Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kont taf?

Kont taf?

Persuna kif kienet tivvjaġġa bil-​baħar fi żmien il-​qedem?

ĠENERALMENT, fi żmien Pawlu ma kienx jeżisti ġifen, jew bastiment, għall-​passiġġieri biss. Biex wieħed jivvjaġġa bil-​baħar, normalment kien jistaqsi lil oħrajn jekk kinux jafu b’xi bastimenti tal-​merkanzija li kienu sejrin fid-​direzzjoni li ried hu u jekk kinux lesti jtellgħuh magħhom. (Atti 21:2, 3) Anki jekk bastiment ma kienx ikun sejjer lejn il-​post fejn wieħed ried imur, meta l-​bastiment kien jieqaf f’portijiet differenti waqt il-​vjaġġ, il-​vjaġġatur kien ifittex għal bastiment ieħor li kien se jieħdu eqreb tad-​destinazzjoni tiegħu.—Atti 27:1-6.

Il-​vjaġġi bil-​baħar kienu jsiru fi żminijiet speċifiċi matul is-​sena, u l-​bastimenti ma kinux iżommu maʼ skeda stretta. Apparti temp ħażin, il-​baħrin ma kinux ibaħħru anki minħabba superstizzjonijiet, pereżempju jekk kienu jaraw ċawlun jgħajjat minn fuq il-​ħbula tal-​arbli u l-​qlugħ, jew jekk max-​xatt kienu jaraw biċċiet taʼ bastiment li kien tkisser. Il-​baħħara kienu jieħdu vantaġġ mir-​riħ, u għalhekk meta kien ikun riħ tajjeb, kienu jitilqu mill-​port. Meta vjaġġatur kien isib bastiment li jħallih jitlaʼ miegħu, hu kien imur viċin il-​port bl-​affarijiet tiegħu u jistenna avviż li l-​bastiment kien se jitlaq dalwaqt.

“Il-​belt taʼ Ruma kellha mod faċli għan-​nies biex isibu bastiment għall-​vjaġġ, allura ma kienx ikollhom għalfejn joqogħdu jfittxu għal wieħed huma,” jgħid l-​istudjuż tal-​istorja Lionel Casson. “Il-​port tagħha kien fejn ix-​Xmara Tevere tispiċċa fil-​baħar. Fil-​belt taʼ Ostia, li kienet fil-​viċin, kien hemm pjazza kbira mdawra bl-​uffiċċji. Ħafna minnhom kienu taʼ negozjanti li jibagħtu u jirċievu l-​merkanzija bil-​bastimenti minn portijiet differenti: in-​negozjanti taʼ Narbonne [illum Franza] kellhom uffiċċju, in-​negozjanti taʼ Kartaġni [illum it-​Tuneżija] kellhom ieħor, . . . u ħafna iktar. Kulma kellu jagħmel xi ħadd li kien qed ifittex bastiment kien li jmur jiċċekkja fl-​uffiċċji tal-​bliet li kienu fir-​rotta tiegħu.”

L-​ivvjaġġar bil-​baħar iffranka ħafna ħin lill-​vjaġġaturi, imma kellu wkoll ir-​riskji tiegħu. Ħafna drabi, Pawlu esperjenza nawfraġju waqt l-​ivvjaġġar tiegħu bħala missjunarju.—2 Kor. 11:25.