Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Ibqaʼ Ersaq Qrib Lejn Ġeħova

Ibqaʼ Ersaq Qrib Lejn Ġeħova

“Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—ĠAK. 4:8.

1, 2. (a) X’inhuma “l-pjanijiet” taʼ Satana? (b) X’se jgħinna nersqu qrib lejn Alla?

ALLA ĠEĦOVA ħalaq lill-bnedmin bil-bżonn li jersqu qrib lejh. Però, Satana jridna naħsbu bħalu—li m’għandniex bżonn lil Ġeħova. Satana ilu jipprova jġiegħel lill-bnedmin jemmnu dan minn mindu gideb lil Eva fil-ġnien tal-Għeden. (Ġen. 3:4-6) U minn dak iż-żmien ’l hawn, ħafna nies emmnu li m’għandhomx bżonn lil Alla.

2 B’ferħ, aħna m’għandniex għalfejn naqgħu fin-nassa taʼ Satana. “Il-pjanijiet tiegħu nafuhom.” (2 Kor. 2:11) Satana jipprova jbegħedna minn Ġeħova billi jħajjarna nagħmlu għażliet ħżiena. Imma bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel dan, nistgħu nagħmlu għażliet tajbin rigward il-karriera, id-divertiment, u l-familja. Dan l-artiklu se juri kif nistgħu ‘nersqu qrib lejn Alla’ jekk nagħmlu għażliet tajbin rigward it-teknoloġija, is-saħħa, il-flus, u l-kburija.—Ġak. 4:8.

IT-TEKNOLOĠIJA

3. Individwu b’liema modi differenti jistaʼ juża l-kompjuters u oġġetti elettroniċi simili?

3 Iktar u iktar nies qed jużaw il-kompjuters u oġġetti elettroniċi oħrajn. Meta nużaw dawn l-oġġetti b’mod xieraq, jistgħu jkunu utli ħafna. Imma meta nużawhom b’mod ħażin, jistgħu jbegħduna minn Missierna tas-sema. Ejja nikkunsidraw il-kompjuters. Ħutna jużawhom biex jiktbu u jippubblikaw It-Torri tal-Għassa. Il-kompjuters jistgħu jgħinuna nagħmlu riċerka u nikkomunikaw, u tistaʼ tieħu gost tużahom. Imma jekk dawn jogħġbuna ħafna, għandna mnejn inqattgħu wisq ħin naħsbu dwarhom u nużawhom. Hemm ħafna riklami li jgħidulna li għandu jkollna kull oġġett elettroniku ġdid li joħroġ. Wieħed żagħżugħ tant ried ċertu kompjuter li bil-moħbi neħħa waħda mill-kliewi tiegħu u biegħha biex ikun jistaʼ jixtri l-kompjuter. Kemm hi ħaġa tal-biki!

4. Ħu kif biddel id-drawwa ħażina tiegħu li juża wisq il-kompjuter?

 4 Huwa saħansitra agħar li nħallu oġġetti elettroniċi jagħmlu l-ħsara lir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Nistgħu nqattgħu wisq ħin nużawhom jew nużawhom b’modi ħżiena. Ħu jismu Jon, li għandu kważi 30 sena, qal li kien qed iqattaʼ wisq ħin fuq il-kompjuter minflok ma jistudja. * Spiss kien jibqaʼ mqajjem tard bil-lejl fuq l-Internet. Hu qal li iktar ma kien ikun għajjien, iktar kien ikun diffiċli li jieqaf jitkellem onlajn jew jara l-vidjows, anki xi ftit li ma kinux xierqa. Hu ried ibiddel din id-drawwa, u allura pprogramma l-kompjuter tiegħu biex jintefa waħdu fil-ħin li suppost imur jorqod.—Aqra Efesin 5:15, 16.

Ġenituri, għinu lil uliedkom jużaw it-teknoloġija bil-għaqal

5, 6. (a) Xi dmirijiet għandhom il-ġenituri lejn uliedhom? (b) Il-ġenituri kif jistgħu jagħmlu ċert li wliedhom ikollhom sħubija tajba?

5 Ġenituri, m’għandkomx għalfejn tikkontrollaw kull pass taʼ wliedkom, imma għandkom bżonn toqogħdu attenti għal kif jużaw il-kompjuter. Tħalluhomx jidħlu f’Websajts immorali jew spiritistiċi, jilagħbu logħob vjolenti, jew jitkellmu maʼ nies ħżiena fuq l-Internet. Jekk tħalluhom jagħmlu kulma jridu basta ma jdejqukomx, għandhom mnejn jaħsbu li dawn l-affarijiet mhumiex ħżiena. Bħala ġenituri, huwa dmirkom li tipproteġu lil uliedkom—inkluż l-adoloxxenti—minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tbegħedhom minn Ġeħova. Anki l-annimali jipproteġu liż-żgħar tagħhom mill-periklu. Immaġina x’tagħmel orsa jekk xi ħadd jipprova jweġġaʼ lill-frieħ tagħha!—Qabbel Ħosea 13:8.

6 Għinu lil uliedkom jissieħbu maʼ Kristjani taʼ kull età li jagħmlu għażliet tajbin. U ftakar, uliedkom għandhom bżonn lilkom biex tqattgħu ħin magħhom! Għalhekk, warrbu l-ħin biex tidħqu, tilagħbu, taħdmu, u ‘tersqu qrib lejn Alla’ flimkien. *

IS-SAĦĦA

7. Għala lkoll irridu nibqgħu f’saħħitna?

7 “Kif qed tħossok?” Din l-espressjoni komuni tikxef realtà kerha. Peress li l-ewwel ġenituri tagħna ħallew lil Satana jbegħedhom minn Ġeħova, aħna lkoll nistgħu nimirdu. Satana jieħu gost meta nimirdu għax meta nkunu morda jkun iktar diffiċli għalina biex naqdu lil Ġeħova. U jekk immutu, żgur li ma nkunux nistgħu naqduh. (Salm 115:17) Allura, naturalment irridu nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu f’saħħitna. * U għandu jinteressana wkoll mis-saħħa taʼ ħutna.

8, 9. (a) Kif nistgħu nevitaw l-estremitajiet rigward is-saħħa? (b) Kif nibbenefikaw meta nikkultivaw il-ferħ?

8 Madankollu, huwa importanti li nevitaw l-estremitajiet. Xi wħud iqattgħu  iktar ħin jitkellmu dwar ċerti dieti, kuri tas-saħħa, jew prodotti tas-saħħa u tas-sbuħija milli jqattgħu jippritkaw dwar is-Saltna t’Alla. Għandhom mnejn verament jemmnu li qed jgħinu lil oħrajn. Imma m’għandniex nużaw is-Sala tas-Saltna, l-assembleat, jew il-konvenzjonijiet tagħna biex inbigħu prodotti jew nirriklamaw l-ideat tagħna dwar is-saħħa. Għala le?

9 Aħna niltaqgħu flimkien biex niddiskutu affarijiet spiritwali u biex inżidu l-ferħ tagħna, li jiġi mill-ispirtu qaddis t’Alla. (Gal. 5:22) L-iskop tal-laqgħat mhuwiex biex nitkellmu dwar kuri u prodotti tas-saħħa, anki jekk xi ħadd ieħor ikun jixtieq jitkellem dwarhom. Jekk nagħmlu dan nistgħu nġiegħlu lil oħrajn jitilfu l-ferħ tagħhom. (Rum. 14:17) Ħalli lin-nies jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess dwar kif se jieħdu ħsieb saħħithom. Wara kollox, ħadd m’għandu soluzzjoni għall-mard kollu. Anki l-aqwa tobba jixjieħu u jimirdu, u eventwalment imutu. U mbilli noqogħdu ninkwetaw iżżejjed dwar saħħitna mhux se ntawlu ħajjitna. (Lq. 12:25) Mill-banda l-oħra, “qalb ferriħija tajba biex tfejjaq.”—Prov. 17:22.

10. (a) Liema kwalitajiet huma sbieħ għal Ġeħova? (b) Kif nistgħu ngawdu l-aqwa saħħa possibbli?

10 B’mod simili, huwa xieraq li jinteressana mid-dehra tagħna. Imma m’għandniex għalfejn nitħabtu ħafna biex inneħħu kull sinjal tax-xjuħija. Dawn is-sinjali jistgħu jkunu evidenza taʼ maturità, dinjità, u sbuħija ġewwinija. Pereżempju, il-Bibbja tgħid: “Ix-xagħar griż hu kuruna taʼ sbuħija meta jkun fit-triq tas-sewwa.” (Prov. 16:31) Ġeħova hekk iqisna, u aħna għandna nipprovaw inqisu lilna nfusna bħalma jqisna hu. (Aqra l-1 Pietru 3:3, 4.) Allura, għandna għalfejn nissograw saħħitna jew ħajjitna billi nieħdu trattamenti mediċi perikolużi jew billi nagħmlu operazzjonijiet sempliċement biex intejbu d-dehra tagħna? Minkejja kemm għandna żmien jew kemm aħna f’saħħitna, is-sbuħija vera tiġi milli jkollna “l-ferħ taʼ Ġeħova.” (Neħ. 8:10) Huwa biss fid-dinja l-ġdida li se nkunu b’saħħitna kompletament u nerġgħu niksbu s-sbuħija taż-żgħożija. (Ġob 33:25; Is. 33:24) Sadanittant, jekk nuru l-għaqal u jkollna l-fidi se niġu megħjunin nibqgħu qrib taʼ Ġeħova filwaqt li nagħmlu ħilitna fiċ-ċirkustanzi preżenti tagħna.—1 Tim. 4:8.

IL-FLUS

11. Il-flus kif jistgħu jbegħduna minn Ġeħova?

11 Mhuwiex ħażin li jkollna l-flus jew li nipprovaw naqilgħu l-flus. (Ekk. 7:12; Lq. 19:12, 13) Imma jekk inħobbu l-flus, dan se jbegħedna minn Ġeħova. (1 Tim. 6:9, 10) “L-ansjetà taʼ din is-sistema” tfisser li ninkwetaw iżżejjed dwar li niksbu l-affarijiet li neħtieġu. Din l-ansjetà tistaʼ tfixkilna spiritwalment. “Il-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi” tfisser li nistgħu nitqarrqu f’li nemmnu li l-flus se jagħmluna ferħanin u fis-sigurtà. (Mt. 13:22) Ġesù qal li “ħadd” ma jistaʼ jkun ilsir t’Alla u tal-flus.—Mt. 6:24.

12. (a) Xi nies b’liema modi jipprovaw jaqilgħu ħafna flus malajr? (b) Kif nistgħu nevitaw li nagħmlu għażliet ħżiena?

12 Jekk naħsbu li l-flus huma l-iktar ħaġa importanti, għandna mnejn nitħajru nagħmlu l-ħażin. (Prov. 28:20) Xi aħwa riedu jistagħnew malajr, u allura xtraw biljetti tal-lotterija. Oħrajn jinvolvu ruħhom f’negozji li suppost irendulhom il-flus malajr, u saħansitra jwiegħdu lil oħrajn fil-kongregazzjoni li anki huma jistgħu jaqilgħu kemxa flus ġmielha. Drabi oħra, xi aħwa staqsew lil membri tal-kongregazzjoni biex jinvestu magħhom u wiegħdu li jagħtuhom imgħax għoli. Jekk inkunu rgħiba, għandna  mnejn naċċettaw xi offerta taʼ negozju li tistaʼ ttellifna ħafna flus. Allura oqgħod attent li ma ssirx rgħib. Ġeneralment mhuwiex possibbli li taqlaʼ ħafna flus f’qasir żmien.

13. Il-ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-flus kif inhi differenti minn dik tad-dinja?

13 Meta npoġġu l-ewwel “is-saltna u s-sewwa tiegħu,” Ġeħova jbierek l-isforzi bilanċjati tagħna biex naqilgħu l-bżonnijiet tal-ħajja. (Mt. 6:33; Efes. 4:28) Ma jridniex nonogħsu matul il-laqgħat għax inkunu ħdimna żżejjed jew li ninkwetaw dwar il-flus meta nkunu bilqiegħda fis-Sala tas-Saltna. Però, ħafna fid-dinja taʼ madwarna jemmnu li huwa biss billi jiddedikaw ruħhom biex jaqilgħu l-flus li jistaʼ jkollhom futur fis-sod u ma jkollhomx għalfejn jibqgħu jaħdmu iktar ’il quddiem fil-ħajja. Spiss dawn l-uħud jimbottaw lil uliedhom lejn l-istess miri materjalistiċi. Ġesù wera li tħassib bħal dan mhuwiex raġunevoli. (Aqra Luqa 12:15-21.) Dan jistaʼ jfakkarna f’Geħażi, li ħaseb li setaʼ jkun rgħib u xorta jkollu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova.—2 Slat. 5:20-27.

14, 15. Għala mhuwiex għaqli li naħsbu li jekk ikollna l-flus se nkunu fis-sigurtà? Agħti eżempju.

14 Xi ajkli għerqu għax ipprovaw jaqbdu ħuta li kienet tqila wisq. Lilna jistaʼ jiġrilna xi ħaġa simili jekk nistinkaw biex insiru għonja. Anzjan jismu Alex spjega li s-soltu joqgħod attent ferm bi flusu. Lanqas ix-xampù ma jħobb jaħli! Imma ħaseb li kieku jistaʼ jaqlaʼ iktar flus, hu jkun jistaʼ jieqaf jaħdem u jibda jaqdi bħala pijunier. Allura studja kif jixtri u jbigħ l-ishma u uża flusu kollha biex jixtri kemm setaʼ. Saħansitra ssellef il-flus biex jixtri iktar ishma! Imma l-ishma li xtara niżlu fil-valur drastikament. Alex qal: “Kont determinat li nikseb flusi lura.” Hu ħaseb li jekk jistenna, l-ishma kienu se jerġgħu jitilgħu fil-valur.

15 Alex sabha diffiċli biex jaħseb f’xi ħaġa oħra minbarra l-ishma tiegħu. Kienet diffiċli għalih li jżomm is-servizz tiegħu lil Ġeħova l-ewwel, u ma setax jorqod sew. Imma l-ishma qatt ma reġgħu kisbu l-valur tagħhom. Alex tilef flusu kollha u kellu jbigħ id-dar. Jgħid li qalaʼ ħafna inkwiet għal familtu. Imma tgħallem lezzjoni importanti. Hu qal li kull min jemmen li s-sistema taʼ Satana se tipprovdi sigurtà u ferħ veru se jkun diżappuntat bil-kbir. (Prov. 11:28) Jekk nafdaw kompletament fi flusna jew fl-abbiltà tagħna li naqilgħu l-flus, inkunu fil-fatt qed nafdaw f’Satana, li hu “l-alla taʼ din is-sistema.” (2 Kor. 4:4; 1 Tim. 6:17) Alex issa għamel bidliet f’ħajtu sabiex ikun jistaʼ jerġaʼ jqattaʼ iktar ħin fl-ippritkar tal-aħbar tajba. Dan għamel lilu u lil familtu iktar ferħanin u għenhom jersqu eqreb lejn Ġeħova.—Aqra Marku 10:29, 30.

IL-KBURIJA

16. (a) Il-kburija kif tistaʼ tkun tajba? (b) X’jistaʼ jiġri jekk naħsbu li aħna xi ħaġa?

16 Aħna għandna nkunu kburin bil-fatt li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. (Ġer. 9:24) Minħabba dan, aħna dejjem nipprovaw nieħdu deċiżjonijiet tajbin u nsegwu l-livelli għoljin t’Alla. Imma rridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn li ma nitkabbrux u naħsbu li nifhmu iktar minn Ġeħova, għax dan jistaʼ jbegħedna minnu.—Salm 138:6; Rum. 12:3.

Minflok ma tixxennaq għal pożizzjoni fil-kongregazzjoni, gawdi x-xogħol tiegħek fil-ministeru

17, 18. (a) Semmi eżempji Bibliċi taʼ nies umli kif ukoll taʼ nies kburin. (b) Wieħed ħu x’għamel biex il-kburija ma tbegħdux minn Ġeħova?

17 Il-Bibbja fiha eżempji taʼ nies kburin kif ukoll taʼ nies umli. Is-Sultan David bl-umiltà fittex il-gwida taʼ Ġeħova, u Hu bierku. (Salm 131:1-3) Imma Ġeħova umilja lis-slaten kburin Nebukadnessar u Belsassar. (Dan. 4:30-37; 5:22-30) Illum, ukoll, iqumu sitwazzjonijiet li jittestjaw l-umiltà tagħna. Ryan, qaddej ministerjali li għandu 32 sena, mar jaqdi f’kongregazzjoni  ġdida. “Stennejt li ma ndumx ma ninħatar bħala anzjan,” jgħid Ryan, “imma għaddiet sena u ma nħtartx.” Tkabbar Ryan u rrabja mal-anzjani għax ma ħatruhx bħala anzjan? Kien se jieqaf jattendi l-laqgħat, u b’hekk iħalli l-kburija tbiegħdu minn Ġeħova u l-poplu Tiegħu? Int kieku x’kont tagħmel?

18 “Jien qrajt kulma stajt insib fil-pubblikazzjonijiet tagħna dwar l-istennija mtawla,” jiftakar Ryan. (Prov. 13:12) “Bdejt nirrealizza li kelli nitgħallem il-paċenzja u l-umiltà. Kelli bżonn inħalli lil Ġeħova jħarriġni.” Ryan ma baqax jiffoka fuqu nnifsu imma fuq li jaqdi lil oħrajn—fil-kongregazzjoni u fil-ministeru. Ma damx ma kien qed jikkonduċi diversi studji tal-Bibbja li kienu qed jagħmlu progress. “Meta nħtart bħala anzjan sena u nofs wara, ma kontx qed nistennieha,” jgħid hu. “Tant kont qed nieħu gost fil-ministeru tiegħi li ma bqajtx ninkwieta dwarha.”—Aqra Salm 37:3, 4.

IBQAʼ QRIB TAʼ ĠEĦOVA!

19, 20. (a) Kif nistgħu nagħmlu ċert li l-affarijiet li nagħmlu qatt ma jbegħduna minn Ġeħova? (b) Liema eżempji taʼ dawk li baqgħu qrib taʼ Ġeħova nistgħu nimitaw?

19 L-affarijiet kollha li ddiskutejna f’dan l-artiklu u f’taʼ qablu għandhom post xieraq f’ħajjitna. Aħna kburin li aħna qaddejja taʼ Ġeħova. Familja hienja u saħħa tajba huma fost l-aqwa għotjiet mingħand Ġeħova. Aħna nifhmu li x-xogħol sekulari u l-flus jistgħu jgħinuna nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħna. Nafu li r-rikreazzjoni tagħmlilna l-ġid u li t-teknoloġija tistaʼ tkun utli. Imma rridu niftakru li jekk nagħmlu dawn l-affarijiet f’ħin ħażin, għal tul taʼ ħin, jew b’mod li jfixkel il-qima tagħna, nistgħu nbiegħdu lilna nfusna minn Ġeħova.

Tħalli xejn ibiegħdek minn Ġeħova!

20 Naturalment, Satana hekk jixtieq li jiġri. Imma int tistaʼ tipproteġi lilek innifsek u lil familtek minn gwaj bħal dan! (Prov. 22:3) Ersaq qrib lejn Ġeħova, u ibqaʼ qrib tiegħu. Għandna bosta eżempji Bibliċi li jistgħu jgħinuna nagħmlu dan. Enok u Noè ‘mxew maʼ l-Alla l-veru.’ (Ġen. 5:22; 6:9) Mosè “baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.” (Ebr. 11:27) Ġesù kellu l-appoġġ kontinwu t’Alla għax dejjem għamel kulma kien jogħġob lil Missieru tas-sema. (Ġw. 8:29) Imita eżempji bħal dawn. ‘Thenna dejjem. Itlob bla waqfien. Rodd ħajr f’kollox.’ (1 Tess. 5:16-18) U tħalli xejn ibiegħdek minn Ġeħova!

^ Par. 4 L-ismijiet ġew mibdulin.

^ Par. 6 Ara “Kif Trabbi Tfal Responsabbli” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! t’Ottubru-Diċembru, 2011.

^ Par. 7 Ara “Ħames Suġġerimenti Għal Saħħa Aħjar” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju-Settembru, 2011.