Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 BIJOGRAFIJA

Wirt Kristjan prezzjuż ippermettieli nimxi ’l quddiem

Wirt Kristjan prezzjuż ippermettieli nimxi ’l quddiem

FIL-​ħemda tal-​lejl, konna fuq ix-​xatt tax-​Xmara Niger. Kienet xmara kbira b’ilmijiet li jgħaddu b’ħeffa, wiesgħa xi kilometru u nofs. Il-​Gwerra Ċivili tan-​Niġerja kienet fl-​aqwa tagħha, allura li wieħed jaqsam in-​Niger setaʼ jiswielu ħajtu. Xorta waħda, kellna nieħdu dan is-​sogru, u iżjed minn darba. Kif sibt ruħi f’din is-​sitwazzjoni? Ħalli ngħidilkom x’ġara qabel twelidt jien.

Fl-​1913, missieri, John Mills, tgħammed fi New York City meta kellu 25 sena. Ħuna Russell ta t-​taħdita tal-​magħmudija. Ftit wara dan, missieri mar Trinidad, fejn iżżewweġ lil Constance Farmer, Studenta tal-​Bibbja żeluża. Missieri għen lil ħabibu William R. Brown biex juri l-​“Photo-​Drama of Creation.” Huma għamlu dan sakemm il-​Browns kienu assenjati fl-​Afrika tal-​Punent fl-​1923. Missieri u ommi, li t-​tnejn li huma kellhom it-​tama għas-​sema, komplew jaqdu lil Ġeħova fi Trinidad.

ĠENITURI LI ĦABBEWNA

Aħna konna disat itfal, u l-​ewwel wieħed issemma Rutherford għall-​president tal-​Watch Tower Bible and Tract Society taʼ dak iż-​żmien. Meta twelidt jien fit-​30 taʼ Diċembru 1922, issemmejt għal Clayton J. Woodworth, editur taʼ The Golden Age (issa Stenbaħ!). Il-​ġenituri tawna lkoll edukazzjoni bażika, imma huma enfasizzaw speċjalment il-​miri spiritwali. Ommi kellha abbiltà straordinarja biex tirraġuna mill-​Iskrittura b’mod li jikkonvinċik. Missieri kien iħobb jgħidilna l-​istejjer tal-​Bibbja, filwaqt li jirreċtalna taʼ xi karattru Bibliku. Dan kien jgħinna nimmaġinaw ir-​rakkonti tal-​Bibbja.

L-​isforzi tagħhom ma kinux għalxejn. Tliet subien minn ħamsa attendew l-​Iskola taʼ Gilegħad. Tliet ħuti bniet kienu pijunieri għal ħafna snin fi Trinidad u Tobago. Permezz tat-​tagħlim u l-​eżempju tajjeb tagħhom, il-​ġenituri ħawlu lilna, uliedhom, “fid-​dar taʼ Ġeħova.” L-​inkuraġġiment tagħhom għenna nibqgħu hemm u niffjorixxu “fil-​btieħi t’Alla tagħna.”—Salm 92:13.

Darna saret bażi għall-​attività tal-​ippritkar. Il-​pijunieri kienu jinġabru għandna u spiss kienu jitkellmu dwar Ħuna George Young,  missjunarju Kanadiż li kien żar Trinidad. Il-​ġenituri kienu jitkellmu b’entużjażmu dwar il-​Browns, li kienu jippritkaw magħhom. Dan kollu qanqalni biex nibda nagħti xhieda meta kelli għaxar snin.

ATTIVITAJIET TAL-​BIDU

Dak iż-​żmien, ir-​rivisti tagħna kienu jolqtu fil-​laħam il-​ħaj u kixfu r-​reliġjon falza, il-​kummerċ rgħib, u l-​politika maħmuġa. Bi tweġiba, fl-​1936, il-​kleru kkonvinċa lill-​gvern biex jipprojbixxi l-​pubblikazzjonijiet kollha tagħna. Aħna ħbejna l-​letteratura imma komplejna nużawha sakemm spiċċat. Konna nagħmlu mixjiet taʼ informazzjoni u nsuqu r-​roti filwaqt li nqassmu inviti u nġorru l-​plakards. Flimkien mal-​grupp tal-​karozza bis-​sawnd ippritkajna saħansitra fil-​partijiet l-​iktar imbegħdin taʼ Trinidad. Kien eċitanti! Dan l-​ambjent spiritwali wassalni biex nitgħammed meta kelli 16-​il sena.

Il-grupp taʼ Tunapuna ħdejn il-karozza bis-sawnd

Il-​wirt spiritwali tal-​familja tiegħi flimkien maʼ dawn l-​esperjenzi tal-​bidu nisslu xewqa fija biex inkun missjunarju. Din ix-​xewqa kienet għadha hemm meta mort Aruba fl-​1944 u ngħaqadt maʼ Ħuna Edmund W. Cummings. Konna ferħanin se ntiru meta ġbarna għaxar persuni għat-​Tifkira fl-​1945. Is-​sena taʼ wara ġiet ifformata l-​ewwel kongregazzjoni.

Maʼ Oris bdejt ingawdi l-ħajja b’mod differenti

M’għaddiex ħafna żmien meta tajt xhieda informali lil Oris Williams, kollega tax-​xogħol. Oris ġabet ħafna argumenti b’saħħithom biex tiddefendi d-​duttrini li ġiet mgħallma. Madankollu, permezz taʼ studju tal-​Bibbja tgħallmet il-​verità u tgħammdet fil-​5 taʼ Jannar 1947. Maż-​żmien, sirna nħobbu lil xulxin u żżewwiġna. F’Novembru 1950 saret pijuniera. Maʼ Oris bdejt ingawdi l-​ħajja b’mod differenti.

SERVIZZ EĊITANTI FIN-​NIĠERJA

Fl-​1955 ġejna mistednin l-​Iskola taʼ Gilegħad. B’hekk, tlaqna x-​xogħol li kellna, begħna d-​dar u xi affarijiet oħra, u tlaqna minn Aruba. Fid-​29 taʼ Lulju 1956, iggradwajna mas-​27 klassi u ntbgħatna n-​Niġerja.

Mal-familja taʼ Betel f’Lagos, in-Niġerja, fl-1957

Meta nqisu minn xiex għaddejna, Oris qalet: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jgħin persuna biex taġġusta għad-​diffikultajiet tal-​ħajja missjunarja. Kontra żewġi, jien qatt ma ridt inkun missjunarja. Ippreferejt ikolli dar u nrabbi t-​tfal. Meta rrealizzajt kemm l-​ippritkar kien urġenti, biddilt il-​ħsieb. Sakemm iggradwajna minn Gilegħad kont lesta u determinata biex nipprietka bħala missjunarja. Hekk kif tlajna fuq il-​vapur Queen Mary, Ħuna Worth Thornton, mill-​uffiċċju taʼ Ħuna Knorr, xtaqilna l-​vjaġġ it-​tajjeb. Qalilna li konna se naqdu fil-​Betel. ‘X’inhu?ʼ għedt diżappuntata. Imma malajr aġġustajt u sirt inħobb il-​Betel, fejn kelli diversi inkarigi. L-​iktar li kont inħobb kien ix-​xogħol taʼ receptionist, għax laqqagħni mal-​aħwa Niġerjani. Ħafna kienu jaslu mimlijin trab, għajjenin, bil-​ġuħ, u bil-​għatx. Kien il-​pjaċir tiegħi li nieħu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom. Dan kollu kien servizz sagru lil Ġeħova, u kien dan li ġabli sodisfazzjon u kuntentizza.” Iva, kull inkarigu ppermettielna nimxu ’l quddiem.

Fl-​1961 kellna get-​together tal-​familja fi Trinidad, u Ħuna Brown irrakkonta ftit mill-​esperjenzi eċitanti tiegħu fl-​Afrika. Imbagħad għedtilhom dwar it-​tkabbir tagħna fin-​Niġerja. Ħuna Brown poġġa jdejh bil-​ħlewwa fuq spallejja u qal lil missieri: “Johnny, ma rnexxilekx tmur l-​Afrika, imma Woodworth iva!” Bi tweġiba, missieri qalli: “Kompli sejjer hekk, Worth!” Inkuraġġiment bħal dan mingħand dawn l-​aħwa li qdew b’żelu lil Ġeħova għal snin twal kompla jżidli x-​xewqa tiegħi biex inwettaq il-​ministeru tiegħi bir-​reqqa.

William “Bible” Brown u martu, Antonia, inkuraġġewna bil-kbir

Fl-​1962 kelli l-​privileġġ li nieħu iktar taħriġ fis-​37 klassi taʼ Gilegħad, kors taʼ għaxar xhur. Ħuna Wilfred Gooch, li dak iż-​żmien kien l-​indokratur tal-​fergħa fin-​Niġerja, attenda t-​38 klassi u ntbagħat l-​Ingilterra. B’hekk, xogħlu ngħata lili. Waqt li segwejt l-​eżempju taʼ Ħuna Brown, ivvjaġġajt ħafna  u sirt naf u nħobb lill-​aħwa għeżież Niġerjani. Għalkemm ma kellhomx l-​affarijiet komuni għan-​nies f’artijiet iktar żviluppati, il-​ferħ u l-​kuntentizza tagħhom urew biċ-​ċar li ħajja bi skop ma tiddependix mill-​flus jew l-​affarijiet materjali. Meta tqis iċ-​ċirkustanzi tagħhom, kien impressjonanti li fil-​laqgħat tarahom nodfa, puliti, u juru rispett. Meta kollha kienu jiġu għall-​konvenzjonijiet, ħafna kienu jaslu bit-​trakkijiet u l-​bolekajas. * Spiss dawn kien ikollhom xi motto interessanti miktub fuqhom. Wieħed minnhom kien: “Bil-​qatra l-​qatra timtela l-​ġarra.”

Kemm hu minnu dak il-​kliem! Kull naqra sforz individwali jgħodd; aħna żidna tagħna. Sal-​1974, in-​Niġerja saret l-​ewwel pajjiż barra l-​Istati Uniti li laħaq iċ-​ċifra taʼ 100,000 pubblikatur. Ix-​xogħol kiber immens!

Matul dan iż-​żmien meta ħafna nies kienu deħlin fil-​verità, kienet għaddejja l-​Gwerra Ċivili tan-​Niġerja mill-​1967 sal-​1970. Għal xhur sħaħ, ħutna fin-​naħa tal-​Biafra tax-​Xmara Niger kienu maqtugħin mill-​uffiċċju tal-​fergħa. Ma stajniex inħalluhom mingħajr l-​ikel spiritwali. Bħalma diġà għedt fil-​bidu, billi tlabna u ttamajna f’Ġeħova qsamna x-​xmara diversi drabi.

Niftakar ċar kemm-​il darba qsamna x-​Xmara Niger waqt li nissograw ħajjitna minn suldati jdejhom ħfief biex joqtlu, mill-​mard, u minn perikli oħra. Kien diġà tal-​biżaʼ li jirnexxilek tgħaddi mill-​fruntieri tas-​suldati tal-​gvern suspettużi, imma kien agħar minn hekk li tgħaddi għan-​naħa l-​oħra tax-​xmara mgħassa mir-​ribelli. Darba minnhom billejl qsamt ix-​xmara bil-​kenura tal-​passiġġieri minn Asaba għal Onitsha u mort ninkuraġġixxi lill-​indokraturi f’Enugu. Vjaġġ ieħor saħħaħ lill-​anzjani taʼ Aba fi żmien meta d-​dwal ma tħallewx jinxtegħlu filgħaxijiet. F’Port Harcourt, il-​laqgħa spiċċat ħesrem b’talba meta s-​suldati tal-​gvern irnexxielhom jidħlu mid-​difiżi tal-​Biafra barra l-​belt.

Dawk il-​laqgħat kienu importanti ħafna biex naċċertaw lil ħutna għeżież li Ġeħova kien qed jieħu ħsiebhom u biex nagħtuhom pariri bżonjużi ħafna dwar in-​newtralità u l-​unità. L-​aħwa Niġerjani rnexxielhom jgħaddu minn dak it-​taqlib tal-​waħx. Huma wrew l-​imħabba li tisboq il-​mibegħda tribali u żammew l-​unità Kristjana. Xi privileġġ li tkun maġenbhom fis-​siegħa tal-​prova!

Fl-​1969, Ħuna Milton G. Henschel kien iċ-​chairman tal-​Assemblea Internazzjonali “Peace on Earth” f’Yankee Stadium, New York, u tgħallimt ħafna bħala l-​assistent tiegħu. Dan it-​taħriġ ġie fi żmien tajjeb għax fl-​1970 kellna l-​Assemblea Internazzjonali “Men of Goodwill” f’Lagos, in-​Niġerja. Din l-​assemblea ħabtet ftit wara li spiċċat il-​gwerra ċivili u rnexxiet biss bil-​barka taʼ Ġeħova. Kienet okkażjoni li laħqet rekord għax kienet bi 17-​il lingwa u li għaliha attendew 121,128 persuna. Ħuna Knorr u Henschel u viżitaturi oħra li ġew mill-​Istati Uniti u l-​Ingilterra kienu xhieda taʼ waħda mill-​ikbar magħmudijiet Kristjani minn Pentekoste ’l hawn—3,775 dixxiplu ġdid! Naħseb li l-​iktar żmien f’ħajti li fih kelli x’nagħmel kien meta għent biex norganizza dan l-​avveniment. In-​numru taʼ pubblikaturi mhux biss kiber imma sploda.

L-Assemblea Internazzjonali “Men of Goodwill” ġibdet 121,128 persuna, bi 17-il lingwa differenti, inkluż l-Ibo

Matul it-​30 sena u iktar fin-​Niġerja ħadt gost naqdi kultant bħala l-​indokratur li jivvjaġġa u l-​indokratur li jżur il-​fergħat fl-​Afrika tal-​Punent. Kemm apprezzaw il-​missjunarji li rċivew attenzjoni u inkuraġġiment individwalment! Kien il-​pjaċir tiegħi li naċċertahom li ma kinux minsijin. Dan ix-​xogħol għallimni illi li turi interess personali fl-​aħwa hu importanti għax jgħinhom ikomplu jaqdu lil Ġeħova u jżommu l-​organizzazzjoni tiegħu b’saħħitha u magħquda.

Kien biss bl-​għajnuna taʼ Ġeħova li stajna nkampaw mal-​problemi li ġew fuqna minħabba l-​gwerra ċivili u l-​mard. Il-​barka taʼ Ġeħova dejjem kienet evidenti. Oris ikkummentat:

 “It-​tnejn li aħna kellna l-​malarja diversi drabi. Darba minnhom, Worth spiċċa l-​isptar f’Lagos mitluf minn sensih. Qaluli li setaʼ ma jsalvax, imma b’ferħ salva! Meta ġie f’sensih, tkellem mal-​infermier li kien qed jieħu ħsiebu dwar is-​Saltna t’Alla. Iktar tard morna nżuruh ħalli nkabbru l-​interess tiegħu fil-​Bibbja. Hu aċċetta l-​verità u xi żmien wara sar anzjan f’Aba. Jien ukoll kelli suċċess f’li ngħin lil ħafna, anke Musulmani ferventi, biex isiru qaddejja devoti taʼ Ġeħova. Aħna ħadna ħafna gost insiru nafu u nħobbu lin-​Niġerjani, il-​kultura, id-​drawwiet, u l-​lingwa tagħhom.”

Din kienet lezzjoni oħra: Biex nirnexxu fl-​inkarigu tagħna f’pajjiż barrani kellna nitgħallmu nħobbu lil ħutna minkejja d-​differenza fil-​kultura tagħhom.

INKARIGI ĠODDA

Wara li qdejna fil-​Betel, in-​Niġerja, fl-​1987 irċivejna inkarigu ġdid bħala missjunarji fuq il-​gżira sabiħa taʼ St. Lucia fil-​Karibew. Kien inkarigu sabiħ, imma ppreżentalna sfidi ġodda. B’kuntrarju għall-​Afrika, fejn raġel jiżżewweġ ħafna nisa, hawn il-​problema kienet li koppja jgħixu flimkien mingħajr ma jkunu miżżewġin legalment. Il-​Kelma t’Alla, li hi b’saħħitha, qanqlet lil ħafna mill-​istudenti tagħna tal-​Bibbja biex jagħmlu l-​bidliet meħtieġa.

Ħabbejt lil Oris b’għożża matul it-68 sena taʼ żwieġ tagħna

Hekk kif saħħitna bdiet tbatti, fl-​2005, il-​Ġemgħa li Tiggverna bi mħabba bagħtitna fil-​kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Kuljum għadni nirringrazzja lil Ġeħova għal Oris. Dak l-​għadu, il-​mewt, rebaħha fl-​2015, u m’għandix kliem biex ngħid xi tfisser din it-​telfa għalija. Kienet sieħba liema bħalha u mara li taf tħobb, imżejna b’ħafna kwalitajiet sbieħ. Ħabbejtha b’għożża matul it-​68 sena li qattajna flimkien. Sibna li s-​sigriet għall-​kuntentizza fiż-​żwieġ u fil-​kongregazzjoni hu li nirrispettaw l-​istat taʼ kap, naħfru fil-​pront, nibqgħu umli, u nuru l-​frott tal-​ispirtu.

Meta konna diżappuntati jew skuraġġiti, striħajna fuq Ġeħova biex jgħinna nkomplu naqduh. Hekk kif komplejna naġġustaw, rajna li l-​affarijiet baqgħu sejrin għall-​aħjar—u l-​kbir għadu ġej!—Is. 60:17; 2 Kor. 13:11.

Fi Trinidad u Tobago, Ġeħova bierek ix-​xogħol tal-​ġenituri tiegħi u oħrajn, u skont l-​aħħar rapporti, 9,892 persuna ngħaqdu fil-​qima vera. F’Aruba, ħafna aħwa ħadmu biex isaħħu l-​kongregazzjoni tal-​bidu li kont fiha jien. Din il-​gżira issa għandha 14-​il kongregazzjoni li mexjin ’il quddiem. Fin-​Niġerja, il-​pubblikaturi żdiedu għal folla b’saħħitha taʼ 381,398. U fuq il-​gżira taʼ St. Lucia, 783 pubblikatur qed jappoġġjaw is-​Saltna taʼ Ġeħova.

Jien issa għandi fuq id-​90 sena. Dwar dawk imħawlin fid-​dar taʼ Ġeħova, Salm 92:14 jgħid: “Huma jibqgħu sejrin tajjeb anki meta xagħarhom isir griż, jibqgħu mimlijin ħajja u jħaddru.” Kemm jien grat għall-​ħajja li għext fis-​servizz taʼ Ġeħova! Il-​wirt Kristjan prezzjuż li rċivejt inkuraġġieni naqdi lil Ġeħova bis-​sħiħ. Permezz tal-​imħabba leali tiegħu, Ġeħova ppermettieli ‘niffjorixxi fil-​btieħi tiegħu.’—Salm 92:13.

^ par. 18 Ara Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-8 taʼ Marzu 1972, pp. 24-26.