Mur fil-kontenut

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

‘Ħa Nippreżentaw Offerta lil Ġeħova’

‘Ħa Nippreżentaw Offerta lil Ġeħova’

META xi ħadd jagħmel att taʼ qalb tajba miegħek, kif turi l-apprezzament tiegħek? Ikkunsidra kif il-kapijiet militari f’Iżrael urew il-gratitudni tagħhom wara ġlieda bl-armi mal-Midjanin. Il-gwerra ġiet miġġielda wara li Iżrael kien dineb b’konnessjoni mal-Bagħal taʼ Pegħor. Alla ta r-rebħa lill-poplu tiegħu, u l-priża ġiet maqsuma bejn it-12,000 suldat u l-bqija t’Iżrael. Fi qbil mad-direzzjoni taʼ Ġeħova, is-suldati taw persentaġġ mill-porzjon tagħhom lill-qassisin, u l-Iżraelin l-oħrajn taw persentaġġ simili lil-Leviti.—Num. 31:1-5, 25-30.

Madankollu, il-kapijiet militari riedu jagħmlu iktar minn hekk. Huma qalu lil Mosè: “Il-qaddejja tiegħek għaddew il-gwerriera li jinsabu taħt il-kmand tagħna u lanqas wieħed ma ġie rapportat li hu nieqes minna.” Huma ddeċidew li joffru lil Ġeħova deheb u tiżjin differenti. Il-piż totali tat-tiżjin tad-deheb  kien jammonta għal iktar minn 190 kilogramma.—Num. 31:49-54.

Illum, ħafna nies jiġu mqanqlin bl-istess mod biex juru l-apprezzament tagħhom għal dak li għamel magħhom Ġeħova. Iktar minn hekk, sentimenti taʼ gratitudni bħal dawn ma jiġux biss mill-qaddejja dedikati t’Alla. Pereżempju, ikkunsidra xufier taʼ karozza tal-linja li saq lid-delegati lejn l-istejdjum u lura għall-konvenzjoni internazzjonali li saret f’Bolonja, l-Italja, fl-2009. Minħabba li kien xufier kalm u attent ħafna, dawk li kienu fuq il-karozza tal-linja tiegħu ddeċidew li jiktbulu nota taʼ gratitudni u jagħtuh xi ħaġa żejda tal-flus flimkien maʼ kopja tal-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? Għal dan, ix-xufier wieġeb: “Naċċetta minn qalbi l-kartolina u l-ktieb, imma nirritorna l-flus għaliex nixtieq nagħtihom bħala kontribuzzjoni ħalli tkunu tistgħu tibqgħu għaddejjin bix-xogħol li qed tagħmlu. Avolja m’iniex wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, nixtieq nagħti din il-kontribuzzjoni għax rajt li intom tagħmlu kollox bl-imħabba.”

Meta tiġi mqanqal mill-apprezzament għal dak li għamel miegħek Ġeħova, mod wieħed kif turi l-gratitudni tiegħek hu billi tagħti kontribuzzjonijiet għax-xogħol taʼ madwar id-dinja tax-Xhieda taʼ Ġeħova. (Mt. 24:14) Modi kif xi wħud jagħżlu li jagħtu huma mniżżlin fil-kaxxa li tinsab maʼ dan l-artiklu.