Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kun Kuraġġuż—Ġeħova Hu Miegħek!

Kun Kuraġġuż—Ġeħova Hu Miegħek!

“Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila. . . . Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek.”—ĠOŻ. 1:9.

1, 2. (a) Liema kwalitajiet se jgħinuna nkampaw mal-provi b’suċċess? (b) X’inhi l-fidi? Agħti eżempju.

IS-SERVIZZ taʼ Ġeħova jagħmilna ferħanin. Però, aħna niffaċċjaw problemi bħal kulħadd, u għandna mnejn ‘insofru minħabba s-sewwa.’ (1 Pt. 3:14; 5:8, 9; 1 Kor. 10:13) Biex inkampaw maʼ provi bħal dawn b’suċċess, neħtieġu l-fidi u l-kuraġġ.

2 X’inhi l-fidi? L-appostlu Pawlu kiteb: “Il-fidi hi l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom, it-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” (Ebr. 11:1) L-espressjoni Griega tradotta ‘stennija garantita’ spiss kienet tidher f’dokumenti tan-negozju u tagħti l-idea taʼ garanzija li fil-futur se jkollok jedd għal xi ħaġa. B’mod simili, dawk li għandhom fidi li Alla se jwettaq il-wegħdi tiegħu għandhom garanzija li se jirċievu dak li jittamaw għalih. Aħna konvinti bis-sħiħ li dak li Alla wiegħed se jseħħ u li kulma jgħidilna fil-Kelma tiegħu hi l-verità, saħansitra affarijiet li ma nistgħux narawhom.

3, 4. (a) X’inhu l-kuraġġ? (b) X’inhu mod wieħed kif insaħħu l-fidi u l-kuraġġ tagħna?

3 Il-kuraġġ hu l-ħila li nitkellmu u naġixxu mingħajr biżaʼ meta nkunu f’sitwazzjonijiet diffiċli u perikolużi. Biex ikollna l-kuraġġ irridu nkunu fiduċjużi u qalbenin, saħansitra lesti li nbatu għal dak li nemmnu fih.—Mk. 6:49, 50; 2 Tim. 1:7.

4 Il-fidi u l-kuraġġ huma kwalitajiet taʼ min jixtieqhom. Imma għandna mnejn inħossu li għandna bżonn iktar fidi u kuraġġ. Il-Bibbja titkellem dwar eluf taʼ qaddejja t’Alla li kienu eżemplari f’li juru dawn il-kwalitajiet. Allura mod kif insaħħu l-fidi u l-kuraġġ tagħna hu billi nikkunsidraw ftit minn dawn l-eżempji.

ĠEĦOVA KIEN MAʼ ĠOŻWÈ

5. Biex jirnexxi fl-inkarigu tiegħu, Ġożwè x’kellu bżonn?

5 Nistgħu naħsbu f’xi ħaġa li ġrat 3,500 sena ilu.  Dan kien 40 sena wara li Ġeħova ħeles miljuni taʼ Iżraelin mill-Eġittu. Il-profeta Mosè kien il-mexxej tagħhom. Kellu 120 sena meta telaʼ fuq il-quċċata tal-Muntanja Nebo u ra l-Art Imwiegħda. Imbagħad, hu miet hemmhekk fuq il-muntanja. Il-mexxej li jmiss taʼ Iżrael kien Ġożwè, raġel “mimli bl-ispirtu taʼ l-għerf.” (Dt. 34:1-9) L-armata Iżraelija kienet lesta biex tieħu l-art taʼ Kangħan. Biex jirnexxi bħala l-mexxej tagħhom, Ġożwè kellu bżonn għerf mingħand Alla, fidi, kuraġġ, u ħila.—Dt. 31:22, 23.

6. (a) Skont Ġożwè 23:6, għal xiex neħtieġu l-kuraġġ? (b) X’nitgħallmu mill-kliem t’Atti 4:18-20 u Atti 5:29?

6 L-għerf, il-kuraġġ, u l-fidi li wera Ġożwè matul il-ħafna snin li ġġieldu biex jieħdu l-art taʼ Kangħan żgur li saħħew lill-Iżraelin. Kellhom bżonn il-kuraġġ mhux biss biex jiġġieldu fil-battalja imma wkoll biex jobdu lil Alla. Ġożwè, eżatt qabel ma miet, qalilhom: “Tridu tkunu kuraġġużi ħafna ħalli tħarsu u tagħmlu kulma hemm miktub fil-ktieb tal-liġi taʼ Mosè billi qatt ma dduru minnu lejn il-lemin jew lejn ix-xellug.” (Ġoż. 23:6) Aħna wkoll neħtieġu l-kuraġġ biex dejjem nobdu lil Ġeħova. Dan jinkludi drabi meta sempliċi bniedem jgħidilna nagħmlu xi ħaġa kontra r-rieda t’Alla. (Aqra Atti 4:18-20; 5:29.) Jekk nitolbu għad-direzzjoni taʼ Ġeħova u nafdaw fih, hu se jgħinna jkollna l-kuraġġ li neħtieġu.

KIF NISTGĦU NIRNEXXU FI TRIQITNA

7. Biex jaġixxi bil-kuraġġ u jirnexxi, x’kellu bżonn jagħmel Ġożwè?

7 Biex ikollna l-kuraġġ meħtieġ biex nagħmlu r-rieda t’Alla, għandna nistudjaw u napplikaw il-Kelma tiegħu. Ġeħova hekk qallu jagħmel lil Ġożwè meta sar mexxej flok Mosè: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila ħalli tieħu ħsieb tagħmel skond il-liġi kollha li kkmandak Mosè l-qaddej tiegħi. . . . Dan il-ktieb tal-liġi m’għandux jitbiegħed minn fommok, u trid taqrah u timmedita fuqu lejl u nhar, sabiex tkun tistaʼ tieħu ħsieb tagħmel skond kulma hemm miktub fih; għax imbagħad se tirnexxi fi triqtek u mbagħad se taġixxi bl-għerf.” (Ġoż. 1:7, 8) Ġożwè segwa dan il-parir, u ‘rnexxa fi triqtu.’ Jekk aħna nagħmlu l-istess, se jkollna iktar kuraġġ u suċċess fis-servizz t’Alla.

L-iskrittura għas-sena 2013: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila. . . . Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek.” —Ġożwè 1:9

8. L-iskrittura għas-sena 2013 minn liema skrittura hi meħuda, u dan il-kliem kif taħseb li se jgħinek?

8 Ġożwè żgur li ħassu msaħħaħ ħafna meta semaʼ dak li Ġeħova kompla biex jgħid: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila. Tinħasadx jew titwerwer, għax Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek kulfejn tmur.” (Ġoż. 1:9) Ġeħova hu magħna wkoll. Allura ejja ‘ma ninħasdux jew nitwerwru’ jkunu xi jkunu l-provi tagħna. Aħna jinteressana speċjalment il-kliem: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila. . . . Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek.” Dan il-kliem taʼ Ġożwè 1:9 ntgħażel bħala l-iskrittura għas-sena 2013. Żgur li se jsaħħaħna fix-xhur li ġejjin, bħalma se jsaħħuna wkoll il-kliem u l-azzjonijiet t’eżempji oħrajn taʼ fidi u kuraġġ.

 B’KURAĠĠ GĦAŻLU LI JAGĦMLU R-RIEDA T’ALLA

9. Raħab b’liema modi wriet fidi u kuraġġ?

9 Meta Ġożwè bagħat żewġ spiji f’Kangħan, il-prostituta Raħab ħbiethom u mbagħad bagħtet lill-għedewwa tagħhom f’direzzjoni ħażina. Minħabba l-fidi u l-kuraġġ tagħha, hi u familtha salvaw meta l-Iżraelin qerdu l-belt taʼ Ġeriko. (Ebr. 11:30, 31; Ġak. 2:25) M’għandniex xi ngħidu, Raħab abbandunat il-ħajja immorali tagħha sabiex togħġob lil Ġeħova. Xi wħud li saru Kristjani kellhom il-fidi, il-kuraġġ, u s-saħħa morali biex jagħmlu bidliet simili ħalli jogħġbu lil Alla.

10. Rut f’liema ċirkustanzi ħadet il-waqfa tagħha għall-qima vera, u dan irriżulta f’liema barkiet għaliha?

10 Wara l-mewt taʼ Ġożwè, Rut, li kienet Mowabija, b’kuraġġ ħadet il-waqfa tagħha għall-qima vera. Bħala l-armla taʼ Iżraeli, x’aktarx li kienet taf xi ħaġa dwar Ġeħova. Il-kunjata armla tagħha Nagħomi kienet toqgħod f’Mowab imma ddeċidiet li terġaʼ tmur tgħix fil-belt Iżraelija taʼ Betlehem. Fit-triq, Nagħomi ħeġġet lil Rut biex tmur lura għand niesha stess, imma Rut wieġbet: “Toqgħodx titlobni biex nitilqek, biex immur lura u ma niġix miegħek . . . Il-poplu tiegħek ikun il-poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Maż-żmien, Rut iżżewġet lil Bogħaż, raġel mill-familja taʼ Nagħomi. Kellhom iben u mid-dixxendenza tiegħu twieldu David u Ġesù. Huwa ċar li Ġeħova jbierek lil dawk li juru fidi u kuraġġ.—Rut 2:12; 4:17-22; Mt. 1:1-6.

ĦAFNA SSOGRAW ĦAJJITHOM!

11. Ġeħojada u Ġeħoseba kif urew kuraġġ, u x’kien ir-riżultat?

11 Il-fidi u l-kuraġġ tagħna jissaħħu meta naraw li Alla hu maʼ dawk li jissograw ħajjithom biex jagħmlu r-rieda tiegħu u biex jipproteġu lil ħuthom. Pereżempju, ikkunsidra lill-qassis il-kbir Ġeħojada u martu, Ġeħoseba. Wara li miet is-Sultan Aħażija, ommu Għatalija qatlet lit-tfal kollha tas-sultan minbarra Ġeħogħas u ħatfet it-tron. Ġeħojada u Ġeħoseba kienu ssograw ħajjithom biex isalvaw lil Ġeħogħas, bin Aħażija, u żammewh moħbi għal sitt snin. Fis-sebaʼ sena, Ġeħojada għamel lil Ġeħogħas is-sultan u ordna l-mewt t’Għatalija. (2 Slat. 11:1-16) Ġeħojada iktar tard għen lis-Sultan Ġeħogħas fit-tiswijiet tat-tempju. U meta Ġeħojada miet fl-età taʼ 130 sena, hu ndifen mas-slaten “għaliex kien għamel it-tajjeb f’Israel u maʼ l-Alla l-veru u d-dar Tiegħu.” (2 Kron. 24:15, 16) Iktar minn hekk, peress li Ġeħojada u martu aġixxew b’kuraġġ, il-familja li minnha kellu jiġi l-Messija nżammet fis-sigurtà.

12. Liema azzjoni kuraġġuża ħa Għebed-melek?

12 Għebed-melek, qaddej fid-dar tas-Sultan Sedekija, issogra ħajtu għal Ġeremija. Il-prinċpijiet taʼ Ġuda qalu lis-sultan li Ġeremija kien qed jaqtaʼ qalb is-suldati u n-nies kollha. Is-sultan tahom permess jagħmlu kulma riedu b’Ġeremija. Allura waddbuh f’ġiebja fonda mimlija ħama u ħallewh imut. (Ġer. 38:4-6) Għebed-melek talab lis-Sultan Sedekija biex jgħin lil Ġeremija. Dak li għamel Għebed-melek kien perikoluż, ladarba ħafna nies kienu jobogħdu lil Ġeremija. Sedekija qabel li jgħinu u qal lil Għebed-melek biex jieħu 30 raġel miegħu u jtellgħu lil Ġeremija mill-ġiebja. Permezz taʼ Ġeremija, Alla wiegħed lil Għebed-melek li ma kienx se jmut meta l-Babiloniżi kienu se jattakkaw lil Ġerusalemm. (Ġer. 39:15-18)  Alla jippremja lil dawk li juru kuraġġ biex jagħmlu r-rieda tiegħu.

13. (a) It-tliet Ebrej kif urew kuraġġ? (b) X’nistgħu nitgħallmu mir-rakkont tagħhom?

13 Fis-sebaʼ seklu Q.E.K., tliet qaddejja taʼ Ġeħova Ebrej ingħataw prova ċara li Ġeħova jippremja l-fidi u l-kuraġġ. Is-Sultan Nebukadnessar ordna li l-irġiel importanti kollha f’Babilonja jinġabru u jqimu xbieha kbira tad-deheb. Kull min ma riedx jagħmel dan kellu jmut f’forn tan-nar iħeġġeġ. It-tliet Ebrej b’rispett qalu lil Nebukadnessar: “Alla tagħna li lilu qed naqdu kapaċi jeħlisna. Mill-forn tan-nar iħeġġeġ u minn idek, O sultan, jeħlisna. Imma jekk le, kun af, O sultan, li aħna ma naqdux lil allatek, u m’aħniex se nqimu x-xbieha tad-deheb li waqqaft int.” (Dan. 3:16-18) F’Danjel 3:19-30, nistgħu naqraw ir-rakkont eċċitanti dwar kif Ġeħova salva lit-tliet Ebrej. Probabbilment li m’aħniex se niġu mheddin b’mewta f’forn tan-nar iħeġġeġ, imma kultant ikollna nobdu lil Alla f’sitwazzjonijiet diffiċli ferm. Nistgħu nserrħu moħħna li Alla se jberikna jekk nuru fidi u kuraġġ.

14. Skont Danjel kapitlu 6, Danjel kif aġixxa b’kuraġġ, u b’liema riżultat?

14 Danjel wera fidi u kuraġġ meta l-għedewwa tiegħu kkonvinċew lis-Sultan Darju biex joħroġ digriet li “kulmin jitlob lil xi alla jew bniedem fi żmien tletin jum ħlief lilek, O sultan, għandu jiġi mitfugħ fil-ħofra taʼ l-iljuni.” Malli Danjel sar jaf li d-dokument kien ġie ffirmat, hu “daħal f’daru, u, bit-twieqi taʼ l-għorfa tiegħu miftuħin lejn Ġerusalemm, kien jinżel għarkopptejh tliet darbiet kuljum u jitlob u joffri tifħir quddiem Alla tiegħu, bħalma kien qed jagħmel regolarment qabel dan.” (Dan. 6:6-10) Danjel spiċċa f’ħofra tal-iljuni—imma Ġeħova ħelsu.—Dan. 6:16-23.

15. (a) Akwila u Prixilla ħallew liema eżempju taʼ fidi u kuraġġ? (b) Xi jfisser kliem Ġesù mniżżel fi Ġwanni 13:34, u ħafna Kristjani kif urew imħabba bħal din?

15 Għalkemm il-Bibbja ma ssemmix x’kienu ċ-ċirkustanzi, Akwila u Prixilla ‘ssograw ħajjithom għal’ Pawlu. (Atti 18:2; Rum. 16:3, 4) B’kuraġġ aġixxew fi qbil mal-kliem taʼ Ġesù: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin.” (Ġw. 13:34) Il-Liġi Mosajka kienet tirrikjedi li individwu jħobb lil għajru bħalma jħobb lilu nnifsu. (Lev. 19:18) Allura l-kmand taʼ Ġesù għala kien “ġdid”? Għax jeħtieġ li nuru mħabba billi nkunu lesti nagħtu ħajjitna għal oħrajn, kif għamel hu. Ħafna Kristjani  wrew imħabba billi ssograw ħajjithom biex jipproteġu lil ħuthom milli jiġu mweġġgħin jew maqtulin mill-għedewwa.—Aqra l-1 Ġwanni 3:16.

Il-Kristjani tal-bidu lanqas biss kien jgħaddilhom minn moħħhom li jagħmlu kompromess

16, 17. (a) Il-fidi taʼ xi wħud mill-Kristjani tal-bidu kif għaddiet minn prova? (b) Il-fidi taʼ xi Kristjani fi żmienna kif għaddiet minn prova wkoll?

16 Bħal Ġesù, il-Kristjani tal-bidu b’kuraġġ qiemu biss lil Ġeħova. (Mt. 4:8-10) Huma rrifjutaw li jaħarqu l-inċens għall-unur tal-imperatur Ruman. (Ara l-istampa.) “Ftit ferm mill-Kristjani ċaħdu t-twemmin tagħhom,” kiteb Daniel P. Mannix, “għalkemm artal b’nar jaqbad fuqu ġeneralment kien jinżamm fl-arena għall-konvenjenza tagħhom. Kulma priġunier ried jagħmel kien li jxerred nitfa inċens fuq il-fjamma u kien jingħata Ċertifikat taʼ Sagrifiċċju u jiġi lliberat. Kien ukoll jingħata spjegazzjoni bir-reqqa li hu ma kienx qiegħed iqim lill-imperatur; sempliċement kien qed jirrikonoxxi l-karattru divin tal-imperatur bħala l-kap tal-istat Ruman. Xorta waħda, kważi ebda Kristjan m’uża l-opportunità li kellu biex jaħrab.”—Those About to Die.

17 Il-Kristjani li ntefgħu f’kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi ngħataw diversi opportunitajiet biex jinħelsu u jiskansaw il-mewt. Kulma kellhom jagħmlu kien li jiffirmaw dokument li qal li m’għadhomx jaqdu lil Ġeħova. Imma ftit biss iffirmawh. Matul gwerra fl-Irwanda, Xhieda Tutsi u Ħutu ssograw ħajjithom biex jipproteġu lil xulxin. In-nies t’Alla għandhom bżonn il-kuraġġ u l-fidi f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

FTAKAR, ĠEĦOVA HU MAGĦNA!

18, 19. Liema eżempji Bibliċi taʼ fidi u kuraġġ jistgħu jgħinuna nwettqu x-xogħol tal-ippritkar tagħna?

18 Fil-preżent għandna l-privileġġ li nieħdu sehem fl-akbar xogħol li qatt ġie fdat lill-qaddejja t’Alla fuq l-art—dak li niddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna u nagħmlu dixxipli. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Kemm aħna grati għall-eżempju perfett taʼ Ġesù! Hu “beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.” (Lq. 8:1) Bħalu, aħna neħtieġu l-fidi u l-kuraġġ sabiex nippritkaw il-messaġġ tas-Saltna. Bl-għajnuna t’Alla, nistgħu nkunu bħar-raġel kuraġġuż Noè, “predikatur [qalbieni] tal-ġustizzja” lil “dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla” li kienu se jinqerdu f’dilluvju.—2 Pt. 2:4, 5.

19 It-talb jgħinna nwettqu x-xogħol tal-ippritkar. Meta ċerti segwaċi persegwitati taʼ Kristu talbu biex ikunu jistgħu “jxandru l-kelma t’Alla bil-qlubija,” din it-talba twieġbet. (Aqra Atti 4:29-31.) Jekk int tibżaʼ xi ftit biex tmur tipprietka minn dar għal dar, Ġeħova se jwieġeb it-talb tiegħek għal iktar fidi u kuraġġ.—Aqra Salm 66:19, 20. *

20. Liema appoġġ għandna bħala l-qaddejja taʼ Ġeħova?

20 Mhuwiex dejjem faċli li nibqgħu nagħmlu r-rieda t’Alla f’din id-dinja mill-agħar. Madankollu, m’aħniex waħedna. Alla hu magħna. U anki Ibnu, il-Kap tal-Kongregazzjoni, hu magħna. Għandna wkoll iktar minn 7,000,000 Xhud taʼ Ġeħova madwar id-dinja. Ejja lkoll inkomplu nuru fidi u nippritkaw l-aħbar tajba waqt li nżommu f’moħħna l-iskrittura għas-sena 2013: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila. . . . Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek.”—Ġoż. 1:9.

^ Par. 19 Ara iktar eżempji taʼ kuraġġ fl-artiklu “Kun Kuraġġuż u Agħmel il-Ħila” fit-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Frar, 2012.