“Inbidlu billi ġġeddu moħħkom.”—RUMANI 12:2.

GĦANJIET: 61, 52

1-3. (a) Liema bidliet jistgħu jkunu diffiċli għalina biex nagħmlu wara li nitgħammdu? (b) Meta nsibuha bi tqila biex nagħmlu progress, liema mistoqsijiet jistaʼ jkollna? (Ara l-ewwel stampi.)

GĦAL ħafna snin, Kevin kien jilgħab il-flus, ipejjep, jixrob iżżejjed, u jieħu d-droga. [1] (Ara n-nota fl-aħħar.) Imbagħad tgħallem dwar Ġeħova u ried ikun il-ħabib tiegħu. Imma biex jagħmel hekk, kellu jagħmel bidliet kbar f’ħajtu. Hu setaʼ jinbidel permezz tal-għajnuna taʼ Ġeħova u l-qawwa tal-Kelma Tiegħu, il-Bibbja.—Ebrej 4:12.

2 Wara li Kevin tgħammed, xorta kien għad għandu fejn jirranġa fil-personalità tiegħu biex setaʼ jsir Kristjan aħjar. (Efesin 4:31, 32) Pereżempju, kienet taqbiżlu malajr. Kien sorpriż meta nduna kemm hu diffiċli biex jitgħallem jikkontrolla t-tempra. Fil-fatt, Kevin qal li kien iktar faċli biex jieqaf jagħmel l-affarijiet ħżiena li kien qed jagħmel qabel  tgħammed milli biex jitgħallem jikkontrolla t-tempra wara li tgħammed. Imma hu setaʼ jagħmel bidliet billi tkarrab maʼ Ġeħova biex jgħinu u billi studja sew il-Bibbja.

3 Bħal Kevin, qabel tgħammidna, ħafna minna kellhom jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom ħalli jkunu jistgħu jgħixu fi qbil maʼ kif tgħid il-Bibbja. Imma anki issa, aħna nirrealizzaw li hemm bidliet żgħar li hemm bżonn nagħmlu biex insiru iktar bħal Alla u Kristu. (Efesin 5:1, 2; 1 Pietru 2:21) Pereżempju, għandu mnejn nindunaw li ngergru ħafna jew li spiss inseksku u ngħidu affarijiet li jweġġgħu dwar ħaddieħor. Jew kultant għandu mnejn tant inkunu mbeżżgħin dwar x’jistgħu jaħsbu jew jgħidu oħrajn, li nispiċċaw nagħmlu dak li mhuwiex tajjeb. Forsi ilna nipprovaw ninbidlu għal ħafna snin imma xorta għadna nagħmlu l-istess żbalji. Allura forsi naħsbu: ‘Għala hu daqshekk diffiċli biex nagħmel dawn il-bidliet żgħar? X’għandi nagħmel biex napplika dak li tgħid il-Bibbja ħalli nkun nistaʼ nkompli ntejjeb il-personalità tiegħi?’

INT TISTAʼ TOGĦĠOB LIL ĠEĦOVA

4. Għala ma nistgħux nogħġbu lil Ġeħova f’kulma nagħmlu?

4 Aħna nħobbu lil Ġeħova u nixtiequ nogħġbuh b’qalbna kollha. Imma b’dispjaċir, ma nistgħux nogħġbuh il-ħin kollu minħabba li aħna imperfetti. Spiss inħossuna bħall-appostlu Pawlu, li qal: “Għandi abbiltà biex nixtieq, imma abbiltà biex nagħmel dak li hu tajjeb m’għandix.”Rumani 7:18; Ġakbu 3:2.

5. Liema bidliet għamilna qabel ma tgħammidna, imma liema dgħufijiet għandu mnejn għadna niġġieldu?

5 Qabel ma stajna nsiru parti mill-kongregazzjoni, kellna nieqfu nagħmlu affarijiet li jobgħod Ġeħova. (1 Korintin 6:9, 10) Imma aħna għadna imperfetti. (Kolossin 3:9, 10) Għaldaqstant, inkomplu niżbaljaw anki jekk ilna snin mgħammdin. Kultant, għandu mnejn ikollna xewqat u sentimenti ħżiena, jew għandu mnejn insibuha diffiċli biex nikkontrollaw dgħufija fil-personalità tagħna. Fil-fatt, għandu mnejn ikollna niġġieldu l-istess dgħufija għal ħafna snin.

6, 7. (a) X’jagħmilhielna possibbli biex inkunu l-ħbieb taʼ Ġeħova minkejja li aħna imperfetti? (b) Għala m’għandniex inżommu lura milli nitolbu lil Ġeħova biex jaħfrilna?

6 Għalkemm aħna imperfetti, xorta jistaʼ jkollna ħbiberija maʼ Ġeħova u nistgħu naqduh. Tinsiex kif sirt ħabib taʼ Ġeħova. Hu kien il-Wieħed li ra t-tajjeb fik u riedek issir tafu. (Ġwanni 6:44) Hu kien jaf ukoll li kellek nuqqasijiet u dgħufijiet u li kont se tiżbalja. Imma Ġeħova xorta riedek tkun il-ħabib tiegħu.

7 Ġeħova tant ħabbna li tana rigal prezzjuż. Hu bagħat lil Ibnu fuq l-art ħalli b’hekk Ġesù setaʼ jagħti ħajtu bħala fidwa għal dnubietna. (Ġwanni 3:16) Meta niżbaljaw, nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jaħfrilna. U minħabba l-fidwa, nistgħu nkunu ċerti li se jaħfrilna u li xorta nistgħu nkunu l-ħbieb tiegħu. (Rumani 7:24, 25; 1 Ġwanni 2:1, 2) Ftakar, Ġesù miet għal dawk li nidmu mid-dnub. Allura, anki jekk inħossuna li dak li għamilna hu ħażin ħafna, qatt m’għandna nieqfu nitolbu lil Ġeħova biex jaħfrilna.  Jekk ma nitolbuhx maħfra, ikun bħallikieku qed nirrifjutaw li naħslu jdejna meta jkunu maħmuġin. Kemm aħna grati li Ġeħova għamilhielna possibbli biex inkunu l-ħbieb tiegħu avolja aħna imperfetti!—Aqra l-1 Timotju 1:15.

Jekk irridu nersqu eqreb taʼ Ġeħova, għandna nibqgħu nipprovaw nimitaw lilu u lil Ibnu

8. Għala m’għandniex ninjoraw id-dgħufijiet tagħna?

8 Ovvjament, ma nistgħux ninjoraw id-dgħufijiet tagħna jew nibqgħu niġġustifikaw lilna nfusna. Ġeħova qalilna x’tip taʼ nies irid bħala l-ħbieb tiegħu. (Salm 15:1-5) Allura, jekk irridu nersqu eqreb tiegħu, għandna nibqgħu nipprovaw nimitaw lilu u lil Ibnu. Għandna nipprovaw ukoll nikkontrollaw ix-xewqat ħżiena tagħna, u għandu mnejn saħansitra nkunu nistgħu nwarrbu xi wħud minnhom. Ilna kemm ilna mgħammdin, għandna nibqgħu ntejbu l-personalità tagħna.—2 Korintin 13:11.

9. Kif nafu li nistgħu nkomplu ‘nilbsu l-personalità l-ġdida’?

9 L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani: “Għandkom tinżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel u li qed titħassar bix-xewqat qarriqin tagħha; u tiġġeddu fil-forza li qed tqanqal lil moħħkom, u tilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.” (Efesin 4:22-24) Il-kelma “tiġġeddu” bil-lingwa oriġinali tagħti x’tifhem li meta wieħed ‘jilbes il-personalità l-ġdida,’ dan ikun proċess kontinwu. Allura ilna kemm ilna naqdu lil Ġeħova, dejjem nistgħu nitgħallmu iktar dwar il-kwalitajiet tiegħu. U l-Bibbja tistaʼ tgħinna nibqgħu nagħmlu bidliet fil-personalità tagħna biex insiru nixbhuh iktar.

GĦALA HU DAQSHEKK DIFFIĊLI?

10. Xi rridu nagħmlu biex nibqgħu ninbidlu bl-għajnuna tal-Bibbja, u liema mistoqsijiet nistgħu nsaqsu?

10 Ilkoll irridu nimxu fuq dak li tgħid il-Bibbja. Imma hemm bżonn li naħdmu iebes jekk irridu nkomplu ninbidlu. Għala hemm bżonn li nagħmlu sforz bħal dan? Ma setax Ġeħova sempliċement jagħmilhielna faċli biex nagħmlu dak li hu sew?

11-13. Ġeħova għala jistenna li nagħmlu sforz biex negħlbu d-dgħufijiet tagħna?

11 Meta naħsbu dwar l-univers u dak kollu li hemm fih, ma jkollna l-ebda dubju li Ġeħova għandu l-qawwa li jagħmel kollox. Pereżempju, hu għamel ix-xemx, li għandha qawwa tremenda. Kull sekonda, ix-xemx tipproduċi ammont enormi taʼ dawl u sħana. Imma biex il-ħajja fuq l-art tibqaʼ teżisti hemm bżonn ammont żgħir biss t’enerġija. (Salm 74:16; Isaija 40:26) Ġeħova jagħti l-qawwa wkoll lill-qaddejja tiegħu fuq l-art meta jkollhom bżonnha. (Isaija 40:29) B’mod ċar, li kieku Ġeħova jrid, hu jistaʼ jagħmilhielna faċli ħafna biex niġġieldu d-dgħufijiet tagħna u biex inwarrbu x-xewqat ħżiena. Allura għax ma jagħmilx dan mill-ewwel?

12 Ġeħova tana l-libertà tal-għażla. Hu  jħallina nagħżlu għalina nfusna jekk nobduhx jew le. Meta nagħżlu li nobduh u naħdmu iebes biex nagħmlu r-rieda tiegħu, inkunu qed nuru li nħobbuh u li rridu nogħġbuh. Satana jgħid li Ġeħova m’għandux id-dritt li jmexxi. Imma meta nobdu lil Ġeħova, inkunu qed nuru li rridu lilu jkun il-Mexxej tagħna. U nistgħu nkunu ċerti li l-Missier kollu mħabba tagħna japprezza kull sforz li nagħmlu biex nobduh. (Ġob 2:3-5; Proverbji 27:11) Meta naħdmu iebes biex nikkontrollaw id-dgħufijiet tagħna, għalkemm ma jkunx faċli li nagħmlu dan, inkunu qed nuru l-lealtà tagħna lejn Ġeħova u nkunu qed nuru li rridu lilu biex ikun il-Mexxej tagħna.

13 Ġeħova jgħidilna li għandna naħdmu iebes biex nimitaw il-kwalitajiet tiegħu. (Kolossin 3:12; aqra t-2 Pietru 1:5-7.) Barra minn hekk, hu jistenna minna li nagħmlu l-almu tagħna biex nikkontrollaw dak li naħsbu u nħossu. (Rumani 8:5; 12:9) Kull meta nistinkaw biex nagħmlu bidla u jkollna suċċess, inħossuna se ntiru bil-ferħ.

ĦALLI L-KELMA T’ALLA TKOMPLI TBIDDLEK

14, 15. X’nistgħu nagħmlu biex nikkultivaw kwalitajiet li jogħġbu ’l Alla? (Ara l-kaxxa “ Il-Bibbja u t-talb biddlulhom ħajjithom.”)

14 X’għandna nagħmlu biex niżviluppaw il-kwalitajiet li jħobb Ġeħova? Minflok ma sempliċement niddeċiedu għalina nfusna dak li għandna bżonn inbiddlu, hemm bżonn inħallu lil Alla jiggwidana. Rumani 12:2 jgħid: “Tibqgħux magħġunin skond din is-sistema, imma nbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu  prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” Allura biex insiru nafu dak li jrid Ġeħova, għandna bżonn nistrieħu fuq l-għajnuna li pprovda. Għandna naqraw il-Bibbja kuljum, nimmeditaw fuq dak li naqraw, u nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu. (Luqa 11:13; Galatin 5:22, 23) B’dawn il-modi, Ġeħova jistaʼ jgħinna nifhmu x’jogħġbu, u nistgħu nitgħallmu naħsbu bħalu. B’hekk, dak li naħsbu, ngħidu, u nagħmlu se jogħġob iktar lil Ġeħova, u aħna se nitgħallmu kif nikkontrollaw id-dgħufijiet tagħna. Imma anki wara li jirnexxilna nagħmlu dan, ikollna bżonn nibqgħu niġġildulhom.—Proverbji 4:23.

Agħmel lista jew żomm fajl taʼ artikli mill-pubblikazzjonijiet tagħna jew taʼ skritturi mill-Bibbja li jgħinuk tiġġieled id-dgħufijiet, u erġaʼ aqrahom minn żmien għal żmien (Ara paragrafu 15)

15 Apparti li naqraw il-Bibbja kuljum, għandna bżonn nistudjawha bl-għajnuna tal-pubblikazzjonijiet tagħna, bħat-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! Ħafna artikli f’dawn ir-rivisti jgħallmuna kif nistgħu nimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova u kif nistgħu niġġieldu d-dgħufijiet tagħna. Għandu mnejn insibu xi artikli jew skritturi li huma t’għajnuna b’mod partikulari għalina. Aħna nistgħu nagħmlu lista taʼ skritturi u artikli bħal dawn ħalli nkunu nistgħu nerġgħu naqrawhom minn żmien għal żmien.

16. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna jekk ma jirnexxilniex nagħmlu bidliet malajr?

16 Jieħu ż-żmien biex titgħallem timita l-kwalitajiet taʼ Ġeħova. Allura,  kun paċenzjuż jekk tħossok li ma tantx għamilt bidliet daqs kemm tixtieq. Għall-ewwel, għandu mnejn tkun trid tisforza lilek innifsek biex tagħmel dak li tgħid il-Bibbja. Imma iktar ma taħseb u ġġib ruħek bil-mod li jridek Ġeħova, iktar se jkun faċli għalik biex taħseb bħalu u biex tagħmel dak li hu ġust.—Salm 37:31; Proverbji 23:12; Galatin 5:16, 17.

AĦSEB DWAR IL-FUTUR MERAVILJUŻ TAGĦNA

17. Jekk aħna leali lejn Ġeħova, għal liema futur pjaċevoli nistgħu nħarsu ’l quddiem?

17 Aħna nħarsu ’l quddiem għaż-żmien meta aħna nkunu perfetti u naqdu lil Ġeħova għal dejjem. F’dak iż-żmien ma jkollniex bżonn niġġieldu kontra d-dgħufijiet tagħna, u se jkun ħafna eħfef għalina biex nimitaw lil Ġeħova. Imma anki issa nistgħu nqimu lil Ġeħova għax tana r-rigal tal-fidwa. Għalkemm aħna imperfetti, nistgħu nogħġbuh jekk inkomplu naħdmu iebes biex nagħmlu l-bidliet u nsegwu dak li għallimna mill-Bibbja.

18, 19. Kif nistgħu nkunu ċerti li l-Bibbja għandha qawwa li tkompli tbiddlilna ħajjitna?

18 Kevin għamel kulma setaʼ biex jitgħallem jikkontrolla r-rabja tiegħu. Hu mmedita fuq dak li qara fil-Bibbja u stinka ħafna biex jagħmel bidliet f’ħajtu. Hu segwa wkoll il-parir li l-Kristjani sħabu tawh. Għalkemm kellhom jgħaddu ftit tas-snin biex Kevin jimxi ’l quddiem, maż-żmien setaʼ jaqdi bħala qaddej ministerjali. U ilu dawn l-aħħar 20 sena jaqdi bħala anzjan. Imma anki issa, hu jaf li għandu bżonn ikompli jiġġieled id-dgħufijiet tiegħu.

19 Bħal Kevin, nistgħu nkomplu ntejbu l-personalità tagħna. Jekk nagħmlu hekk, inkomplu nersqu eqreb taʼ Ġeħova. (Salm 25:14) U meta nagħmlu kulma nistgħu biex nagħmlu l-bidliet ħalli nogħġbu lilu, hu se jgħinna nirnexxu. Nistgħu nkunu ċerti li bl-għajnuna tal-Bibbja, nistgħu nkomplu nagħmlu bidliet f’ħajjitna.—Salm 34:8.

^ [1] (paragrafu 1) L-isem ġie mibdul.