Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Anzjani Kristjani—‘Ħaddiema Sħabna għall-Ferħ Tagħna’

Anzjani Kristjani—‘Ħaddiema Sħabna għall-Ferħ Tagħna’

“Aħna ħaddiema sħabkom għall-ferħ tagħkom.”—2 KOR. 1:24.

1. Pawlu x’semaʼ dwar il-Kristjani f’Korintu li għamlu ferħan tassew?

KIENET is-sena 55 E.K. L-appostlu Pawlu kien fil-belt taʼ Troas, imma ma setax jieqaf jaħseb fuq l-aħwa taʼ Korintu. Iktar kmieni dik is-sena, kien taʼ wġigħ taʼ qalb li jsir jaf li l-aħwa t’hemmhekk tlewmu bejniethom. Ħabbhom bħalma missier iħobb lil uliedu, allura bagħtilhom ittra biex jikkoreġihom. (1 Kor. 1:11; 4:15) Hu kien bagħtilhom ukoll lill-ħaddiem sieħbu Titu u kien irranġa biex jiltaqaʼ miegħu fi Troas ħalli jirrapportalu dwar l-aħwa. Issa Pawlu kien qed jistenna lil Titu fi Troas, ħerqan biex jismaʼ kif il-Korintin kienu sejrin. Imma b’diżappunt kbir għal Pawlu, Titu ma wasalx. Pawlu x’setaʼ jagħmel? Salpa lejn il-Maċedonja, u kien ferħan ħafna li ltaqgħu hemm. Titu qal li l-aħwa f’Korintu rreaġixxew tajjeb għall-ittra taʼ Pawlu u li kienu ħerqanin biex jarawh. Meta Pawlu semaʼ b’dan ir-rapport tajjeb, hu ‘thenna bil-wisq iktar.’—2 Kor. 2:12, 13; 7:5-9.

2. (a) Pawlu x’kiteb lill-Korintin dwar il-fidi u l-ferħ? (b) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw?

2 Ftit wara dan, Pawlu kiteb ittra oħra lill-Korintin. Hu qalilhom: “Mhux għax aħna s-sidien tal-fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema sħabkom għall-ferħ tagħkom, għax intom iżżommu weqfin bil-fidi tagħkom.” (2 Kor. 1:24) Pawlu x’ried jgħid bih dan il-kliem? U kliemu kif għandu jeffettwa ’l-anzjani Kristjani tal-lum?

IL-FIDI U L-FERĦ TAGĦNA

3. (a) Pawlu x’ried jgħid biha meta kiteb: “Iżżommu weqfin bil-fidi tagħkom”? (b) L-anzjani tal-lum kif isegwu l-eżempju taʼ Pawlu?

3 Pawlu semma żewġ aspetti importanti tal-qima tagħna—il-fidi u l-ferħ. Ftakar li rigward il-fidi, hu kiteb: “Mhux għax aħna s-sidien tal-fidi tagħkom, . . .  għax intom iżżommu weqfin bil-fidi tagħkom.” B’dan il-kliem, Pawlu għaraf li l-aħwa f’Korintu kienu qed jaqdu lil Ġeħova b’lealtà minħabba l-fidi tagħhom stess f’Alla, u mhux minħabba fih jew xi ħadd ieħor. Allura, Pawlu ra li ma kienx hemm bżonn li jikkontrolla l-fidi taʼ ħutu, u ma kellu ebda xewqa li jagħmel dan. Kien ċert li kienu Kristjani leali li riedu jagħmlu dak li kien sewwa. (2 Kor. 2:3) Illum, l-anzjani jsegwu l-eżempju taʼ Pawlu billi jesprimu fiduċja fil-fidi taʼ ħuthom u fil-motivi tagħhom biex jaqdu ’l Alla. (2 Tess. 3:4) Minflok ma jagħmlu regoli riġidi għall-kongregazzjoni, l-anzjani jistrieħu fuq prinċipji Skritturali u fuq id-direzzjoni mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Wara kollox, l-anzjani tal-lum mhumiex is-sidien tal-fidi taʼ ħuthom.—1 Pt. 5:2, 3.

4. (a) Pawlu x’ried ifisser meta kiteb: “Aħna ħaddiema sħabkom għall-ferħ tagħkom”? (b) L-anzjani tal-lum kif jimitaw l-attitudni taʼ Pawlu?

4 Pawlu stqarr ukoll: “Aħna ħaddiema sħabkom għall-ferħ tagħkom.” B’din l-espressjoni, hu rrefera għalih innifsu u għal dawk li ħadmu iebes miegħu biex jgħinu lill-Korintin. Għala naslu għal din il-konklużjoni? Fl-istess ittra, Pawlu fakkar lill-Korintin dwar tnejn minn dawn l-imseħbin meta kiteb: “Ġesù . . . ġie pridkat fostkom permezz tagħna, jiġifieri, permezz tiegħi u taʼ Silvanu u taʼ Timotju.” (2 Kor. 1:19) Iktar minn hekk, kull meta Pawlu uża t-terminu “ħaddiema sħabi” fl-ittri tiegħu, dan il-kliem dejjem kien jirreferi għal dawk li stinkaw miegħu fix-xogħol tal-ippritkar, bħal Akwila, Apollo, Priska, Timotju, Titu, u oħrajn. (Rum. 16:3, 21; 1 Kor. 3:6-9; 2 Kor. 8:23) Allura, billi jgħid: “Aħna ħaddiema sħabkom għall-ferħ tagħkom,” Pawlu aċċerta lill-Korintin li hu u sħabu riedu jagħmlu kulma setgħu biex jgħinu lill-membri tal-kongregazzjoni jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ. Illum, l-anzjani Kristjani għandhom l-istess xewqa. Iridu jagħmlu kulma jistgħu biex jgħinu lil ħuthom ‘jaqdu lil Ġeħova bl-hena.’—Salm 100:2; Flp. 1:25.

5. Se nikkunsidraw it-tweġibiet għal liema mistoqsija, u x’għandna nagħmlu hekk kif niddiskutu t-tweġibiet taʼ xi aħwa?

5 Reċentement, grupp t’aħwa żelużi li jgħixu f’partijiet differenti tad-dinja ntalbu jwieġbu l-mistoqsija, “Liema kliem u għemejjel t’anzjan żiedu mal-ferħ tiegħek?” Issa se niddiskutu t-tweġibiet tagħhom. Hekk kif nagħmlu dan, aħseb fi kliem u għemejjel tal-anzjani li għamluk iktar ferħan. Tistaʼ wkoll taħseb x’tistaʼ tagħmel int biex tgħin lill-kongregazzjoni tiegħek tkun ferħana. *

“SELLU GĦAL PERSI, IL-MAĦBUBA TAGĦNA”

6, 7. (a) L-anzjani b’liema mod jistgħu jimitaw lil Ġesù, Pawlu, u qaddejja oħra t’Alla? (b) Li niftakru l-ismijiet taʼ ħutna għala jżid mal-ferħ tagħhom?

6 Ħafna minn ħutna jgħidu li jħossuhom iktar ferħanin meta l-anzjani juru interess personali fihom. Mod kif l-anzjani jistgħu jagħmlu dan hu billi jsegwu l-eżempju taʼ David, Eliħu, u Ġesù nnifsu. (Aqra t-2 Samwel 9:6; Ġob 33:1; Luqa 19:5.) Kull wieħed minn dawn il-qaddejja taʼ Ġeħova wera interess ġenwin f’persuna oħra billi uża l-isem persunali taʼ dak li jkun. Pawlu wkoll apprezza l-importanza taʼ li jiftakar u juża l-ismijiet taʼ sħabu fit-twemmin. Hu kkonkluda waħda mill-ittri tiegħu billi sella għal 25 ħu u oħt b’isimhom, fosthom Persi, oħt Kristjana li  dwarha Pawlu qal: “Sellu għal Persi, il-maħbuba tagħna.”—Rum. 16:3-15.

7 Xi anzjani jsibuha diffiċli biex jiftakru l-ismijiet. Xorta waħda, meta jagħmlu sforz, ikunu bħallikieku qed jgħidu lil sħabhom fit-twemmin, ‘Int importanti għalija.’ (Eżo. 33:17) Ukoll, l-anzjani jżidu mal-ferħ taʼ ħuthom meta jiftakru isimhom hekk kif isejħulhom biex jikkummentaw waqt l-Istudju tat-Torri tal-Għassa jew laqgħat oħrajn.—Qabbel Ġwanni 10:3.

“HI TĦABTET ĦAFNA FIL-MULEJ”

8. B’liema mod importanti Pawlu segwa l-eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù?

8 Pawlu wera interess ukoll f’oħrajn billi faħħarhom b’mod sinċier, li hu mod ieħor kif l-anzjani jistgħu jżidu l-ferħ taʼ sħabhom fit-twemmin. Għaldaqstant, fl-istess ittra li fiha stqarr ix-xewqa tiegħu biex jaħdem għall-ferħ taʼ ħutu, Pawlu kiteb: “Inħossni kburi ħafna bikom.” (2 Kor. 7:4) Dan il-kliem taʼ tifħir żgur li ġiegħel l-aħwa f’Korintu jħossuhom maħbubin. Pawlu esprima sentimenti simili lil kongregazzjonijiet oħra. (Rum. 1:8; Flp. 1:3-5; 1 Tess. 1:8) Fil-fatt, wara li semma lil Persi fl-ittra tiegħu lill-kongregazzjoni taʼ Ruma, Pawlu żied jgħid: “Hi tħabtet ħafna fil-Mulej.” (Rum. 16:12) Persi żgur li ħassitha inkuraġġita meta semgħet dan il-kliem. F’li jfaħħar lil oħrajn, Pawlu segwa l-eżempju kemm taʼ Ġeħova u kemm taʼ Ġesù.—Aqra Marku 1:9-11; Ġwanni 1:47; Riv 2:2, 13, 19.

9. Għala jkunu iktar ferħanin meta l-membri tal-kongregazzjoni kollha jfaħħru lil xulxin?

9 L-anzjani tal-lum ukoll jaraw l-importanza taʼ li jesprimu s-sentimenti t’apprezzament tagħhom għal ħuthom. (Prov. 3:27; 15:23) Kull meta anzjan jagħmel dan, ikun bħallikieku qed jgħid lil ħutu: ‘Innotajt dak li għamilt. Jien jimpurtani minnek.’ Sħabna fit-twemmin żgur ikollhom bżonn jisimgħu kliem inkuraġġanti. Oħt li għandha ’l fuq minn 50 sena qalet li hi kważi qatt ma taqlaʼ kumpliment għal dak li tagħmel fuq ix-xogħol. Hemmhekk, in-nies ma jagħtux kas t’oħrajn u jikkompetu maʼ xulxin. Allura meta anzjan jirringrazzjaha għal xi ħaġa li tkun għamlet għall-kongregazzjoni, hi tħossha ħafna aħjar. Hi qalet: “Iġegħelni nħossni maħbuba minn Missieri tas-sema.” Ħu li qed irabbi żewġt itfal waħdu qal li m’ilux anzjan qallu kemm japprezza dak li jagħmel. Il-kliem tal-anzjan inkuraġġieh ħafna biex ikompli jagħmel l-aħjar li jistaʼ fis-servizz t’Alla. Huwa ċar li meta anzjan ifaħħar lil ħutu b’mod sinċier ikun qed jgħinhom biex ikomplu jaqdu ’l Alla bil-ferħ “u ma jegħjewx.”—Is. 40:31.

‘IRGĦU L-KONGREGAZZJONI T’ALLA’

10, 11. (a) L-anzjani kif jistgħu jimitaw lil Neħemija? (b) Anzjan kif jistaʼ jsaħħaħ il-fidi taʼ ħutu meta jagħmel żjajjar pastorali?

10 X’inhu mod importanti ieħor kif l-anzjani juru l-imħabba tagħhom lejn ħuthom u jgħinuhom jaqdu ’l Alla bil-ferħ? Billi jieħdu l-inizjattiva biex jgħinu lil dawk li għandhom bżonn inkuraġġiment. (Aqra Atti 20:28.) B’dan il-mod, huma jkunu qed jimitaw lill-qaddejja leali t’Alla taż-żminijiet Bibliċi. Pereżempju, innota x’għamel Neħemija meta ra li xi wħud minn ħutu Lhud kienu ddgħajfu spiritwalment. Ir-rakkont jgħid li hu minnufih qam u inkuraġġiehom. (Neħ. 4:14) Illum, l-anzjani jixtiequ jagħmlu l-istess. Huma ‘jqumu’—jiġifieri jieħdu l-inizjattiva—biex jgħinu lil sħabhom fit-twemmin ikunu sodi fil-fidi. Jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, huma jżuru lil ħuthom fi djarhom biex jagħtu inkuraġġiment personali bħal dan. Waqt żjajjar pastorali bħal dawn, huma jkunu jridu ‘jagħtuhom xi għotja spiritwali,’ jiġifieri,  jitkellmu dwar xi ħaġa li ssaħħaħ il-fidi taʼ ħuthom. (Rum. 1:11) X’se jgħin lill-anzjani jagħmlu dan?

11 Qabel ma anzjan jagħmel żjara pastorali, hu għandu jieħu l-ħin biex jaħseb fuq l-individwu li se jżur. X’inhuma l-isfidi tal-individwu? Xi ħsibijiet jistgħu jibnuh? Liema skrittura jew esperjenza taʼ karattru Bibliku tistaʼ tapplika fiċ-ċirkustanzi tiegħu? Ħsieb minn qabel bħal dan se jgħin lil anzjan ikollu konversazzjoni siewja, u mhux dwar l-affarijiet taʼ kuljum. Matul iż-żjajjar pastorali, anzjan iħalli lil ħutu jesprimu lilhom infushom waqt li jagħtihom widen. (Ġak. 1:19) Oħt qalet: ‘Kemm hu taʼ faraġ meta anzjan jismaʼ b’attenzjoni kbira!’—Lq. 8:18.

L-anzjani jaħsbu bir-reqqa dwar kif jistgħu jinkuraġġuna qabel ma jżuruna

12. Fil-kongregazzjoni min għandu bżonn inkuraġġiment, u għala?

12 Min jistaʼ jibbenefika minn żjajjar pastorali? Pawlu wissa lil sħabu l-anzjani Kristjani biex ‘joqogħdu attenti għall-merħla kollha.’ Tabilħaqq, il-membri kollha tal-kongregazzjoni għandhom bżonn jirċievu inkuraġġiment, anki dawk li b’lealtà ilhom jaqdu bħala pubblikaturi u pijunieri għal bosta snin. Għala għandhom bżonn l-appoġġ tar-rgħajja spiritwali? Għax għalkemm għandhom fidi b’saħħitha f’Alla, xorta ġieli jħossu li ma jistgħux ikampaw waħedhom mal-problemi li jiġu minn din id-dinja mill-agħar. Sabiex nagħtu eżempju għala saħansitra qaddej b’saħħtu t’Alla jistaʼ, kultant, ikollu bżonn għajnuna minn sieħeb fit-twemmin, ħalli nikkunsidraw ġrajja fil-ħajja tas-Sultan David.

ABISAJ “MAR JGĦINU”

13. (a) Isbi-benob meta għażel li jattakka lil David? (b) Abisaj kif setaʼ jkun t’għajnuna għal David fil-ħin adattat?

13 Ftit wara li ż-żagħżugħ David kien ġie midluk bħala sultan, hu ġġieled maʼ Gulija, wieħed mir-Refajin, razza taʼ ġganti. B’kuraġġ David qatel lill-ġgant. (1 Sam. 17:4, 48-51; 1 Kron. 20:5, 8) Snin wara, matul battalja mal-Filistin, David reġaʼ ġġieled maʼ ġgant ieħor. Kien jismu Isbi-benob, li wkoll kien wieħed  mir-Refajin. (2 Sam. 21:16) Però, din id-darba, il-ġgant kważi qatel lil David. Għala? Mhux għax David kien tilef il-kuraġġ tiegħu imma għax saħħtu kienet iddgħajfet. Ir-rakkont jgħid: “David kien għajjien.” Hekk kif Isbi-benob induna b’dan, hu “daħħalha f’moħħu li joqtol lil David.” Imbagħad, qabel ma l-ġgant nifed lil David bis-sejf, “minnufih Abisaj, bin Seruja, mar jgħinu [lil David] u ħabat għall-Filisti u qatlu.” (2 Sam. 21:15-17) David kważi nqatel! Ċertament li kien grat għal Abisaj li b’attenzjoni żamm għajnejh fuqu u immedjatament għenu meta ħajtu kienet fil-periklu. X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont?

14. (a) X’jgħinna nibqgħu leali f’sitwazzjonijiet tant diffiċli? (b) L-anzjani kif jistgħu jgħinu lil oħrajn jibqgħu leali u jerġgħu jsiru ferħanin? Agħti eżempju.

14 In-nies taʼ Ġeħova madwar id-dinja jibqgħu jaqdu ’l Alla minkejja li Satana u oħrajn jipprovaw jagħmluhielhom diffiċli. Xi wħud minna kellna diffikultajiet li kienu bħal ġganti għalina. Imma striħajna kompletament fuq Ġeħova u kellna s-saħħa biex inkunu leali f’dawk iż-żminijiet tant diffiċli, bħalma David kellu s-saħħa biex joqtol lil Gulija. Imma ġieli ngħaddu minn perijodi li fihom inħossuna li m’għandniex saħħa biżżejjed biex inkomplu niġġieldu kontra d-dinja taʼ Satana. F’perijodi bħal dawn, ikun iktar faċli li niġu skuraġġiti minħabba problemi li normalment jirnexxilna nissaportu. Imma anzjan jistaʼ jinnota kif inħossuna u jagħtina l-għajnuna li neħtieġu fil-ħin li jkollna bżonn. Imbagħad inħossu li nistgħu nkomplu naqdu lil Alla bil-ferħ. Ħafna minna ġew megħjuna b’dan il-mod. Pijuniera li għandha ’l fuq minn 60 sena qalet: “Xi ftit taż-żmien ilu ma kontx inħossni sew, u l-ministeru għejjieni. Anzjan innota n-nuqqas t’enerġija li kelli u ġie jkellimni. Kellna konversazzjoni inkuraġġanti bbażata fuq silta tal-Bibbja. Applikajt is-suġġerimenti li tani u bbenefikajt.” Hi żiedet tgħid: “Kemm hi ħaġa sabiħa li anzjan innota l-kundizzjoni dgħajfa tiegħi u għenni!” Huwa sabiħ li tkun taf li għandna anzjani li jagħtu kasna u li huma dejjem hemm biex jgħinuna, bħalma Abisaj kien lest biex jgħin lil David.

‘KUNU AFU L-IMĦABBA LI GĦANDI GĦALIKOM’

15, 16. (a) Sħab Pawlu fit-twemmin għala kienu jħobbuh ħafna? (b) Għala nħobbu lill-anzjani tal-kongregazzjoni li jieħdu ħsiebna?

15 Li tkun ragħaj jinvolvi xogħol iebes. Xi kultant, l-anzjani forsi ma jorqdux sew għax jinkwetaw dwar ħuthom, u għandhom mnejn iqumu bil-lejl biex jitolbu għalihom jew biex jgħinuhom. (2 Kor. 11:27, 28) Xorta waħda, l-anzjani jwettqu r-responsabbiltà tagħhom bis-sħiħ u bil-ferħ, eżatt bħalma għamel Pawlu. Hu kiteb lill-Korintin: “B’ferħ kbir nonfoq u nintefaq għalkollox għal ruħkom.” (2 Kor. 12:15) Tabilħaqq, minħabba li kellu mħabba għal ħutu, Pawlu ntefaq, jiġifieri ntefaʼ b’ruħu u ġismu, sabiex isaħħaħhom. (Aqra t-2 Korintin 2:4; Flp. 2:17; 1 Tess. 2:8) Mhux taʼ b’xejn li l-aħwa kienu jħobbuh ħafna lil Pawlu!—Atti 20:31-38.

16 Aħna bħala l-qaddejja t’Alla llum ukoll inħobbu ’l-anzjani Kristjani li jieħdu ħsiebna u nirringrazzjaw lil Ġeħova fit-talb personali tagħna talli pprovdihomlna. Huma jżidu mal-ferħ tagħna billi juru interess personali fina. Aħna nħossuna msaħħin miż-żjajjar pastorali tagħhom. Iktar minn hekk, aħna grati li huma dejjem lesti biex jgħinuna fil-mumenti li nħossuna megħlubin mill-pressjonijiet taʼ din id-dinja. Anzjani bħal dawn verament jaħdmu iebes għall-ferħ tagħna.

^ Par. 5 L-istess aħwa ġew mistoqsijin, “Liema kwalità tapprezza l-iktar f’anzjan?” Il-maġġorparti minnhom wieġbu, “Li jkun persuna avviċinabbli.” Din il-kwalità importanti se tiġi kkunsidrata f’ħarġa li ġejja taʼ din ir-rivista.