Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 8

Għala nuru apprezzament?

Għala nuru apprezzament?

“Uru li intom grati.”—KOL. 3:15.

GĦANJA 46 Niżżuk ħajr Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ir-​raġel Samaritan li Ġesù fejjaq kif wera apprezzament?

L-​GĦAXART irġiel kienu f’sitwazzjoni ddisprata. Huma kienu morda bil-​ġdiem, u għalhekk il-​kundizzjoni tagħhom setgħet biss tmur għall-​agħar. Imma darba raw lil Ġesù, l-​Għalliem il-​Kbir, mill-​bogħod. Huma kienu semgħu li kien fejjaq kull tip taʼ mard, u kienu konvinti li setaʼ jfejjaq lilhom ukoll. Allura talbuh: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” L-​għaxart irġiel fiequ għalkollox. Żgur li kollha kienu grati, jew apprezzaw il-​qalb tajba li wera magħhom Ġesù. Wieħed minnhom, però, għamel iktar milli ħass l-​apprezzament—hu wera l-​apprezzament * tiegħu lil Ġesù. Ir-​raġel imfejjaq, Samaritan, ħassu motivat biex jigglorifika lil “Alla b’leħen għoli.”—Lq. 17:12-19.

2-3. (a) Għala forsi ma nurux apprezzament? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

2 Bħas-​Samaritan, aħna nixtiequ nuru l-​apprezzament tagħna maʼ dawk qalbhom tajba. Imma xi drabi, nistgħu ninsew ngħidu grazzi jew nuru lil oħrajn kif inħossuna dwar dak li għamlu b’qalb tajba.

3 F’dan l-​artiklu, se niddiskutu għala hu importanti li nuru li napprezzaw b’dak li ngħidu u nagħmlu. Se nitgħallmu mill-​eżempji taʼ xi karattri Bibliċi li apprezzaw  u oħrajn li ma apprezzawx. Imbagħad se niddiskutu modi prattiċi li bihom nistgħu nuru li napprezzaw.

GĦALA GĦANDNA NURU APPREZZAMENT?

4-5. Għala għandna nuru l-​apprezzament?

4 Ġeħova jagħtina l-​aħjar eżempju taʼ kif nuru apprezzament. Mod wieħed hu billi jbierek lil dawk li jogħġbuh. (2 Sam. 22:21; Salm 13:6; Mt. 10:40, 41) U l-​Iskrittura tinkuraġġina biex ‘nimitaw lil Alla, bħala wliedu maħbubin.’ (Efes. 5:1) Għalhekk, raġuni importanti għala għandna nuru l-​apprezzament hi biex nimitaw lil Ġeħova.

5 Aħseb f’raġuni oħra għala għandna nkunu rridu nuru l-​apprezzament lejn oħrajn. L-​apprezzament hu bħal ikla tajba—iktar tieħu pjaċir biha meta taqsamha m’oħrajn. Meta nħossuna apprezzati, aħna nkunu ferħanin. Meta nuru l-​apprezzament tagħna, aħna nferrħu lil oħrajn. Il-​persuna li tirċievi l-​apprezzament tagħna tkun taf li l-​isforzi tagħha biex tgħinna, jew biex tagħtina dak li kellna bżonn, verament kienu t’għajnuna. B’hekk, il-​ħbiberija taʼ bejnietna tissaħħaħ.

6. Liema xebh hemm bejn kliem t’apprezzament u tuffieħ tad-​deheb?

6 Kliem t’apprezzament jiswa ħafna. Il-​Bibbja tgħid: “Kelma li tingħad f’waqtha hi bħal tuffieħ tad-​deheb f’tinqix tal-​fidda.” (Prov. 25:11) Immaġina kemm tkun sabiħa tuffieħa tad-​deheb fuq xi ħaġa tal-​fidda! U aħseb ftit kemm tkun tiswa! Kif tħossok kieku tirċievi rigal bħal dan? Il-​kliem t’apprezzament lil oħrajn jistaʼ jiswa daqshekk. Ikkunsidra dan il-​fatt: Tuffieħa tad-​deheb tistaʼ tibqaʼ għal snin sħaħ. Bl-​istess mod, il-​kliem t’apprezzament li int tgħid lil persuna jistaʼ jibqaʼ f’moħħha u f’qalbha tul ħajjitha.

 HUMA WREW APPREZZAMENT

7. F’​Salm 27:4, David kif esprima l-​apprezzament tiegħu u kittieba oħra tas-​salmi kif għamlu l-​istess?

7 Ħafna mill-​qaddejja t’Alla tal-​passat urew apprezzament. Wieħed minnhom kien David. (Aqra Salm 27:4.) Hu apprezza ħafna l-​qima pura u dan deher fl-​azzjonijiet tiegħu. Hu ta ammont kbir t’affarijiet taʼ valur għall-​bini tat-​tempju. Id-​dixxendenti t’Asaf esprimew l-​apprezzament tagħhom billi kitbu salmi. F’wieħed mis-​salmi, huma rringrazzjaw lil Ġeħova u tkellmu dwar kemm kienu jammiraw ‘l-​għemejjel taʼ l-​għaġeb’ tiegħu. (Salm 75:1) Jidher ċar li David u d-​dixxendenti t’Asaf riedu juru lil Ġeħova kemm apprezzaw il-​barkiet kollha li kienu rċivew mingħandu. Tistaʼ taħseb f’modi kif int tistaʼ timita lil dawn il-​kittieba tas-​salmi?

L-ittra taʼ Pawlu lir-Rumani x’tgħallimna dwar li nuru apprezzament? (Ara paragrafi 8-9) *

8-9. L-​appostlu Pawlu kif wera l-​apprezzament tiegħu lejn ħutu, u x’setaʼ kien ir-​riżultat?

8 L-​appostlu Pawlu apprezzahom lil ħutu u wera dan bil-​mod kif tkellem dwarhom. Hu dejjem kien jirringrazzja lil Alla għalihom fit-​talb personali tiegħu. Hu anki qalilhom li kienu importanti għalih b’dak li kitbilhom. Fl-​ewwel 15-​il vers taʼ Rumani kapitlu 16, Pawlu semma 27 Kristjan b’isimhom. Pawlu b’mod speċifiku ftakar li Prixilla u Akwila “ssograw ħajjithom” għalih, u qal li Febe “ddefendiet lil ħafna,” inkluż lilu. Hu faħħar lil dawn l-​aħwa għeżież u ħabrieka.—Rum. 16:1-15.

9 Pawlu kien konxju li ħutu kienu imperfetti, imma qabel ma spiċċa l-​ittra tiegħu lir-​Rumani, hu għażel li jiffoka fuq il-​kwalitajiet sbieħ tagħhom. Immaġina kemm ħassewhom inkuraġġiti dawn l-​aħwa xħin semgħu fil-​kongregazzjoni l-​kliem li Pawlu kiteb dwarhom! Dan setaʼ għen biex il-​ħbiberija tagħhom maʼ Pawlu tissaħħaħ. Tesprimi int b’mod regolari l-​apprezzament tiegħek għall-​affarijiet tajbin li ħutek tal-​kongregazzjoni jgħidu jew jagħmlu?

10. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù wera l-​apprezzament tiegħu lejn is-​segwaċi tiegħu?

10 Fil-​messaġġ tiegħu lil ċerti kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri, Ġesù wera l-​apprezzament tiegħu għax-​xogħol li s-​segwaċi tiegħu kienu għamlu. Pereżempju, hu beda l-​messaġġ lill-​kongregazzjoni taʼ Tjatira billi qal: “Naf l-​għemejjel tiegħek, u l-​imħabba u l-​fidi u l-​ministeru u s-​sabar tiegħek, u li l-​għemejjel tiegħek taʼ dan l-​aħħar huma iktar kotrana minn dawk taʼ qabel.” (Riv. 2:19) Ġesù mhux biss semma ż-​żieda fl-​attività tagħhom imma anki faħħarhom għall-​kwalitajiet li mmotivawhom jagħmlu dawn l-​affarijiet tajbin. Għalkemm Ġesù kellu jagħti parir lil xi wħud fi Tjatira, hu beda u spiċċa l-​messaġġ tiegħu bl-​inkuraġġiment. (Riv. 2:25-28) Aħseb fl-​awtorità li għandu Ġesù bħala l-​kap tal-​kongregazzjonijiet kollha. Hu m’għandux għalfejn jirringrazzjana għax-​xogħol li nagħmlu għalih. Minkejja dan, hu jagħmel ċert li jesprimi l-​apprezzament. X’eżempju eċċellenti ħalla lill-​anzjani!

HUMA MA WREWX APPREZZAMENT

11. Kif juri Ebrej 12:16, liema attitudni kellu Għesaw lejn affarijiet sagri?

11 B’dispjaċir, xi karattri Bibliċi ma wrewx apprezzament. Pereżempju, għalkemm Għesaw trabba minn ġenituri li ħabbew u rrispettaw lil Ġeħova, hu ma  weriex apprezzament lejn affarijiet sagri. (Aqra Ebrej 12:16.) Dan kif urieh? Mingħajr ma ħasibha, Għesaw partat id-​dritt tiegħu bħala l-​ewwel imwieled maʼ ħuh iżgħar, Ġakobb, għal sempliċi platt soppa. (Ġen. 25:30-​34) Iktar tard, Għesaw kien imdejjaq ħafna bl-​għażla li kien għamel. Imma hu ma weriex apprezzament għal dak li kellu, allura ma kellux għalfejn igerger meta ma ngħatax il-​barka li kienet tiegħu bi dritt bħala l-​ewwel imwieled.

12-13. L-​Iżraelin kif urew li ma kellhomx apprezzament, u x’kien ir-​riżultat?

12 L-​Iżraelin kellhom ħafna raġunijiet għal xiex juru apprezzament. Huma kienu nħelsu mill-​jasar wara li Ġeħova bagħat l-​Għaxar Kastigi fuq l-​Eġittu. Imbagħad, Alla salvahom billi qered lill-​Eġizzjani fil-​Baħar l-​Aħmar. L-​Iżraelin tant apprezzaw li kantaw għanja taʼ rebħa b’tifħir lil Ġeħova. Imma baqgħu japprezzaw?

13 Meta l-​Iżraelin iffaċċjaw sfidi ġodda, malajr insew l-​affarijiet tajbin kollha li Ġeħova kien għamel għalihom. Imbagħad, ma wrewx apprezzament. (Salm 106:7) Kif? “Il-​ġemgħa kollha taʼ wlied Iżrael bdiet tgerger kontra Mosè u Aron”—fir-​realtà, kontra Ġeħova bdew igergru. (Eżo. 16:2, 8) Hu kien diżappuntat bin-​nuqqas t’apprezzament li l-​poplu tiegħu wera. Iktar tard hu bassar li dik il-​ġenerazzjoni kollha kienet se tmut fid-​deżert, minbarra Ġożwè u Kaleb. (Num. 14:22-24; 26:65) Ejja naraw kif nistgħu nevitaw li nimitaw l-​eżempju ħażin taʼ dawn il-​karattri u minflok nimitaw uħud li apprezzaw.

URI APPREZZAMENT ILLUM

14-15. (a) Kif jistgħu l-​miżżewġin juru li japprezzaw lil xulxin? (b) Kif jistgħu l-​ġenituri jgħallmu lit-​tfal juru apprezzament?

14 Fil-​familja. Il-​familja kollha tibbenefika meta turi apprezzament. Iktar ma l-​miżżewġin juru li japprezzaw lil xulxin, iktar se jkunu magħqudin. Ukoll, se jsibuha iktar faċli li jaħfru lil xulxin. Raġel li japprezza lil martu mhux biss jinnota l-​affarijiet sbieħ li tgħid u tagħmel imma anki “jqum u jfaħħarha.” (Prov. 31:10, 28) U mara għaqlija ma żżommx lura milli tgħid b’mod speċifiku lil żewġha x’tapprezza fih.

15 Ġenituri, kif tistgħu tgħallmu lit-​tfal juru apprezzament? Ftakru li t-​tfal se jimitaw dak li intom tgħidu u tagħmlu. Għalhekk, agħtuhom eżempju tajjeb billi  tgħidu grazzi meta t-​tfal jagħmlu xi ħaġa għalikom. Ukoll, għallmu lit-​tfal tagħkom jgħidu grazzi meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa għalihom. Għinuhom jifhmu li l-​apprezzament jiġi mill-​qalb u li dak li jgħidu jistaʼ jħalli effett tajjeb. Pereżempju, tfajla jisimha Clary tgħid: “Meta kellha 32 sena, ommi f’daqqa waħda sabet ruħha waħedha bi tlett itfal xi trabbi. Meta għalaqt 32 sena, qgħadt naħseb kemm kien diffiċli għaliha taʼ dik l-​età. Allura, għedtilha kemm napprezza s-​sagrifiċċji kollha li għamlet biex trabbi lili u lil ħuti s-​subien. M’ilux, ommi qaltli li dak li kont għedtilha għadha tgħożżu f’qalbha, u spiss toqgħod taħseb fuqu, u dan dejjem jgħinha tħossha ferħana.”

Għallem lit-tfal tiegħek juru apprezzament (Ara paragrafu 15) *

16. Agħti eżempju li juri kif meta nuru l-​apprezzament, oħrajn jiġu inkuraġġiti.

16 Fil-​kongregazzjoni. Meta nuru l-​apprezzament tagħna lejn ħutna, aħna ninkuraġġuhom. Pereżempju, Jorge, anzjan taʼ 28 sena, marad serjament. Hu ma setax jattendi l-​laqgħat għal xahar. Anki wara li beda jmur il-​laqgħat, xorta ma setax iwettaq inkarigi minn fuq il-​platform. Jorge jammetti: “Ħassejtni ma niswa għal xejn minħabba l-​limitazzjonijiet tiegħi u minħabba li ma stajtx nieħu ħsieb responsabbiltajiet tal-​kongregazzjoni. Imma wara l-​laqgħa, ħu qalli: ‘Ridt ngħidlek grazzi għall-​eżempju mill-​aħjar li tagħti lill-​familja tiegħi. M’għandekx idea kemm ħadna pjaċir nisimgħu t-​taħditiet tiegħek matul dawn l-​aħħar snin. Għenuna nsaħħu l-​fidi tagħna.’ Tant apprezzajt dak li qalli li għajnejja mtlew bid-​dmugħ. Kliemu kien eżatt dak li kelli bżonn nismaʼ.”

17. Bħalma jgħid Kolossin 3:15, kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw il-​ġenerożità tiegħu?

17 Lil Alla ġeneruż tagħna. Ġeħova tana abbundanza taʼ ikel spiritwali. Pereżempju, aħna nirċievu tagħlim utli permezz tal-​laqgħat, rivisti, u websajts tagħna. Ġieli smajt taħdita, qrajt xi artiklu, jew rajt broadcast u għedt, ‘Dan hu eżatt dak li kelli bżonn’? Kif nistgħu nuru lil Ġeħova li napprezzaw? (Aqra Kolossin 3:15.) Mod wieħed hu billi regolarment nirringrazzjawh fit-​talb tagħna għal dawn ir-​rigali tajbin.—Ġak. 1:17.

Li ngħinu fit-tindif tas-Sala tas-Saltna hu mod mill-aqwa kif nuru l-apprezzament tagħna (Ara paragrafu 18)

18. B’liema modi nistgħu nuru li napprezzaw is-​Sala tas-​Saltna tagħna?

18 Nuru wkoll l-​apprezzament tagħna lejn Ġeħova meta nżommu l-​post għall-​qima tagħna nadif u kollox f’postu. Aħna nieħdu sehem regolarment fit-​tindif  u fil-​manutenzjoni tas-​Swali tas-​Saltna, u dawk li jużaw l-​apparat tas-​sawnd u l-​vidjows joqogħdu attenti li ma jagħmlux ħsara. Meta nieħdu ħsieb sew is-​Swali tas-​Saltna, dawn se jservu iktar u se jkollhom bżonn inqas manutenzjoni. B’dan il-​mod, se jkun hemm iktar flus li jistgħu jintużaw biex jinbnew u jiġu rranġati Swali tas-​Saltna oħra madwar id-​dinja.

19. X’tgħallimt mill-​esperjenza tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u martu?

19 Lil dawk li jaħdmu iebes għalina. Meta nuru apprezzament, il-​kliem tagħna jistaʼ jgħin lil persuna tħossha aħjar dwar l-​isfidi li qed tiffaċċja. Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u martu. Wara ġurnata twila xitwija fil-​ministeru, huma waslu fejn kienu qed joqogħdu għajjenin ħafna. Tant kien bard li l-​oħt raqdet bil-​kowt. Filgħodu, hi qalet lil żewġha li ħasset li ma tistax tkompli f’dan ix-​xogħol. Ftit sigħat wara, irċivew ittra mill-​uffiċċju tal-​fergħa, u din kienet indirizzata lilha. L-​ittra bi mħabba faħħret lill-​oħt għax-​xogħol tagħha u għax jirnexxilha tkampa fih. Fl-​ittra l-​aħwa wrewha li jifhmu kemm jistaʼ jkun diffiċli li kull ġimgħa tmur minn post għall-​ieħor. Żewġha jgħid: “Tant ħassitha apprezzata b’din l-​ittra li qatt ma reġgħet tkellmet dwar li riedet tieqaf mix-​xogħol tas-​circuit. Fil-​fatt, ħafna drabi hi tinkuraġġini biex inkompli meta naħseb biex nieqaf.” Il-​koppja baqgħu fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar għal kważi 40 sena.

20. X’għandna nipprovaw nagħmlu kuljum, u għala?

20 Jalla kuljum nipprovaw nuru l-​apprezzament tagħna bi kliemna u għemilna. Dak li ngħidu jew nagħmlu mill-​qalb forsi jkun eżatt dak li persuna jkollha bżonn biex tiffaċċja l-​problemi u l-​istress taʼ kuljum f’dinja ingrata. U l-​kliem t’apprezzament tagħna se jgħin biex insaħħu l-​ħbiberiji li jibqgħu għal dejjem. L-​iktar importanti, aħna se nkunu qed nimitaw il-​ġenerożità taʼ Missierna Ġeħova u l-​apprezzament li għandu għalina.

GĦANJA 20 Int tajt lill-​Iben għażiż tiegħek

^ par. 5 X’nistgħu nitgħallmu minn Ġeħova, Ġesù, u s-​Samaritan li kellu l-​marda tal-​ġdiem dwar li nuru apprezzament? F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw dawn l-​eżempji u oħrajn. Se niddiskutu għala huwa importanti ħafna li nuru l-​apprezzament u se naraw xi modi prattiċi li bihom nistgħu nagħmlu dan.

^ par. 1 ESPRESSJONI SPJEGATA: Li tapprezza lil xi ħadd jew xi ħaġa jfisser li tagħraf il-​valur tagħha. Il-​kelma tistaʼ tirreferi għal sentimenti taʼ gratitudni mill-​qalb.

^ par. 55 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: L-​ittra taʼ Pawlu qed tinqara lill-​kongregazzjoni taʼ Ruma; Akwila, Prixilla, Febe, u oħrajn qed jieħdu pjaċir li ssemma isimhom.

^ par. 57 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Omm qed tgħin lil bintha turi l-​apprezzament għall-​eżempju tajjeb taʼ oħt kbira fl-​età.