“L-ispirtu nnifsu jixhed maʼ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.”—RUMANI 8:16.

GĦANJIET: 109, 108

1-3. Liema ġrajjiet għamlu lil Pentekoste ġurnata speċjali, u dawn il-ġrajjiet kif wettqu dak li kienet bassret l-Iskrittura? (Ara l-ewwel stampa.)

KIEN il-Ħadd filgħodu f’Ġerusalemm. Kienet ġurnata speċjali u eċċitanti. In-nies kienu qed jiċċelebraw Pentekoste, li kienet festa sagra fil-bidu tal-ħsad tal-qamħ. Dakinhar filgħodu fit-tempju, il-qassis il-kbir offra s-sagrifiċċji bħas-soltu. Imbagħad, f’xi d-disgħa taʼ filgħodu, offra żewġ ħobżiet bil-ħmira magħmulin mill-ewwel qamħ, jew l-ewwel frott, tal-ħsad. Il-qassis il-kbir xejjer il-ħobż min-naħa għall-oħra biex jippreżentah lil Ġeħova. Din kienet il-Festa taʼ Pentekoste tas-sena 33 WK.Levitiku 23:15-20.

2 Kull sena, għal mijiet taʼ snin, il-qassis il-kbir għamel din l-offerta tat-tixjir. L-offerta kellha x’taqsam ħafna maʼ xi ħaġa importanti ħafna li ġrat f’Pentekoste tas-sena 33 WK. U din ġrat lil 120 dixxiplu taʼ Ġesù li kienu qed jitolbu  flimkien f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm. (Atti 1:13-15) Tmien mitt sena qabel, il-profeta Ġoel kien kiteb dwar din il-ġrajja. (Ġoel 2:28-32; Atti 2:16-21) X’ġara li kien tant importanti?

3 Aqra Atti 2:2-4. F’Pentekoste tas-sena 33 WK, Alla ta lil dawk il-Kristjani l-ispirtu qaddis tiegħu, u dawn saru midlukin. (Atti 1:8) Imbagħad, folla bdiet tinġabar madwarhom, u d-dixxipli bdew jitkellmu dwar l-affarijiet mill-isbaħ li kienu għadhom kif raw u semgħu. L-appostlu Pietru spjega x’kien għadu kif seħħ u għala dan kien tant importanti. Imbagħad, qal lill-folla: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom f’isem Ġesù Kristu għall-maħfra tad-dnubiet, u tirċievu l-ispirtu qaddis bħala għotja b’xejn.” Dakinhar, tgħammdu madwar 3,000 persuna, u dawn ukoll irċivew l-ispirtu qaddis.—Atti 2:37, 38, 41.

4. (a) Għala għandna nkunu interessati f’dak li ġara f’Pentekoste? (b) Liema ġrajja oħra li hi importanti setgħet ġrat fl-istess ġurnata ħafna snin qabel? (Ara n-nota fl-aħħar.)

4 Il-qassis il-kbir u l-offerta li għamel kull Pentekoste, x’kienu jirrappreżentaw? Il-qassis il-kbir irrappreżenta lil Ġesù. Il-ħobż irrappreżenta d-dixxipli midlukin taʼ Ġesù. Dawk id-dixxipli ntgħażlu minn fost il-bnedmin imperfetti u ssejħu “l-ewwel frott.” (Ġakbu 1:18) Alla aċċetta lil dawn l-uħud bħala wliedu u għażilhom biex imexxu bħala slaten maʼ Ġesù fis-sema bħala parti mis-Saltna t’Alla. (1 Pietru 2:9) Ġeħova se juża s-Saltna tiegħu biex ibierek lill-bnedmin ubbidjenti kollha. Għalhekk, kemm jekk se ngħixu fis-sema maʼ Ġesù u kemm jekk fuq l-art magħmula ġenna, Pentekoste tas-sena 33 WK hu importanti ħafna għalina. [1]—Ara n-nota fl-aħħar.

X’JIĠRI META XI ĦADD ISIR MIDLUK?

5. Kif nafu li mhux il-Kristjani kollha jiġu midlukin eżatt bl-istess mod?

5 Id-dixxipli fil-kamra taʼ fuq qatt ma kienu se jinsew dak il-jum. Kull wieħed minnhom kellu dak li kien jidher bħal ilsien tan-nar fuq rasu. Ġeħova tahom l-abbiltà li jitkellmu b’lingwa barranija. Ma kellhom l-ebda dubju li kienu midlukin bl-ispirtu qaddis. (Atti 2:6-12) Imma dawn l-affarijiet spettakolari ma jiġrux lill-Kristjani kollha meta jiġu midlukin. Pereżempju, il-Bibbja ma tgħidx li dehret xi ħaġa bħal ilsien tan-nar fuq l-irjus taʼ dawk l-eluf taʼ nies f’Ġerusalemm li saru midlukin iktar tard dakinhar. Dawn saru midlukin meta tgħammdu. (Atti 2:38) Ukoll, mhux il-Kristjani kollha jiġu midlukin meta jitgħammdu. Is-Samaritani saru midlukin xi żmien wara li tgħammdu. (Atti 8:14-17) U f’każ mhux tas-soltu, Kornelju u dawk f’daru saru midlukin qabel ma tgħammdu.—Atti 10:44-48.

6. Il-midlukin kollha x’jirċievu, u dan kif jeffettwahom?

6 Jidher ċar li l-Kristjani jindunaw b’modi differenti li huma midlukin. Xi wħud forsi ndunaw mill-ewwel li Ġeħova għażilhom biex ikunu midlukin. Oħrajn irrealizzaw dan matul perijodu taʼ żmien. Imma l-appostlu Pawlu spjega x’jiġri lil kull wieħed ­minnhom. Hu  qal: “Wara li emmintu, ġejtu mmarkati bis-siġill taʼ l-ispirtu qaddis imwiegħed, li hu garanzija bil-quddiem tal-wirt tagħna.” (Efesin 1:13, 14) Għalhekk, Ġeħova juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jagħmilha ċara daqs il-kristall għal dawn il-Kristjani li hu għażilhom biex imorru fis-sema. B’dan il-mod, l-ispirtu qaddis hu “garanzija bil-quddiem,” jew prova għalihom, li fil-futur se jgħixu għal dejjem fis-sema u mhux fuq l-art.—Aqra t-2 Korintin 1:21, 22; 5:5.

Kull Kristjan midluk ma jrid iħalli xejn iwaqqfumilli jaqdi lil Ġeħova

7. Kull Kristjan midluk xi jrid jagħmel jekk irid jirċievi l-premju tiegħu fis-sema?

7 Meta Kristjan isir midluk, ifisser dan li żgur se jirċievi l-premju tiegħu biex imur fis-sema? Le. Hu ċert li ġie mistieden imur is-sema. Imma se jirċievi dan il-premju biss jekk jibqaʼ leali lejn Ġeħova. Pietru spjegah b’dan il-mod: “Għalhekk, ħuti, iktar u iktar agħmlu l-almu tagħkom biex taċċertaw ruħkom mis-sejħa u l-għażla tagħkom; għax jekk tibqgħu toktru f’dawn l-affarijiet żgur li ma tonqsu qatt. Fil-fatt, b’hekk tingħataw daħla glorjuża fis-saltna taʼ dejjem tal-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pietru 1:10, 11) Għalhekk, kull Kristjan midluk ma jrid iħalli xejn iwaqqfu milli jaqdi lil Ġeħova. Għalkemm ġie mistieden, jew imsejjaħ, biex imur fis-sema, jekk ma jibqax leali, mhux se jirċievi l-premju tiegħu.—Ebrej 3:1; Rivelazzjoni 2:10.

INDIVIDWU KIF IKUN JAF JEKK HUWIEX MIDLUK?

8, 9. (a) Għala hu diffiċli għall-maġġuranza tan-nies biex jifhmu x’jiġri lil xi ħadd meta dan jiġi midluk? (b) Individwu kif ikun jaf jekk ġiex mistieden imur is-sema jew le?

8 Il-maġġuranza mill-qaddejja t’Alla llum għandhom mnejn isibuha diffiċli biex jifhmu x’jiġri lil xi ħadd meta Alla jagħżlu ħalli jkun midluk. Dan hu normali, għax huma stess ma ġewx midlukin. Alla ħalaq lill-bnedmin biex jgħixu għal dejjem fuq l-art, mhux fis-sema. (Ġenesi 1:28; Salm 37:29) Imma Ġeħova għażel lil xi wħud biex ikunu slaten u qassisin fis-sema. Allura meta jagħżilhom bħala midlukin, it-tama tagħhom u l-mod kif jaħsbu jinbidlu b’tali mod li jibdew iħarsu ’l quddiem għall-ħajja fis-sema.—Aqra Efesin 1:18.

9 Imma individwu kif ikun jaf jekk ġiex mistieden imur is-sema jew le? Innota x’qal Pawlu lill-aħwa midlukin f’Ruma li ġew “imsejħin biex ikunu qaddisin.” Hu qalilhom: “Intom ma rċivejtux spirtu taʼ jasar li jerġaʼ jġib il-biżaʼ, imma rċivejtu spirtu t’adozzjoni bħala wlied; b’dan l-ispirtu aħna ngħajtu: ‘Abba, Missier!’ L-ispirtu nnifsu jixhed maʼ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.” (Rumani 1:7; 8:15, 16) Permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, Alla jagħmilha ċara lil dak li jkun li ġie mistieden imexxi bħala sultan fis-sema maʼ Ġesù.—1 Tessalonikin 2:12.

10. Fl-1 Ġwanni 2:27, xi jfisser meta jgħid li Kristjan midluk m’għandu bżonn lil ħadd jgħallmu?

 10 Dawk li jirċievu din l-istedina mingħand Alla m’għandhomx bżonn lil xi ħadd ieħor biex jgħidilhom li ġew midlukin. Ġeħova jġegħelhom iħossuhom konvinti. L-appostlu Ġwanni jgħid lill-Kristjani midlukin: “Intom ġejtu midlukin mill-qaddis; intom ilkoll għandkom l-għarfien.” Jgħid ukoll: “Iżda intom, id-dlik li rċivejtu mingħandu jibqaʼ fikom, u m’għandkomx bżonn min jgħallimkom; imma, bħalma d-dlik mingħandu qed jgħallimkom dwar kollox, u hu veru u mhux gidba, u bħalma għallimkom, ibqgħu f’unjoni miegħu.” (1 Ġwanni 2:20, 27) Il-Kristjani midlukin għandhom bżonn jiġu mgħallmin minn Ġeħova eżatt bħal kull persuna oħra. Imma m’għandhom bżonn lil ħadd jikkonfermalhom li huma midlukin. Ġeħova uża l-iktar forza qawwija, l-ispirtu qaddis tiegħu, biex jagħmilha ċara u tonda għalihom li huma midlukin!

‘JITWIELDU MILL-ĠDID’

11, 12. Kristjan midluk x’għandu mnejn jaħseb, imma x’qatt ma jiddubita?

11 Meta Kristjani jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis, jinbidlu ħafna. Infatti, Ġesù qal li ‘jitwieldu mill-ġdid.’ (Ġwanni 3:3, 5) Hu mbagħad spjega: “Tistagħġibx għax għedtlek, Tridu titwieldu mill-ġdid. Ir-riħ jonfoħ fejn irid, u int tismaʼ l-ħoss tiegħu, imma ma tafx mnejn jiġi u fejn sejjer. Hekk ukoll kulmin twieled mill-ispirtu.” (Ġwanni 3:7, 8) Jidher ċar li hu impossibbli biex tispjega eżatt lil xi ħadd li mhuwiex midluk kif tħossok meta ssir midluk. [2]—Ara n-nota fl-aħħar.

Xi ħadd li ġie midluk m’għandu l-ebda dubju li Ġeħova għażlu

12 Xi ħadd li ġie midluk forsi jaħseb, ‘Ġeħova għala għażel lili u mhux lil ħaddieħor?’ Jistaʼ jkun li saħansitra jħoss li forsi ma jistħoqqlux din ir-responsabbiltà. Imma m’għandu l-ebda dubju li Ġeħova għażlu. Minflok, iħossu ferħan se jtir u hu grat ħafna għal din l-għotja. Il-midlukin iħossuhom l-istess bħalma ħassu Pietru meta qal: “Ikun imbierek Alla u Missier il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax fil-ħniena kbira tiegħu wilidna mill-ġdid għal tama ħajja permezz taʼ l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu mill-imwiet, għal wirt li ma jitħassarx u ma jitniġġisx u ma jispiċċax. Dan hu merfugħ fis-smewwiet għalikom.” (1 Pietru 1:3, 4) Meta wħud midlukin jaqraw dan il-kliem, huma jafu mingħajr l-iċken dubju li Missierhom qed jitkellem magħhom persunalment.

13. Il-mod kif jaħseb individwu kif jinbidel meta jiġi midluk bl-ispirtu qaddis, u x’jikkaġuna din il-bidla?

13 Qabel ma Ġeħova stieden lil dawn il-Kristjani biex imorru fis-sema, dawn kellhom it-tama li jgħixu għal dejjem  fuq l-art. Huma ħarsu ’l quddiem għaż-żmien meta Ġeħova kien se jbiddel l-art f’ġenna u jneħħi l-ħażen kollu. Forsi immaġinaw lilhom infushom jilqgħu lura lil xi membru tal-familja jew lil xi ħabib li miet. U ħarsu ’l quddiem biex jibnu dar u jgħixu fiha jew jiżirgħu siġar u jieklu l-frott. (Isaija 65:21-23) Għala bdew jaħsbu b’mod differenti? Inbidlu għax ħassewhom dipressi jew għax batew ħafna? Iddeċidew f’daqqa waħda li mhux se jkun daqshekk eċċitanti li jgħixu għal dejjem fuq l-art u li mhux se jkunu ferħanin hemm? Jew riedu jesperjenzaw il-ħajja fis-sema? Le. Minflok, Alla hu dak li ddeċieda dan għalihom. Meta stidinhom, hu uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex ibiddel il-mod kif jaħsbu u l-premju li jħarsu ’l quddiem għalih.

14. Il-midlukin kif iħossuhom dwar ħajjithom hawn fuq l-art?

14 Allura jfisser dan li l-midlukin iridu jmutu? Pawlu ddeskriva kif il-midlukin iħossuhom. Hu qabbel il-ġisem uman tagħhom maʼ “tinda” u qal: “Fil-fatt, aħna li qegħdin f’din it-tinda nokorbu għax imtaqqlin; mhux għax irridu ninżgħuha, imma għax irridu nilbsu l-oħra, biex dak li hu mortali jinbelaʼ mill-ħajja.” (2 Korintin 5:4) Dawn il-Kristjani ma jridux imutu. Huma jieħdu pjaċir bil-ħajja u jridu jużaw kull ġurnata biex jaqdu lil Ġeħova mal-familja u l-ħbieb tagħhom. Imma jagħmlu x’jagħmlu, huma jiftakru dak li Alla wegħedhom għall-futur.—1 Korintin 15:53; 2 Pietru 1:4; 1 Ġwanni 3:2, 3; Rivelazzjoni 20:6.

ĠEĦOVA STIEDNEK LILEK?

15. X’ma jurix li individwu ġie midluk bl-ispirtu qaddis?

15 Forsi qed taħseb jekk Ġeħova stidnekx biex tmur fis-sema. Jekk tħoss li iva stiednek, aħseb dwar dawn il-mistoqsijiet importanti: Tħoss li int żeluż ħafna fl-ippritkar? Tassew tieħu gost tistudja l-Bibbja u titgħallem “l-affarijiet profondi t’Alla”? (1 Korintin 2:10) Tħoss li Ġeħova tak riżultati mill-isbaħ fl-ippritkar? Trid tagħmel dak li jrid Ġeħova iktar minn kull ħaġ’oħra? Għandek imħabba profonda għal oħrajn u tħoss responsabbiltà kbira biex tgħin lil oħrajn ħalli jaqdu lil Ġeħova? Rajt evidenza li Ġeħova għenek b’ħafna modi speċifiċi f’ħajtek? Jekk wiġibt iva għal dawn il-mistoqsijiet kollha, ifisser dan li ġejt mistieden tmur fis-sema? Le. Għala ngħidu hekk? Għax il-qaddejja kollha t’Alla jistgħu jħossuhom b’dan il-mod, kemm jekk huma midlukin u kemm jekk le. U permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, Ġeħova jistaʼ jagħti l-istess qawwa lil kwalunkwe wieħed mill-qaddejja tiegħu, hu x’inhu l-premju futur tiegħu. Infatti, jekk m’intix ċert għalkollox jekk intix se tmur fis-sema jew le, dan ifisser li ma ġejtx mistieden. Dawk magħżulin minn Ġeħova ma joqogħdux jitħassbu dwar dan għax jafu fiċ-ċert li ġew magħżulin!

16. Kif nafu li mhux dawk kollha li rċivew l-ispirtu t’Alla ġew mistidnin imorru fis-sema?

16 Fil-Bibbja, hemm ħafna eżempji taʼ wħud leali li rċivew l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova imma li ma marrux fis-sema.  Eżempju minnhom hu Ġwanni l-Battista. Ġesù qal li l-ebda raġel ma kien akbar minn Ġwanni, imma mbagħad qal li Ġwanni ma kienx se jmexxi bħala sultan fis-sema. (Mattew 11:10, 11) David ukoll kien iggwidat mill-ispirtu qaddis. (1 Samwel 16:13) L-ispirtu qaddis għenu jifhem affarijiet profondi dwar Ġeħova u wkoll idderiġieh biex jikteb partijiet mill-Bibbja. (Marku 12:36) Minkejja dan, l-appostlu Pietru qal li David “ma telax fis-smewwiet.” (Atti 2:34) Ġeħova uża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jagħti lil dawn l-uħud il-qawwa ħalli jagħmlu affarijiet tal-għaġeb, imma m’użahx biex jistidinhom jgħixu fis-sema. Ifisser dan li ma kinux leali biżżejjed jew li ma kkwalifikawx biex imexxu fis-sema? Le. Sempliċement ifisser li Ġeħova se jerġaʼ jqajjimhom għall-ħajja f’Ġenna tal-art.—Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15.

17, 18. (a) Il-biċċa l-kbira mill-qaddejja t’Alla llum għal liema premju jħarsu ’l quddiem? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?

17 Il-biċċa l-kbira mill-qaddejja t’Alla llum mhux se jmorru fis-sema. Bħal Abraham, David, Ġwanni l-Battista, u ħafna rġiel u nisa oħra fi żminijiet Bibliċi, huma jħarsu ’l quddiem biex jgħixu fuq l-art meta l-gvern t’Alla se jsaltan fuqhom. (Ebrej 11:10) Se jkun hemm 144,000 isaltnu maʼ Ġesù fis-sema. Imma l-Bibbja titkellem dwar “il-bqija” tal-midlukin li għad hawn fuq l-art f’dan iż-żmien tat-tmiem. (Rivelazzjoni 12:17) Għalhekk, il-biċċa l-kbira mill-144,000 diġà mietu u qegħdin fis-sema.

18 Imma jekk xi ħadd jgħid li hu midluk, dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art kif għandhom jirreaġixxu? Jekk xi ħadd fil-kongregazzjoni tiegħek jibda jieħu mill-ħobż u l-inbid fit-Tifkira, kif għandek tittrattah? U xi ngħidu jekk in-numru taʼ dawk li jgħidu li huma midlukin jibqaʼ jiżdied? Għandek tinkwieta dwar dan? Se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet fl-artiklu li jmiss.

^ [1](paragrafu 4) Jistaʼ jkun li l-Festa taʼ Pentekoste kienet tiġi ċelebrata fl-istess żmien tas-sena li l-Liġi ngħatat lil Mosè fis-Sinaj. (Eżodu 19:1) Allura, forsi Mosè daħħal lill-ġens tal-Iżrael fil-patt tal-Liġi fl-istess ġurnata tas-sena li Ġesù daħħal lil midlukin fil-patt il-ġdid.

^ [2](paragrafu 11) Għal iktar spjegazzjoni taʼ xi jfisser li titwieled mill-ġdid, ara It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż tal-1 tʼApril 2009, paġni 3-11.