Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 4

Ikla sempliċi tgħallimna ħafna dwar Sultan tas-sema

Ikla sempliċi tgħallimna ħafna dwar Sultan tas-sema

“Dan . . . jirrappreżenta ġismi. . . . Dan jirrappreżenta d-​‘demm tiegħi tal-​patt.’”—MT. 26:26-28.

GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-​Midluk

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Għala nistgħu nistennew li Ġesù kien se jurina mod sempliċi kif nikkommemoraw mewtu? (b) Liema kwalitajiet taʼ Ġesù se nikkunsidraw?

TISTAʼ tiddeskrivi x’jiġri fit-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu, li ssir kull sena? Bla dubju, il-​biċċa l-​kbira minna jistgħu jiftakru x’jiġri waqt l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej. Għala? Għax l-​ikla mhix ikkumplikata. Madankollu, din hi ġrajja importanti. Allura forsi nistaqsu, ‘L-​arranġament għala hu daqshekk sempliċi?’

2 Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, Ġesù kien magħruf għal li jgħallem veritajiet importanti b’mod sempliċi, ċar, u faċli li jinftiehem. (Mt. 7:28, 29) L-​istess nistgħu ngħidu għal meta wriena mod sempliċi imma siewi kif nikkommemoraw * mewtu. Ejja nikkunsidraw bir-​reqqa din l-​ikla tat-​Tifkira u xi affarijiet li Ġesù qal u għamel. Aħna se nifhmu saħansitra iktar kemm Ġesù hu umli, kuraġġuż, u kemm iħobbna. U se nitgħallmu kif nistgħu nimitawh aħjar.

ĠESÙ HU UMLI

L-emblemi tat-Tifkira, il-ħobż u l-inbid, ifakkruna li Ġesù ta ħajtu għalina u li issa hu s-Sultan tagħna li qed imexxi fis-sema (Ara paragrafi 3-5)

3. Bħalma hu mniżżel f’​Mattew 26:26-28, kemm kienet sempliċi l-​ikla tat-​Tifkira li Ġesù stabbilixxa, u xi rrappreżentaw iż-​żewġ affarijiet sempliċi li uża?

3 Ġesù stabbilixxa t-​Tifkira taʼ mewtu meta kien mal-​ħdax-​il appostlu leali tiegħu. Hu ħa dak li kien għad fadal mill-​ikla tal-​Qbiż u għamel din il-​kommemorazzjoni sempliċi. (Aqra Mattew 26:26-28.) Hu uża biss il-​ħobż bla  ħmira u l-​inbid li kien hemm diġà. Ġesù qal lill-​appostli tiegħu li dawn iż-​żewġ affarijiet sempliċi rrappreżentaw il-​ġisem u d-​demm perfett tiegħu, li daqt kien se jissagrifika għalihom. L-​appostli għandu mnejn ma kinux sorpriżi b’kemm kienet sempliċi din l-​ikla importanti ġdida. Għala?

4. Il-​parir li Ġesù ta lil Marta xhur qabel l-​ikla tat-​Tifkira kif jgħinna nifhmu għala għamel din l-​ikla sempliċi?

4 Ikkunsidra x’ġara xhur qabel, matul it-​tielet sena tal-​ministeru taʼ Ġesù, meta hu mar id-​dar tal-​ħbieb tal-​qalb tiegħu—Lazzru, Marta, u Marija. F’dak l-​ambjent rilassat, Ġesù beda jgħallem. Marta hemm kienet, imma kienet aljenata tipprepara ikla kbira għal dan il-​mistieden importanti tagħha. Meta ra dan, Ġesù b’qalb tajba kkoreġa lil Marta, billi għenha tara li ma kienx hemm għalfejn dejjem tagħmel ikla elaborata. (Lq. 10:40-42) Iktar tard, ftit sigħat biss qabel il-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, Ġesù applika l-​parir tiegħu stess. Hu għamel l-​ikla tat-​Tifkira sempliċi. Dan x’jgħidilna dwar Ġesù?

5. Il-​fatt li l-​ikla hi sempliċi x’juri dwar Ġesù, u dan kif inhu fi qbil maʼ Filippin 2:5-8?

5 Ġesù kien umli f’kull ħaġa li qal u għamel. Allura mhux taʼ sorpriża li wera umiltà kbira fl-​aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-​art. (Mt. 11:29) Hu kien jaf li dalwaqt kien se joffri l-​ikbar sagrifiċċju fl-​istorja tal-​umanità u li Ġeħova kien se jirxoxtah bħala sultan fis-​sema. Għalkemm kien jaf dan, hu ma ġibidx lejh attenzjoni żejda billi jitlob li ssir ċerimonja kkomplikata biex jiftakru mewtu. Minflok, hu qal lid-​dixxipli tiegħu li darba f’sena kellhom jiftakruh permezz taʼ din l-​ikla sempliċi. (Ġw. 13:15; 1 Kor. 11:23-25) Din l-​ikla sempliċi imma xierqa turi li Ġesù ma kienx kburi. Aħna nistgħu nkunu ferħanin li l-​umiltà hi waħda mill-​kwalitajiet li jispikkaw tas-​Sultan tagħna tas-​sema.—Aqra Filippin 2:5-8.

6. Aħna kif nistgħu nimitaw l-​umiltà taʼ Ġesù meta niffaċċjaw il-​provi?

6 Aħna kif nistgħu nimitaw l-​umiltà taʼ Ġesù? Billi npoġġu l-​interessi t’oħrajn qabel tagħna. (Flp. 2:3, 4) Aħseb naqra lura fl-​aħħar lejl tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art. Ġesù kien jaf li dalwaqt kien se jgħaddi minn mewta taʼ wġigħ; madankollu, hu kien ikkonċernat ħafna dwar l-​appostli leali tiegħu, li dalwaqt kienu se jitnikktu minħabba fih.  Allura, qattaʼ l-​aħħar lejl jgħallimhom, jinkuraġġihom, u jassigurahom. (Ġw. 14:25-31) B’umiltà, Ġesù wera li kien iktar ikkonċernat dwar il-​bżonnijiet t’oħrajn milli tiegħu. X’eżempju eċċellenti ħallielna!

ĠESÙ HU KURAĠĠUŻ

7. Ġesù kif wera kuraġġ kbir eżatt wara li stabbilixxa l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej?

7 Eżatt wara li stabbilixxa l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, Ġesù wera kuraġġ kbir. Kif? Ġesù aċċetta r-​rieda taʼ Missieru għalih, avolja kien jaf li dan kien se jfisser li jkun maqtul bħala midgħi, att kriminali taʼ mistħija. (Mt. 26:65, 66; Lq. 22:41, 42) Ġesù żamm integrità perfetta sabiex jonora isem Ġeħova, jappoġġja s-​Sovranità t’Alla, u jagħmilha possibbli għal dawk niedma biex jgħixu għal dejjem. Fl-​istess ħin, Ġesù pprepara lis-​segwaċi tiegħu għal dak li kienu se jiffaċċjaw dalwaqt.

8. (a) Ġesù x’qalilhom lill-​appostli leali tiegħu? (b) Fis-​snin taʼ wara mewtu, id-​dixxipli taʼ Ġesù kif kienu għadhom qed jimitaw l-​eżempju taʼ kuraġġ tiegħu?

8 Ġesù wera kuraġġ ukoll billi ma ħasibx dwar l-​ansjetajiet li setaʼ kellu u billi ffoka fuq il-​bżonnijiet tal-​appostli leali tiegħu. L-​ikla sempliċi, li hu stabbilixxa wara li keċċa lil Ġuda, kienet se tfakkar lil dawk li kienu se jsiru s-​segwaċi midlukin tiegħu fil-​benefiċċji tad-​demm imxerred taʼ Ġesù u li kienu se jkunu parti mill-​patt il-​ġdid. (1 Kor. 10:16, 17) Biex jgħinhom jibqgħu leali u jkunu miegħu fis-​sema, Ġesù qalilhom dak li hu u Missieru riduhom jagħmlu. (Ġw. 15:12-15) Ġesù qalilhom ukoll dwar il-​provi li kienu se jiffaċċjaw. Imbagħad, billi inkuraġġiehom jimitaw l-​eżempju tiegħu, ħeġġiġhom:  “Agħmlu kuraġġ!” (Ġw. 16:1-4a, 33) Ħafna snin wara, id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu għadhom qed jagħmlu sagrifiċċji persunali bħalu u juru kuraġġ. Huma appoġġjaw lil xulxin fil-​provi tagħhom, avolja dan kien ifisser li kellhom ibatu.—Ebr. 10:33, 34.

9. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li nuru kuraġġ?

9 Bl-​istess mod illum, aħna nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù f’li nuru kuraġġ. Pereżempju, irridu l-​kuraġġ biex ngħinu lil ħutna li huma ppersegwitati minħabba l-​fidi tagħhom. Xi drabi, ħutna jistgħu jintbagħtu l-​ħabs inġustament. Meta dan jiġri, aħna rridu nagħmlu kulma nistgħu għalihom, inkluż li niddefenduhom. (Flp. 1:14; Ebr. 13:19) Mod ieħor kif nuru kuraġġ hu billi nkomplu nippritkaw “bil-​qlubija.” (Atti 14:3) Bħal Ġesù, aħna determinati li nippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna, avolja n-​nies jistgħu jopponuna u jippersegwitawna. Iżda xi drabi, nistgħu nindunaw li aħna neqsin mill-​kuraġġ. X’nistgħu nagħmlu?

10. Fil-​ġimgħat taʼ qabel it-​Tifkira x’għandna nagħmlu, u għala?

10 Aħna nistgħu nsaħħu l-​kuraġġ tagħna billi naħsbu fit-​tama li jagħmlilna possibbli s-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. (Ġw. 3:16; Efes. 1:7) Fil-​ġimgħat taʼ qabel it-​Tifkira, aħna għandna opportunità speċjali biex insiru iktar grati għall-​fidwa. Matul daż-​żmien, agħmel il-​qari tal-​Bibbja tat-​Tifkira u b’rispett kbir aħseb dwar il-​ġrajjiet li seħħew qabel u wara l-​mewt taʼ Ġesù. Imbagħad, meta niltaqgħu għall-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, se nifhmu iktar bis-​sħiħ it-​tifsira tal-​emblemi tat-​Tifkira u s-​sagrifiċċju uniku li dawn jirrappreżentaw. Meta  nifhmu dak li Ġesù u Ġeħova għamlu għalina u kif dan hu taʼ benefiċċju għalina u għall-​maħbubin tagħna, it-​tama tagħna għall-​futur tissaħħaħ iktar, u nkunu mmotivati nissaportu b’kuraġġ sat-​tmiem.—Ebr. 12:3.

11-12. X’tgħallimna s’issa?

11 S’issa tgħallimna li l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej tfakkarna mhux biss dwar il-​fidwa prezzjuża imma wkoll dwar il-​kwalitajiet li jispikkaw t’umiltà u kuraġġ taʼ Ġesù. Kemm għandna napprezzaw li Ġesù jkompli juri dawn il-​kwalitajiet bħala l-​Qassis il-​Kbir tagħna fis-​sema, li jitlob bil-​ħniena għalina sabiex inkunu nistgħu nsalvaw! (Ebr. 7:24, 25) Biex nuru kemm napprezzaw, għandna lealment nikkommemoraw il-​mewt taʼ Ġesù, eżatt bħalma kkmandana hu. (Lq. 22:19, 20) Aħna nagħmlu dan fil-​ġurnata li taqbel mal-​14 taʼ Nisan, l-​iktar data importanti tas-​sena.

12 Il-​fatt li l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej hi sempliċi jgħallimna dwar kwalità oħra li mmotivat lil Ġesù jmut għalina. Bħala bniedem fuq l-​art, hu kien magħruf għal din il-​kwalità. X’kienet?

ĠESÙ JĦOBBNA

13. Ġwanni 15:9 u l-​1 Ġwanni 4:8-10 kif jiddeskrivu l-​imħabba li wrew Ġeħova u Ġesù, u min jibbenefika mill-​imħabba tagħhom?

13 F’kulma għamel, Ġesù rrifletta perfettament l-​imħabba kbira li Ġeħova għandu għalina. (Aqra Ġwanni 15:9; 1 Ġwanni 4:8-10.) L-​iktar importanti, Ġesù kien immotivat mill-​qalb biex jagħti ħajtu għalina. Kemm jekk aħna mill-​midlukin jew min-​“nagħaġ oħrajn,” aħna nibbenefikaw mill-​imħabba li Ġeħova u Ibnu wrew magħna permezz taʼ dan is-​sagrifiċċju. (Ġw. 10:16; 1 Ġw. 2:2) Aħseb ukoll dwar dak li ntuża fl-​ikla tat-​Tifkira; dan juri kemm Ġesù kien iħobb lid-​dixxipli tiegħu u jaħseb fihom. Kif?

Bi mħabba, Ġesù stabbilixxa t-Tifkira li kienet sempliċi biżżejjed biex tiġi osservata tul mijiet taʼ snin u f’ċirkustanzi differenti (Ara paragrafi 14-16) *

14. Ġesù b’liema mod wera mħabba għad-​dixxipli tiegħu?

14 Ġesù wera mħabba għas-​segwaċi midlukin tiegħu billi stabbilixxa ikla sempliċi x’josservaw, u mhux waħda kkomplikata. Hekk kif għadda ż-​żmien, dawk id-​dixxipli midlukin kellhom bżonn josservaw it-​Tifkira kull sena, u dan għamluh f’ċirkustanzi differenti, inkluż fil-​ħabs. (Riv. 2:10) Irnexxielhom jobduh lil Ġesù? Iva, irnexxielhom!

15-16. Xi wħud kif setgħu josservaw l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej f’ċirkustanzi diffiċli?

15 Mill-​ewwel seklu sal-​lum, il-​Kristjani veri għamlu sforz biex jikkommemoraw il-​mewt taʼ Ġesù. Huma segwew il-​proċedura għall-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej bl-​aħjar mod li setgħu, kultant f’kundizzjonijiet diffiċli. Innota l-​eżempji li ġejjin. Meta Ħuna Harold King kien f’ċella waħdu f’ħabs fiċ-​Ċina, kellu joħroġ b’idea biex jikkommemora t-​Tifkira. Hu pprepara l-​emblemi tat-​Tifkira bil-​moħbi, billi uża l-​affarijiet li kellu. Ukoll, qagħad attent kemm setaʼ biex jikkalkula d-​data għat-​Tifkira. Meta waslet il-​ġurnata hu kanta, talab, u ta taħdita Skritturali waħdu bejn l-​erbaʼ ħitan taċ-​ċella.

16 Eżempju ieħor hu taʼ grupp t’aħwa nisa li kienu priġunieri f’kamp tal-​konċentrament matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Huma ssograw ħajjithom biex jikkommemoraw l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej. Madankollu, peress li l-​affarijiet li ntużaw f’din l-​okkażjoni kienu daqshekk sempliċi, dawn ħutna setgħu josservaw it-​Tifkira mingħajr ma jinqabdu. Huma qalu: “Aħna qgħadna bil-​wieqfa  maġenb xulxin f’forma taʼ ċirku, f’nofsna kien hemm banketta mgħottija b’biċċa drapp bajda u fuqha kien hemm l-​inbid u l-​ħobż. Peress li d-​dawl tal-​bozoz setaʼ jikxef x’qed nagħmlu, użajna xemgħa. . . . Aħna rġajna wegħedna mill-​ġdid lil Missierna li nużaw saħħitna kollha biex inneħħu kull tmaqdir minn fuq ismu l-​qaddis.” X’fidi li tispikka wrew! U xi mħabba wera Ġesù meta għamilhielna possibbli li nosservaw it-​Tifkira anke meta nkunu f’ċirkustanzi diffiċli!

17. X’mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna?

17 Hekk kif toqrob it-​Tifkira, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna dawn il-​mistoqsijiet: ‘Kif nistaʼ nimitah aħjar lil Ġesù f’li nuri mħabba? Naħseb iktar dwar il-​bżonnijiet taʼ ħuti milli tiegħi? Konxju jien tal-​limitazzjonijiet tagħhom, jew nistenna iktar minn dak li jistgħu jagħmlu?’ Jalla dejjem nimitaw lil Ġesù u ‘nħossu għal xulxin.’—1 Pt. 3:8.

ŻOMM DAWN IT-​TAGĦLIMIET F’MOĦĦOK

18-19. (a) Minn xiex nistgħu nkunu ċerti? (b) X’aħna determinati li nagħmlu?

18 Il-​ħtieġa li nosservaw it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu mhux se ddum ħafna iktar. Meta Ġesù “jasal” matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, hu se jiġbor “il-​magħżulin tiegħu” li jkun għad fadal fuq l-​art u jtellagħhom fis-​sema. B’hekk, it-​Tifkira mhux se tibqaʼ tiġi kkommemorata.—1 Kor. 11:26; Mt. 24:31.

19 Anke wara li jiġri dan, aħna nistgħu nibqgħu ċerti li l-​poplu taʼ Ġeħova bi mħabba kbira se jiftakar din l-​ikla sempliċi bħala simbolu tal-​ikbar umiltà, kuraġġ, u mħabba li qatt intwerew minn bniedem. F’dak iż-​żmien, uħud li kienu jattendu din l-​ikla speċjali bla dubju se jitkellmu dwarha maʼ dawk li jkunu ħajjin dakinhar biex jibbenefikaw. Imma biex nibbenefikaw issa stess minn din l-​ikla, għandna nkunu determinati li nimitaw l-​umiltà, il-​kuraġġ, u l-​imħabba taʼ Ġesù. Jekk nagħmlu dan, nistgħu nkunu fiduċjużi li se nirċievu l-​premju tagħna mingħand Ġeħova.—2 Pt. 1:10, 11.

GĦANJA 13 Kristu, l-​eżempju tagħna

^ par. 5 Aħna dalwaqt se nkunu qed nattendu l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej biex nikkommemoraw il-​mewt taʼ Ġesù Kristu. Din l-​ikla sempliċi tgħallimna ħafna dwar l-​umiltà, il-​kuraġġ, u l-​imħabba taʼ Ġesù. F’dan l-​artiklu se niddiskutu kif nistgħu nimitaw dawn il-​kwalitajiet prezzjużi li hu wera.

^ par. 2 ESPRESSJONI SPJEGATA: Li nikkommemoraw ifisser li nagħmlu xi ħaġa speċjali biex niftakru u nonoraw ġrajja jew persuna importanti.

^ par. 56 X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Eżempji taʼ kif qaddejja leali osservaw it-Tifkira fil-kongregazzjoni tal-ewwel seklu; fl-aħħar tas-seklu 19; f’kamp tal-konċentrament tan-Nazi; u fi żmienna f’Sala tas-Saltna sempliċi f’pajjiż fl-Amerika t’Isfel bi klima sħuna.