“Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi.”—​SALM 40:8.

GĦANJIET: 5158

1, 2. (a) Spjega għala l-​magħmudija hi pass serju. (b) Persuna minn xiex għandha tkun ċerta qabel ma titgħammed?

INT għadek żgħir u tixtieq titgħammed? Jekk iva, dan hu l-​akbar unur li qatt jistaʼ jkollok. Kif semmejna fl-​aħħar artiklu, il-​magħmudija hi deċiżjoni serja. Din turi lil oħrajn li int iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova, jiġifieri, wegħedtu li se taqdih għal dejjem u li l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtek hi li tagħmel ir-​rieda tiegħu. Peress li din hi wegħda serja ħafna għal Alla, għandek titgħammed biss meta int tkun matur biżżejjed, meta jkollok xewqa persunali li tagħmel dan, u meta tifhem xi tfisser li tkun iddedikat lil Alla.

2 Però, forsi tħoss li m’intix lest għall-​magħmudija. Jew forsi tħoss li int lest imma l-​ġenituri tiegħek jaħsbu li għandek tistenna sakemm tikber u jkollok iktar esperjenza fil-​ħajja. X’għandek tagħmel? Taqtax qalbek. Minflok,  uża dan iż-​żmien biex tagħmel progress ħalli ma ddumx ma tikkwalifika biex titgħammed. B’dan f’moħħok, tistaʼ tagħmel miri dwar: (1) it-​twemmin, jew il-​konvinzjonijiet tiegħek, (2) l-​azzjonijiet tiegħek, u (3) il-​gratitudni tiegħek.

IT-​TWEMMIN TIEGĦEK

3, 4. Dawk li għadhom żgħar x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju taʼ Timotju?

3 Aħseb dwar kif kieku twieġeb dawn il-​mistoqsijiet: Għala nemmen li Alla jeżisti? Għala jien ċert li l-​Bibbja ġejja mingħand Alla? Għala nobdi l-​kmandi t’Alla minflok ma nimita l-​livelli morali tad-​dinja? Dawn il-​mistoqsijiet jistgħu jgħinuk issegwi l-​parir tal-​appostlu Pawlu: ‘Agħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.’ (Rumani 12:2) Għala għandek tagħmel dan?

Timotju aċċetta l-​verità għax irraġuna fuq dak li kien tgħallem u ħassu persważ minnu

4 L-​eżempju taʼ Timotju jistaʼ jgħinek. Hu kien midħla sew tal-​Iskrittura għax ommu u nanntu kienu għallmuh mill-​Iskrittura. Però, Pawlu qal lil Timotju: “Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu.” (2 Timotju 3:14, 15) Timotju kellu jkun konvint li l-​verità setgħet tinstab fl-​Iskrittura. Hu aċċettaha, mhux għax qalulu ommu u nanntu, imma għax irraġuna fuq dak li tgħallem u ħassu persważ minnu.—Aqra Rumani 12:1.

5, 6. Għala hu importanti għalik li titgħallem tuża “l-​qawwa tar-​raġuni” kmieni fil-​ħajja?

5 Xi ngħidu għalik? Forsi ilek żmien twil taf il-​verità. Jekk iva, agħmilha l-​mira tiegħek li taħseb dwar ir-​raġunijiet għala temmen dak li temmen. Dan se jgħinek issaħħaħ il-​fidi tiegħek u tevita li tieħu deċiżjonijiet żbaljati minħabba l-​pressjoni minn dawk tamparek, il-​mentalità tad-​dinja, jew saħansitra s-​sentimenti tiegħek stess.

6 Jekk titgħallem tuża “l-​qawwa tar-​raġuni” tiegħek waqt li għadek żgħir, se tkun kapaċi twieġeb mistoqsijiet li jqajmu dawk tamparek bħal: ‘Kif taf fiċ-​ċert li hemm Alla? Jekk Alla jħobbna, għala jħalli affarijiet ħżiena jseħħu? Kif inhu possibbli li Alla minn dejjem eżista?ʼ Meta tkun ippreparat, mistoqsijiet bħal dawn mhux se joħolqu dubji f’moħħok imma se jimmotivawk tistudja l-​Bibbja iktar.

7-9. Iddeskrivi kif is-​serje onlajn taʼ gwidi għall-​istudju, “Il-​Bibbja X’Tgħallem?,” tistaʼ tgħinek issaħħaħ il-​konvinzjoni tiegħek.

7 Studju persunali bir-​reqqa jistaʼ jgħinek twieġeb mistoqsijiet, tneħħi d-​dubji, u ssaħħaħ it-​twemmin tiegħek. (Atti 17:11) Għandna diversi pubblikazzjonijiet li jistgħu jgħinuk tagħmel dan. Ħafna sabuha t’għajnuna li jikkunsidraw il-​pubblikazzjonijiet tagħna li jispjegaw dwar il-​Ħallieq Grandjuż tagħna u l-​ħolqien tiegħu. Ukoll, ħafna żgħażagħ ħadu  pjaċir u bbenefikaw mis-​serje “Il-​Bibbja X’Tgħallem?” li hemm fuq jw.org/mt. Tistaʼ ssibha billi tikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA u mbagħad fuq ŻGĦAŻAGĦ. Kull gwida għall-​istudju f’din is-​serje ġiet imħejjija biex tgħinek issaħħaħ it-​twemmin tiegħek dwar suġġett Bibliku.

8 Int student tal-​Bibbja, u allura għandek mnejn diġà taf it-​tweġibiet taʼ ftit mill-​mistoqsijiet li hemm fil-​gwidi għall-​istudju. Imma ċert jew konvint int mit-​tweġibiet tiegħek? Il-​gwidi għall-​istudju se jgħinuk taħseb bis-​serjetà dwar diversi skritturi u mbagħad se jinkuraġġuk tikteb ir-​raġunijiet għala temmen hekk. Dan se jgħinek tkun taf kif tispjega t-​twemmin tiegħek lil ħaddieħor. Jekk għandek aċċess għas-​serje “Il-​Bibbja X’Tgħallem?” onlajn tistaʼ tużaha fl-​istudju persunali tiegħek biex tgħinek issaħħaħ it-​twemmin tiegħek.

9 Trid tagħti prova lilek innifsek li din hi l-​verità. Dan se jgħin biex jippreparak għall-​magħmudija. Oħt żagħżugħa qalet: “Qabel ma ddeċidejt li nitgħammed, studjajt il-​Bibbja u rajt li din hi l-​vera reliġjon. U maʼ kull ġurnata li tgħaddi, il-​konvinzjoni tiegħi tkompli tissaħħaħ.”

L-​AZZJONIJIET TIEGĦEK

10. Għala hu raġunevoli li tistenna li Kristjan mgħammed ikollu azzjonijiet li huma fi qbil mal-​fidi tiegħu?

10 Il-​Bibbja tgħid: “Il-​fidi, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta fiha nfisha.” (Ġakbu 2:17) Jekk għandek twemmin sod, se turi dan bl-​azzjonijiet tiegħek. Dawn l-​azzjonijiet, il-​Bibbja ssejħilhom “atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.”—Aqra t-​2 Pietru 3:11.

11. Spjega l-​espressjoni “atti taʼ kondotta qaddisa.”

11 X’inhuma “atti taʼ kondotta qaddisa”?  Jekk l-​azzjonijiet tiegħek huma qaddisa, int nadif moralment. Pereżempju, aħseb dwar l-​aħħar sitt xhur. Meta ġejt imħajjar tagħmel xi ħaġa ħażina, ħsibt bis-​serjetà dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin? (Ebrej 5:14) Tiftakar drabi speċifiċi meta ma ċedejtx għat-​tentazzjoni jew għall-​pressjoni minn dawk tamparek? Fl-​iskola, int tkun taʼ eżempju tajjeb għal ħaddieħor? Tibqaʼ leali int lejn Ġeħova, jew tipprova tkun bħal sħabek tal-​klassi ħalli ma jaqbdux miegħek? (1 Pietru 4:3, 4) Ovvjament, ħadd mhu perfett. Kultant, anki dawk li qdew lil Ġeħova għal ħafna snin forsi jħossuhom jistħu u jsibuha bi tqila biex jagħtu xhieda lil oħrajn. Imma xi ħadd li hu ddedikat lil Alla se jkun kburi li hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u juri dan bil-​kondotta nadifa tiegħu.

12. X’inhuma xi “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla,” u kif għandek tħares lejhom?

12 X’inhuma “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla”? Dawn jinkludu l-​attivitajiet tiegħek fil-​kongregazzjoni, bħal pereżempju li tmur il-​laqgħat u tipprietka. Imma jinkludu wkoll l-​attivitajiet li ħaddieħor ma jarax, bħat-​talb privat tiegħek lil Ġeħova u l-​istudju persunali. Xi ħadd li ddedika ħajtu lil Ġeħova mhux se jħares lejn dawn l-​attivitajiet bħala tagħbija. Se jħossu simili għal kif ħassu s-​Sultan David, li qal: “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi, u l-​liġi tiegħek qiegħda fil-​ġewwieni tiegħi.”—Salm 40:8.

Kemm hu speċifiku t-​talb tiegħek, u x’jikxef dwar l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova?

13, 14. Liema provvediment għenek twettaq “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla,” u xi wħud kif ibbenefikaw minn dan il-​provvediment?

13 Sabiex jgħinek tagħmel xi miri, għandna eżerċizzju f’paġni 308 u 309 tal-​ktieb bl-​Ingliż Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2. F’dan l-​eżerċizzju tistaʼ tikteb it-​tweġibiet tiegħek għal mistoqsijiet bħal: “Kemm hu speċifiku t-​talb tiegħek, u x’jikxef dwar l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova?” “X’tinkludi fl-​istudju persunali tiegħek?” “Toħroġ fil-​ministeru anki jekk il-​ġenituri tiegħek ma joħorġux?” Ukoll, l-​eżerċizzju għandu spazju biex tikteb xi miri li tixtieq tagħmel għalik innifsek fejn jidħol it-​talb, l-​istudju persunali, u l-​ippritkar.

14 Ħafna żgħażagħ li jaħsbu dwar li jitgħammdu raw li dan l-​eżerċizzju hu għodda taʼ valur. Oħt li għadha żgħira u li jisimha Tilda qalet: “Użajt l-​eżerċizzju biex nagħmel miri. Ilħaqt dawn il-​miri waħda wara l-​oħra, u madwar sena wara kont lesta biex nitgħammed.” Ħu żagħżugħ li jismu Patrick kellu suċċess simili. Hu qal: “Diġà kont naf x’inhuma l-​miri tiegħi, imma l-​fatt li niżżilthom bil-​miktub ġegħelni naħdem iktar iebes biex nilħaqhom.”

Kieku tibqaʼ taqdi lil Ġeħova anki jekk il-ġenituri tiegħek jieqfu milli jagħmlu dan? (Ara paragrafu 15)

15. Spjega għala d-​dedikazzjoni għandha tkun deċiżjoni persunali.

 15 Waħda mill-​mistoqsijiet li hemm fl-​eżerċizzju hi: Kieku tibqaʼ taqdi lil Ġeħova anki jekk jieqfu l-​ġenituri tiegħek u sħabek? Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova u mbagħad titgħammed, int se jkollok relazzjoni persunali miegħu. Allura, dak li tagħmel għal Ġeħova m’għandux jiddependi mill-​ġenituri tiegħek jew minn ħadd ieħor. L-​atti qaddisa tal-​kondotta tiegħek u l-​għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla juru li int konvint li għandek il-​verità u li trid issegwi l-​livelli t’Alla. Ma ddumx ma tikkwalifika biex titgħammed jekk tagħmel dan.

IL-​GRATITUDNI TIEGĦEK

16, 17. (a) X’għandu jqanqal lil individwu jsir Kristjan? (b) L-​apprezzament għall-​fidwa kif jistaʼ jiġi spjegat?

16 Ġurnata minnhom, raġel li kien midħla sew tal-​Liġi Mosajka saqsa lil Ġesù: “Liema hu l-​akbar kmandament?” Ġesù wieġbu: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.”  (Mattew 22:35-​37) Ġesù spjega li l-​imħabba għal Ġeħova għandha tkun ir-​raġuni għala xi ħadd jitgħammed u jsir Kristjan. Wieħed mill-​aħjar modi kif issaħħaħ l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova hu billi taħseb bis-​serjetà dwar il-​fidwa, l-​akbar għotja li Alla ta lill-​bnedmin. (Aqra t-​2 Korintin 5:14, 15; 1 Ġwanni 4:9, 19.) Meta tagħmel dan se tkun trid turi l-​gratitudni tiegħek għal din l-​għotja mill-​isbaħ.

17 Il-​gratitudni tiegħek għall-​fidwa tistaʼ tiġi spjegata b’dan il-​mod: Immaġina li qed tegħreq u xi ħadd isalvak. Kieku int sempliċement tmur id-​dar, tixxotta lilek innifsek, u tinsa x’għamel dak l-​individwu għalik? Żgur li le! Int dejjem se tħossok grat lejn l-​individwu li salvalek ħajtek! B’mod simili, għandna nkunu grati ferm lejn Ġeħova u Ġesù għall-​fidwa. Ħajjitna nafuha lilhom! Huma ħelsuna mid-​dnub u l-​mewt. Minħabba l-​imħabba li għandhom għalina, aħna issa għandna t-​tama li ngħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art!

18, 19. (a) Għala m’għandekx tibżaʼ li tkun taʼ Ġeħova? (b) Il-​fatt li taqdi lil Ġeħova kif jagħmillek ħajtek aħjar?

18 Grat int għal dak li għamel għalik Ġeħova? Jekk iva, mela d-​dedikazzjoni u l-​magħmudija huma l-​aqwa passi li għandek tieħu. Id-​dedikazzjoni tiegħek hi wegħda lil Alla li se tagħmel ir-​rieda tiegħu għal dejjem. Għandek tibżaʼ tagħmel wegħda bħal din? Le! Ġeħova jrid dak li hu l-​aħjar għalik, u se jippremja lil dawk li jagħmlu r-​rieda tiegħu. (Ebrej 11:6) Meta tiddedika ħajtek lil Alla u titgħammed, ħajtek mhux se tmur għall-​agħar, anzi se tmur għall-​aħjar! Ħu taʼ 24 sena li tgħammed qabel ma għalaq 13-​il sena jgħid: “Forsi veru li kien ikolli fehma iktar profonda li kieku kont akbar, imma d-​deċiżjoni li ħadt biex niddedika lili nnifsi lil Ġeħova pproteġietni milli niġri wara l-​affarijiet tad-​dinja.”

Satana hu egoist u jiġi jaqaʼ u jqum minnek

19 Ġeħova jrid l-​aħjar għalik. Però, Satana hu egoist u jiġi jaqaʼ u jqum minnek. Ma jistaʼ jagħtik xejn tajjeb jekk timxi warajh. Kif jistaʼ jagħtik xi ħaġa li m’għandux? M’għandux aħbar tajba, u m’għandux tama, xejn affattu. Jistaʼ biss jagħtik futur ħażin, għax dak hu l-​futur li se jkollu hu!—Rivelazzjoni 20:10.

20. Żagħżugħ jew żagħżugħa x’tistaʼ tagħmel biex tagħmel progress lejn li tiddedika ruħha lil Ġeħova u titgħammed? (Ara wkoll il-​kaxxa “Sabiex jgħinek tagħmel progress.”)

20 Li tiddedika ħajtek lil Ġeħova hi l-​aħjar deċiżjoni li qatt tistaʼ tieħu. Lest biex tiħodha din id-​deċiżjoni? Jekk iva, toqgħodx tibżaʼ tagħmel din il-​wegħda. Imma jekk tħoss li għadek m’intix lest, uża s-​suġġerimenti f’dan l-​artiklu biex tkompli tagħmel progress. Pawlu qal lill-​aħwa f’Filippi biex ikomplu jagħmlu progress. (Filippin 3:16) Jekk timxi fuq dan il-​parir, dalwaqt se tkun trid tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed.