministerjali, jgħid li hu u Isabel għenu tliet żgħażagħ fil-kongregazzjoni ġdida tagħhom li kellhom bżonn inkuraġġiment biex ikunu iktar involuti fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni. It-tliet żgħażagħ issa huma attivi fil-ministeru. Fil-fatt, tnejn minnhom tgħammdu u f’Marzu 2012 qdew bħala pijunieri awżiljarji. Waħda miż-żgħażagħ li kienet qed titbiegħed mill-verità rringrazzjat lil Fabian u Isabel talli għenuha “terġaʼ tirranka.” Fabian jgħid: “Ħassejtni veru mqanqal meta qalet dan. X’ferħ issib meta tgħin lil xi ħadd!” Isabel tgħid: “F’dan l-inkarigu, nistaʼ ngħid li verament ‘doqt u rajt li Ġeħova hu tajjeb.’” (Salm 34:8) Hi tkompli tgħid: “Minbarra dan kollu, vera nieħu pjaċir naqdi hawn!”

Marelius u Kesia issa għandhom ħajja iktar sempliċi imma iktar għanja. Il-kongregazzjoni f’Alta, fejn marru jaqdu, issa għandha 41 pubblikatur. Marelius jgħid: “Huwa t’inkuraġġiment kbir meta nħares lura u nara kemm ħajjitna nbidlet. Nirringrazzjaw lil Ġeħova li nistgħu naqduh bħala pijunieri hawnhekk. Xejn mhu iktar taʼ sodisfazzjon.” Kesia żżid tgħid: “Tgħallimt nistrieħ iktar bis-sħiħ fuq Ġeħova, u hu ħa ħsiebna. Tgħallimt li l-fatt li ngħix ’il bogħod minn tal-familja jgħinni napprezza saħansitra iktar il-mumenti li nqattgħu flimkien. Qatt ma ddispjaċieni mid-deċiżjoni li ħadna.”

Knut u Lisbeth jistudjaw maʼ familja fl-Uganda

U Knut u Lisbeth kif inhuma sejrin fl-Uganda? Knut jgħid: “Domna ftit biex nidraw l-ambjent u l-kultura l-ġdida. Problemi tal-ilma, l-elettriku, u l-istonku—kollha jiġu u jitilqu, imma studji tal-Bibbja jistaʼ jkollna kemm irridu!” Lisbeth tgħid: “Nofsiegħa bogħod biss minn fejn ngħixu, hemm territorji li qatt ma ntlaħqu bl-aħbar tajba. Imma meta mmorru hemm, insibu nies jaqraw il-Bibbja u jitolbuna biex ngħallmuhom. Huwa ferħ li ma jitqabbel maʼ xejn meta ngħallmu lil individwi umli l-messaġġ tal-Bibbja!”

Min jaf kemm hu ferħan il-Mexxej tagħna, Kristu Ġesù, meta mis-sema jara kif ix-xogħol tal-ippritkar li beda hu qed jitkompla dejjem f’iktar reġjuni tad-dinja! Iva, in-nies kollha t’Alla jħossu ferħ ġenwin meta joffru lilhom infushom minn rajhom biex iwettqu l-kmand taʼ Ġesù biex ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.’—Mt. 28:19, 20.