“Grazzi lil Alla għall-għotja b’xejn tiegħu li ma tistax tiġi deskritta.”—2 KORINTIN 9:15.

GĦANJIET: 12163

1, 2. (a) X’tinkludi l-‘għotja b’xejn t’Alla li ma tistax tiġi deskritta’? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?

ĠEĦOVA tana l-akbar għotja, jew rigal, taʼ mħabba meta bagħat lil Ibnu l-għażiż Ġesù, fuq l-art! (Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:9, 10) L-appostlu Pawlu sejjaħ dan ir-rigal ‘għotja b’xejn li ma tistax tiġi deskritta.’ (2 Korintin 9:15) Pawlu għala uża din l-espressjoni?

2 Pawlu kien jaf li s-sagrifiċċju taʼ Ġesù hu garanzija li l-wegħdi mill-isbaħ kollha t’Alla se jseħħu. (Aqra t-2 Korintin 1:20.) Dan ifisser li l-‘għotja b’xejn t’Alla li ma tistax tiġi deskritta’ tinkludi s-sagrifiċċju taʼ Ġesù u t-tjubija kollha u l-imħabba leali li Ġeħova jurina. Rigal prezzjuż bħal dan hu impossibbli li tiddeskrivih b’tali mod li aħna nistgħu nifhmuh għalkollox. Dan ir-rigal speċjali kif għandu jeffettwana? U dan ir-rigal kif għandu jqanqalna hekk kif nippreparaw għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu nhar l-Erbgħa, 23 taʼ Marzu 2016?

 IR-RIGAL SPEĊJALI T’ALLA

3, 4. (a) Kif tħossok meta xi ħadd jagħtik rigal? (b) Rigal speċjali kif għandu mnejn ibiddillek ħajtek?

3 Ilkoll nieħdu pjaċir meta xi ħadd jagħtina rigal. Imma xi rigali tant ikollhom tifsir kbir jew speċjali għalina li jistgħu jbiddlulna ħajjitna. Pereżempju, immaġina li ġejt involut f’att kriminali. Il-kastig għal dan l-att hu l-mewt. Imma fid-daqqa u l-ħin, xi ħadd li ma tafux joffri ruħu biex jieħu l-kastig minflokok. Hu lest li jmut għalik! Rigal speċjali bħal dan kif jeffettwak?

4 Dan ir-rigal speċjali u mogħti bi mħabba jġiegħlek tagħmel bidliet f’ħajtek. Aktarx, se tħossok imqanqal ukoll li tkun trid tagħti u tħobb iktar lil oħrajn u li taħfer lil kull min ma weriex qalb tajba miegħek. Għall-kumplament taʼ ħajtek, tkun trid turi li int grat għas-sagrifiċċju li jkun sar għalik.

5. Ir-rigal li Alla ħallas tal-fidwa kif inhu ħafna ikbar minn kwalunkwe rigal ieħor?

5 Ir-rigal li Alla ħallas tal-fidwa hu ħafna ikbar mir-rigal li ssemma fl-eżempju. (1 Pietru 3:18) Aħseb dwar dan: Ilkoll kemm aħna writna d-dnub minn Adam, u l-kastig tad-dnub hu l-mewt. (Rumani 5:12) L-imħabba qanqlet lil Ġeħova biex jibgħat lil Ġesù fuq l-art ħalli jmut għan-nies kollha, jiġifieri biex “iduq il-mewt għal kull bniedem.” (Ebrej 2:9) Imma s-sagrifiċċju taʼ Ġesù se jagħmel saħansitra iktar minn hekk! Se jeqred il-mewt għal dejjem. (Isaija 25:7, 8; 1 Korintin 15:22, 26) Dawk kollha li juru fidi f’Ġesù se jgħixu f’paċi u jkunu kuntenti għal dejjem, kemm jekk ikunu slaten maʼ Kristu fis-sema u kemm jekk ikunu ċittadini tas-Saltna t’Alla fuq l-art. (Rumani 6:23; Rivelazzjoni 5:9, 10) X’barkiet oħra huma inklużi fir-rigal taʼ Ġeħova?

6. (a) Għal liema barkiet mir-rigal taʼ Ġeħova qed tħares ’il quddiem? (b) Semmi tliet affarijiet li l-għotja t’Alla se tqanqalna nagħmlu.

6 Bħala parti mir-rigal t’Alla, l-art se ssir ġenna, il-morda se jfiqu, u l-mejtin se jirxoxtaw. (Isaija 33:24; 35:5, 6; Ġwanni 5:28, 29) Aħna nħobbu lil Ġeħova u lill-għażiż Ibnu talli tawna din ‘l-għotja b’xejn li ma tistax tiġi deskritta.’ Din l-għotja x’se tqanqalna nagħmlu? Din se tqanqalna (1) biex nimitaw lil Kristu Ġesù mill-qrib, (2) biex inħobbu lil ħutna, u (3) biex naħfru lil oħrajn mill-qalb.

“L-IMĦABBA LI GĦANDU L-KRISTU ĠĠEGĦELNA”

7, 8. Kif għandna nħossuna dwar l-imħabba taʼ Kristu, u din x’għandha tqanqalna nagħmlu?

7 L-ewwel, irridu nħossuna mqanqlin biex nużaw ħajjitna b’tali mod li tonora lil Ġesù. L-appostlu Pawlu qal: “L-imħabba li għandu l-Kristu ġġegħelna.” (Aqra t-2 Korintin 5:14, 15.) Pawlu kien jaf li jekk naċċettaw l-imħabba kbira taʼ Ġesù, din se ġġegħelna, jiġifieri tqanqalna, biex inħobbu u nonoraw lil Ġesù. Iva, meta nifhmu għalkollox dak li Ġeħova għamel għalina, l-imħabba tiegħu tqanqalna ngħixu b’tali mod li juri li nonoraw lil Ġesù. Kif nistgħu nagħmlu dan?

8 L-imħabba għal Ġeħova se tqanqalna nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù, billi nsegwu l-passi tiegħu mill-qrib. (1 Pietru 2:21; 1 Ġwanni 2:6) Meta nobdu lil Alla u lil Kristu, aħna nkunu qed nagħtu prova li nħobbuhom. Ġesù qal: “Min għandu  l-kmandamenti tiegħi u josservahom, dan iħobbni. U min iħobbni jkun maħbub minn Missieri, u jien inħobbu u nurih lili nnifsi b’mod ċar.”—Ġwanni 14:21; 1 Ġwanni 5:3.

9. Xi pressjonijiet għandna?

9 Matul dan l-istaġun tat-Tifkira, ikun tajjeb li nimmeditaw dwar kif qed nużaw ħajjitna. Allura saqsi lilek innifsek: ‘Kif qed nimita diġà lil Ġesù ? Fejn nistaʼ nitjieb?’ Huwa importanti li nsaqsu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna għax in-nies tad-dinja jriduna ngħixu bħalhom. (Rumani 12:2) Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nħossuna taħt pressjoni biex nibdew nimitaw l-għalliema taʼ din id-dinja jew saħansitra ċelebritajiet u nies famużi fl-isports. (Kolossin 2:8; 1 Ġwanni 2:15-17) Kif nistgħu nirreżistu pressjoni bħal din?

10. X’mistoqsijiet nistgħu nsaqsu lilna nfusna matul dan l-istaġun tat-Tifkira, u t-tweġibiet x’għandhom mnejn iqanqluna nagħmlu? (Ara l-ewwel stampa.)

10 Ikun tajjeb li nieħdu l-ħin matul l-istaġun tat-Tifkira biex neżaminaw il-ħwejjeġ tagħna, il-films li naraw, il-mużika li nisimgħu, u kif ukoll x’għandna fuq il-kompjuter, mowbajl, jew tablet. Saqsi lilek innifsek: ‘Kont nimbarazza ruħi li kieku Ġesù kien hawn u jara x’jien liebes?’ (Aqra l-1 Timotju 2:9, 10.) ‘Ħwejġi juru li jien segwaċi taʼ Kristu? Kieku Ġesù ħa jieħu pjaċir jara l-films li qed nara jien? Se joqgħod jismaʼ l-mużika tiegħi? Jekk Ġesù jissellef il-mowbajl jew it-tablet tiegħi, se nħossni skomdu b’dak li jara? Ikun diffiċli biex nispjega lil Ġesù għala qed nieħu pjaċir bil-logħob li qed nilgħab?’ L-imħabba li għandna għal Ġeħova għandha tqanqalna narmu kwalunkwe ħaġa li ma tkunx addattata għal Kristjan, tqum kemm tqum flus. (Atti 19:19, 20) Meta ddedikajna ħajjitna lil Ġeħova, wegħedna li l-ħajja tagħna se nużawha biex tonora lil Kristu. Allura, m’għandna nżommu xejn li jistaʼ jagħmilhielna diffiċli biex nimitaw lil Ġesù.—Mattew 5:29, 30; Filippin 4:8.

11. (a) L-imħabba tagħna għal Ġeħova u Ġesù, kif tqanqalna biex nippritkaw? (b) L-imħabba li għandna kif tistaʼ tqanqalna ngħinu lil oħrajn fil-kongregazzjoni?

11 L-imħabba tagħna għal Ġesù tqanqalna nippritkaw u ngħallmu b’żelu. (Mattew 28:19, 20; Luqa 4:43) Matul l-istaġun tat-Tifkira, tistaʼ int tirranġa l-ħajja taʼ kuljum tiegħek ħalli tkun tistaʼ taqdi bħala pijunier awżiljarju u b’hekk tqattaʼ 30 jew 50 siegħa tipprietka? Raġel armel li kellu 84 sena ħaseb li ma setax jaqdi bħala pijunier minħabba l-età u s-saħħa batuta tiegħu. Imma l-pijunieri tal-akkwata tiegħu riedu jgħinuh. Huma pprovdewlu trasport u għażlu territorju addattat għalih. B’hekk, il-ħu laħaq il-mira tiegħu taʼ 30 siegħa. Tistaʼ tgħin lil xi ħadd fil-kongregazzjoni tiegħek biex ikun jistaʼ jaqdi bħala pijunier awżiljarju f’Marzu jew April? Huwa minnu li mhux kulħadd jistaʼ jaqdi bħala pijunier, imma nistgħu nużaw il-ħin u l-enerġija tagħna biex inżidu fis-servizz tagħna lil Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk, bħal Pawlu, nuru li aħna mqanqlin mill-imħabba taʼ Ġesù. L-imħabba t’Alla xi tqanqalna nagħmlu iktar?

OBBLIGATI LI NĦOBBU LIL XULXIN

12. L-imħabba t’Alla xi tqanqalna nagħmlu?

12 It-tieni, l-imħabba t’Alla għandha  tqanqalna nħobbu lil ħutna. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Maħbubin, jekk Alla ħabbna b’dan il-mod, mela aħna għandna l-obbligu li nħobbu lil xulxin.” (1 Ġwanni 4:7-11) Allura, jekk irridu li nkunu maħbubin minn Alla, għandna nagħrfu li hu obbligu tagħna li nħobbu lil ħutna. (1 Ġwanni 3:16) Kif nistgħu nuru li nħobbuhom?

13. Ġesù x’eżempju ħalla f’li jħobb lil oħrajn?

13 L-eżempju taʼ Ġesù jurina kif nistgħu nħobbu lil oħrajn. Meta kien fuq l-art, hu għen lin-nies, speċjalment lil dawk umli. Hu fejjaq lil morda, zopop, għomja, muti, u lil dawk neqsin mis-smigħ. (Mattew 11:4, 5) Għall-kuntrarju tal-mexxejja reliġjużi, Ġesù ħa pjaċir jgħallem nies li riedu jitgħallmu dwar Alla. (Ġwanni 7:49) Hu ħabb lil dawn in-nies umli u ħadem iebes biex jgħinhom.—Mattew 20:28.

Tistaʼ tgħin lil ħu jew oħt avvanzata fl-età fil-ministeru? (Ara paragrafu 14)

14. X’tistaʼ tagħmel biex turi mħabba għal ħutek?

14 Barra minn hekk, l-istaġun tat-Tifkira hu żmien tajjeb biex taħseb dwar kif tistaʼ tgħin lil aħwa rġiel u nisa fil-kongregazzjoni tiegħek, speċjalment dawk akbar fl-età. Tistaʼ żżur lil dawn l-għeżież? Tistaʼ tiħdilhom xi ħaġa x’jieklu, tgħinhom fil-faċendi tad-dar, toffri li tiħodhom il-laqgħa, jew tistidinhom biex jaħdmu miegħek fil-ministeru? (Aqra Luqa 14:12-14.) Ħalli l-imħabba t’Alla tqanqlek turi mħabba għal ħutek!

URU ĦNIENA MAL-AĦWA

15. X’hemm bżonn li nifhmu?

15 It-tielet, l-imħabba li Ġeħova għandu għalina tqanqalna naħfru lil ħutna rġiel u nisa. Kulħadd wiret id-dnub u l-mewt minn Adam, u allura ħadd ma jistaʼ jgħid, “M’għandix bżonn il-fidwa.” Anki l-iktar qaddej leali t’Alla għandu bżonn l-għotja tal-fidwa. Kull wieħed minna nħafirlu balla dejn! Għala hu importanti li tifhem dan? It-tweġiba nsibuha f’waħda mit-tixbihat taʼ Ġesù.

16, 17. (a) X’għandna nitgħallmu mit-tixbiha taʼ Ġesù tas-sultan u l-ilsiera? (b) Wara li timmedita fuq it-tixbiha taʼ Ġesù, x’int determinat li tagħmel?

16 Ġesù ta tixbiha dwar sultan li ħafer lill-ilsir tiegħu dejn enormi taʼ 60,000,000 dinar. Iżda iktar tard, dan l-ilsir ma ħafirx l-ilsir sieħbu ammont taʼ dejn li kien ħafna iżgħar—100 dinar biss. Il-ħniena tas-sultan imissha qanqlet lill-ilsir jaħfer lill-ilsir sieħbu. Is-sultan kien irrabjat meta semaʼ li l-ilsir tiegħu ma ħafirx dejn li kien tant żgħir. Hu qal: “Ilsir mill-agħar, jien ħfirtlek dak id-dejn kollu meta tlabtni bil-ħrara. Ma messekx int, mill-banda l-oħra, ġietek ħniena mill-ilsir sieħbek, bħalma jien ukoll ġietni ħniena minnek?” (Mattew 18:23-35, ara n-nota taʼ taħt) Bħas-sultan, Ġeħova ħafrilna dejn  enormi. L-imħabba u l-ħniena taʼ Ġeħova, x’għandhom iqanqluna nagħmlu?

17 Hekk kif nippreparaw għat-Tifkira, għandu mnejn insaqsu lilna nfusna: ‘Ġejt imweġġaʼ minn xi ħu? Insibha diffiċli biex naħfirlu?’ Jekk iva, dan hu żmien tajjeb biex timita lil Ġeħova, li ‘lest li jaħfer.’ (Neħemija 9:17; Salm 86:5) Jekk napprezzaw il-ħniena kbira taʼ Ġeħova, aħna se nuru ħniena m’oħrajn u naħfrulhom mill-qalb. Jekk ma nħobbux lil ħutna u ma naħfrulhomx, ma nistgħux nistennew li Ġeħova jħobbna u jaħfrilna. (Mattew 6:14, 15) Għalkemm meta naħfru ma nbiddlux il-passat, aħna nistgħu nkunu ċerti li dan jistaʼ jbiddel il-futur tagħna għall-aħjar.

18. L-imħabba li għandu Alla kif għenet lil Lily tittollera l-imperfezzjonijiet taʼ oħt oħra?

18 Jistaʼ jkun diffiċli li dak li jkun jittollera l-imperfezzjonijiet taʼ ħutna rġiel u nisa. (Aqra Efesin 4:32; Kolossin 3:13, 14.) Oħt li għamlet dan jisimha Lily. [1] (Ara n-nota fl-aħħar.) Hi għenet armla jisimha Carol. Pereżempju, hi kienet twassal lil Carol kull fejn kien hemm bżonn li tmur, tgħinha bix-xirja, u tagħmel ħafna affarijiet oħrajn għaliha. Minkejja dak kollu li għamlet Lily, Carol dejjem kienet tikkritika, u b’hekk kultant ma kienx faċli li tgħinha. Imma Lily ffokat fuq il-kwalitajiet tajbin taʼ Carol u għenitha għal xi snin sakemm Carol mardet serjament u raqdet fil-mewt. Għalkemm għal Lily kien diffiċli biex tgħin lil Carol, Lily tgħid: “Inħares ’il quddiem li nara lil Carol irxoxtata. Irrid insir nafha meta ssir perfetta.” B’mod ċar, l-imħabba li għandu Alla tistaʼ tqanqalna nittolleraw lil ħutna rġiel u nisa u nħarsu ’l quddiem għaż-żmien meta l-imperfezzjoni tan-nies ma tibqax teżisti.

19. Kif tqanqlek l-‘għotja b’xejn t’Alla li ma tistax tiġi deskritta’?

19 Ġeħova verament tana ‘għotja b’xejn li ma tistax tiġi deskritta.’ Jalla dejjem napprezzawha! L-istaġun tat-Tifkira hu żmien eċċellenti biex nimmeditaw fuq dak kollu li Ġeħova u Ġesù għamlu għalina. Jalla l-imħabba tagħhom tqanqalna nimitaw lil Ġesù mill-qrib, nuru mħabba maʼ ħutna, u naħfru lil ħutna mill-qalb.

^ [1] (paragrafu 18) Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.